Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-persuna responsabbli mill-Human Resources fl-Air Malta spiċċat? X’kienet ir-raġuni? Kemm spiċċaw nies jew irreżenjaw nies mill-Air Malta f’dawn l-aħħar erba’ xhur?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
L-Air Malta iddeċidiet li twaqqaf il-persuna responsabbli mill-Human Resources fiż-żmien tal-probation period.
F’dawn l-aħħar erba’ xhur kien hemm ħamsa u tletin (35) persuna li b’xi mod jew ieħor waqfet taħdem mal-Air Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru, jew ta' l-Awtorità tat-Turiżmu, għal dak li jikkonċerna żvilupp ta' bajja bir-ramel, jew xorta oħra, fl-inħawi tax-Xemxija? X'konsultazzjoni saret sa issa dwar dan il-proġett, u ma' min?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qegħda fil-fażi finali ta’ numru ta’ studji illi kienu rikjesti sabiex jiġi iċċertifikat illi din il-bajja tista’ ssir kif ukoll sabiex jinġiebu l-permessi neċessarji mill-awtoritajiet kompetenti. Saru numru ta’ laqgħat bħala parti mill-proċess illi kienu jinkludu laqgħat mal-MEPA, Transport Malta, Water Services Corporation, il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, l-MHRA u rappreżentanti ta’ Birdlife Malta. Apparti dan, bħala parti mill-‘Human Populations Baseline Study’ saru wkoll xi intervisti man-nies li jabitaw fiż-żona ikkonċernata.
Aktar konsultazzjoni hija ippjanata fix-xhur li ġejjin hekk kif l-istudji ikunu qed jiġu iffinalizzati u aktar dettal dwar il-bajja ikun aċċessibli.
Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi, inkrew tlett karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal-Ministru għat-Turiżmu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li jiġi mgħejjun is-settur turistiku, matul dan is-sajf, għal dak li jikkonċerna t-turiżmu f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jassigura li jkun hemm inizjattivi partikolari għal dawn in-naħat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Il-Ministeru huwa mpenjat li jibqa’ għaddej b’momentum qawwi fil-qasam tat-turiżmu u tittejjeb il-kwalitá. Iż-żieda fin-numru ta’ turisti li żaru l-Gżejjer Maltin hija sfida kbira u ta’ pressjoni fuq l-infrastruttura tagħna. Għaldaqstant, il-Gvern stabbilixxa Żoni Turistiċi li fihom huwa inkluż San Pawl il-Bahar, sabiex jitjieb il-prodott permezz ta’ interventi ta’ tisbieħ, proġetti nnovattivi, żvilupp infrastrutturali, maniġġjar ta’ bajjiet u tindif. Nassigura li bħala waħda mil-lokalitajiet ewlenin ta’ akkomodazzjoni u divertiment turistiku, San Pawl il-Bahar ser jingħata l-importanza neċessarja anke fir-rigward ta’ standards ambjentali u ta’ sigurtà. Dan kollu se jgħin itejjeb l-esperjenza ta’ viżitaturi għal dawn iż-żoni popolari bħalma hija San Pawl il-Baħar, kif ukoll isostni u jiffaċilita l-pressjonijiet esperjenzati mill-Kunsill Lokali rispettiv. Attivitajiet kulturali u ta’ divertiment f’San Pawl il-Bahar, bħall-Karnival tas-Sajf li ġie mtellgħa f’Awwissu s-sena l-oħra u l-Festival tal-Logħob tan-Nar f’April 2014, juru impenn mill-Gvern sabiex nattiraw iktar turisti lejn xtutna.
Proġett fid-daħla tal-Belt Valletta — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġietx ikkonsultata fuq l-istrutturi li tpoġġew fit-tarf tat-taraġ tal-proġett ta' Renzo Piano fid-daħla tal-Belt Valletta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentri lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu — proġetti fl-Imġarr u San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti nfrastrutturali sar mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu, jew b'kollaborazzjoni tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu, fil-lokalitajiet tal-Imġarr u San Pawl il-Baħar, kull sena, mill-2011 sal-lum? Jista' jgħid x'nefqa kienet involuta f'dawn il-proġetti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2011 saret nefqa ta’ madwar €1.4 miljuni fuq titjib tal-Promenade f’San Pawl il-Baħar. It-titjib sar fuq toroq u bankini ġodda, dawl u bankijiet, u gallarija tal-ħadid ta’ 80metru li tagħti għal fuq id-daħla tal-Għażżelin.
Proġett ieħor li ġie inawgurat fl-2013 jikkonsisti fi żvilupp ta’ attrazzjoni turistika fil-ponta tal-Qawra li tinvolvi akkwarju għal-pubbliku, estensjoni tal-promenade, ħolqien ta’ pjazza u faċilitajiet oħrajn. Dan il-progett sar fuq bażi ta’ PPP fejn intefqu madwar €15-il miljun.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kienu ċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra is-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra s-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal- persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 9545
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għat-Turiżmu ma ta l-ebda xogħol bejn l-2004 u Marzu 2013 lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Ministeru għat-Turiżmu — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa quddiem il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għall-liema ditta qed jirreferi għaliha f’din il-Mistoqsija Parlamentari ġaladarba hi stess qed isemmi ditta legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet li wasslu għand l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu (MTA) u li ġew approvati, u li fil-fatt għadhom ma nbnewx, għal dak li jikkonċerna, estensjoni ta' lukandi, , kif ukoll għall-bidliet ta' bini f'boutique hotels, lokalità b’lokalità, skont il-kategoriji tat-Turiżmu f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u l-Imġarr? Jista' jagħti wkoll dettal ta' kemm hemm applikazzjonijiet simili li għadhom pendenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm catering establishments, li huma approvati mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu (MTA), f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, skont il-kategoriji li jiġu applikati mill-MTA?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma nagħta l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija fil-perjodu indikat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ġnien li hemm f'Pembroke quddiem il-Corinthia San Ġorġ jinsab fi stat ta' telqa? Għaliex mhux issir il-manutenzjoni tiegħu? Min suppost jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dan il-ġnien?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ġnien Pembroke ma jinsabx fi stat ta’ telqa. Il-ġnien tieħu ħsiebu l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Ministeru għat-Turiżmu — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa quddiem il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jgħid kemm turisti ġew Malta f'dawn l-aħħar tliet snin (kull sena separatament) minn dawn il-pajjiżi:
a. il-Ġappun;
b. il-Korea t'Isfel;
ċ. iċ-Ċina; u
d. ir-Russja?
Kemm minnhom ġew bl-ajru u kemm minnhom ġew bil-cruiseliners?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa quddiem il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu — xogħlijiet minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanu, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministru għat-Turiżmu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluz għal perjodu ta’ żmien is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Locali, għamel użu mis-servizzi tal-kumpaniji imsemmija minnu bi spiża medja ta’ €500 kull darba. Fi kwazi nofs id-drabi li sar użu mis-servizzi tal-kumpanija imsemmija minnu l-ispiża medja kienet ta’ inqas minn €300. F’kull kaz ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-servizz pubbliku.