Birkirkara – Triq Anġlu Mallia – reserved parking — permess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kaxxa reserved li tinsab quddiem l-iskola primarja ta’ Birkirkara fi Triq Anġlu Mallia għandhiex il-permessi neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li skont records ta’ Transport Malta tali parkeġġ riservat komunali għal persuni b’diżabbilta’ mhux approvat mill-Awtorita’. Dan il-każ ġie diskuss mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fejn l-Awtorita’ ġiet infurmata li tali parkeġġ jintuża mill-ġenituri ta’ żewġt itfal li jattendu l-iskola primarja ta’ Birkirkara li tinsab biswit l-istess parkeġġ riservat. Għaldaqstant, tali parkeġġ ser jiġi sanzjonat mill-Awtorita’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn uffiċjali ta’ Transport Malta waħlu avviżi ma’ karozzi li jkollhom il-liċenzja tagħhom skaduta? Kemm minn dawn kienu f’San Pawl il-Baħar u f’dan il-każ meta twaħħlu dawn in-noti ta’ tneħħija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta ma żżommx statistika ta’ dawn l-avviżi maħruġa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy ta’ Transport Malta f’dak li jikkonċerna clamping zones? Kemm hawn clamping zones awtorizzati madwar Malta u Għawdex? Fejn huma ż-żoni li fihom jistgħu jiġu clamped il-vetturi? Fil-każijiet fejn hu permessibli l-clamping, kemm hu l-ħlas stipulat li għandu jitħallas??
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat minħabba li materji li jirrigwardaw clamping mhux amministrati minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17163 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jorħsu l-liċenzji ta' vetturi privati importati mir-Renju Unit b'sistema ta' dual fuel (petrol u gass) minħabba li dawn inġustament iħallsu liċenzji għolja ħafna ibbazata fuq l-emissions li jħalli l-petrol meta dawn is-sidien ovvjament iħaddmu l-vettura fuq LPG minħabba li huwa ekonomiku ħafna iktar mill-petrol u dan filwaqt li vettura tal-istess mudel, l-istess sena ta' manifattura u taħdem bil-petrol imma ta' tip commercial tħallas biss liċenzja ta' €350 u sidien tal-istess vettura privata li hija dual fuel tħallas €1057, liema ammont jirrifletti ftit inqas mil-valur fis-suq tal-istess vettura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta persuna tbiddel il-vettura tagħha minn petrol għal petrol u gas, Transport Malta tnaqqas l-ammont ta’ CO₂ b’10% kif stipulat fl-Att 368, Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Licenzjar tal-Vetturi bil-Mutur, u għaldaqstant l-ammont tal-liċenzja jiġi mnaqqas ukoll.
Barra minn hekk, b’referenza għall-ħlas tal-liċenzja ta €1,057, din il-liċenzja tirrifletti vetturi b’magna petrol u b’ CO₂ ta’ bejn 221 u 250 g/km u li jkollha aktar minn erbatax-il sena.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17160, jappreza li d-direzzjoni tat-traffiku eżistenti toħloq periklu kbir għal persuni li jmorru fil-Kitchen Garden tal-President u li kieku l-vetturi jużaw rotot alternattivi sabiex imorru lejn it-Tramuntana ta' Malta kull ma jkun iffisser mhux aktar minn żewġ minuti żejda fil-vjaġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li sistema ta’ traffiku f’direzzjoni waħda toħloq problem ta’ ċirkulazzjoni fiż-żona. Madanakollu, il-periklu li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ser jiġi eżaminat minn Transport Malta.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17178 li kienet tagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 16912, jista' l-Ministru jara li almenu l-parti tat-triq perikoluża, minħabba l-fatt li l-istess parti indika fil-mistoqsija hi mimlija kollha tumbati koroh, li qed jikkawżaw tidwir min-naħa għall-oħra tat-traffiku li jkun tiela u nieżel fl-istess inħawi, u allura hemm perikolu kontinwu li jaħbtu jew jinqalbu l-vetturi li jkunu għaddejjin? Jista' jassigura li din il-parti tat-triq tingħata wiċċ ġdid iktar u iktar meta jidher ċar li x-xogħol kollu meħtieġ se jdum ħafna biex jinbeda u jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qegħda tistudja intervent bil-konkos fil-partijiet tat-triq imsemmija. Dan għandu jirrriżulta f’sitwazzjoni aħjar minn dik preżenti sakemm jinstab qbil fuq soluzzjoni permanenti li tinvolvi diversi entitajiet barra mis-sitwazzjoni ta’ traffiku li joħloq xogħol f’din it-triq.
Public cleansing services department – skart miġbur
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart li l-public cleansing services department neħħa minn siti fejn jintrema lis-skart kontra l-liġi, bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, xahar b’xahar b’mod separat? Jista’ jgħid minn liema żoni nġabru l-ikbar ammonti ta’ skart matul dan il-perjodu? Jista’ jgħid x’tip ta’ skart inġabar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart mormi illegalment li inġabar mill-1 ta Jannar sad-data tal-lum jammonta għal 3,002 tunellata ta’ skart.
Jannar 451.53 tunellata
Frar 450.67 tunellata
Marzu 1170.12 tunellata
April 412.97 tunellata
Mejju 454.26 tunellata
Ġunju 63 tunellata
L-iktar żoni li inġabar skart minnhom huma :
Żejtun – Triq il-Ħotba
Manoel Island
Żabbar – Il-Foss
M’Scala – Żonqor point
Mosta – Żona industrijali
B’Buġia – Ħas-Saptan
Kalkara – Żona ta’ Wied Għammieq
Imrieħel – Żona industrijali
Diversi żoni industrijali u widien madwar il-pajjiż.
L-iskart miġbur ivarja, minn skart goff, materjal tal-kostruzzjoni, annimali mejta, kif ukoll kull tip ta’ skart domestiku.
Kuntratti lill-kumpaniji Maltin – kostruzzjoni u turnkey
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fil-kostruzzjoni u turnkey mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema tip ta’ kostruzzjoni qed tirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fir-rigward ta’ road works (kemm bini mill-ġdid kif ukoll irranġar) mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, id-dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?
Response (MIZZI, JOE)
l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fil-perjodu msemmi ngħataw 191 kuntratt li l-valur tagħhom ivarja bejn €6300.00 u €26,647,208.58 . Dawn jinkludu proġetti kbar fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kosta. Dawn il-kuntratti ngħataw lil diversi kumpaniji u f’kull każ Transport Malta segwiet il-proċeduri ta’ procurement tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li hemm ħaddiema fi Transport Malta li jinsabu fuq forced leave? Kemm hu l-ammont ta’ dawn il-ħaddiema? X’inhi r-raġuni għalfejn dawn il-ħaddiema ntalbu joħorġu fuq forced leave u minn min ingħatat id-direzzjoni biex isir dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta għandha impjegat wieħed li ntalab ma jirrappurtax għax-xogħol sakemm isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar każ li l-Awtorita’ saret taf dwaru.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — rotot ċirkulari
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot ċirkulari li kienu qed jiġu provduti minn Arriva, qabel ma beda jaħdem l-operatur il-ġdid u dan fejn jikkonċerna il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar filfatt twaqqfu milli joperaw? Meta twaqqaf is-servizz u fuq talba ta' min? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li dawn l-istess servizzi jerġgħu jiġu introdotti? Fil-każ minn meta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-kumpanija Arriva Malta Ltd waqfet topera f’Malta ma twaqqfu l-ebda rotot tat-trasport pubbliku.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — servizz mibdul tal-karozzi tal-linja
Question
Billi issa ninsabu qirb li jibda jitħaddem is-servizz mibdul tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju u dan fuq ir-rotot li jservu l-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm mill-bidliet li rrakomandaw il-Kunsilli Lokali huma mistennija li jidħlu fis-seħħ? Liema huma dawn il-bidliet li se jidħlu fis-seħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġa ġie imħabbar, it-tibdiliet fir-rotot se jkunu qegħdin jiġu introdotti gradwalment. L-ewwel grupp ta’ rotot li ġew introdotti kienu dawk li daħlu fis-seħħ ġewwa Għawdex fil-21 ta’ Ġunju 2015.
It-tibdiliet fir-rotot li jikkonċernaw il-lokalitajiet imsemmija, jiġifieri l-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar ser jiġu introdotti aktar tard din is-sena. Kif diġa’ ġie spjegat fit-tweġiba illi ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16753, kemm ir-rotot il-ġodda, kif ukoll it-tibdil li se jkun hemm fuq ir-rotot eżistenti ser jiġu mħabbra u spjegati fid-dettal kif ikunu qegħdin jigu introdotti.
In-network il-ġdid ġie imfassal wara konsultazzjoni wiesgħa, kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali u fejn kien possibli, is-suġġerimenti ġew milqugħa u nklużi fit-tibdil illi ser iseħħ.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ingaġġ ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’irwol kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk inħatritx b’sejħa jew b’għażla diretta? Jista’ jgħid kemm damet tokkupa kull kariga b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ rimunerazzjoni li kellha, inkluż il-perkaċċi kollha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-records ta’ dan il-Ministeru m’hawn l-ebda informazzjoni li l-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ingħatat xi rwol f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru bejn l-2008 u Marzu 2013.
Ir-Rabat – Triq tad-Dwejra – servizzi tal-ilma u d-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jindika b’liema fondi saret it-Triq tad-Dwejra Malta (limiti tar-Rabat) bejn it-Triq tal-Imġarr u ż-żona Tas-Salib, jekk hux b’fondi ta’ Transport Malta jew inkella b’Fondi Ewropej? Jekk il-ħidma li saret kienet tinkludix it-tibdil tas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ fl-imsemmija triq? Jekk is-servizzi ma nbidlux, jista’ jagħti r-raġuni għalfejn ma nbidlux meta minn informazzjoni li għandi dawn is-servizzi ilhom mgħoddija minn żmien l-Amministrazzjoni Brittanika f’pajjiżna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-triq imsemmija ingħatat wiċċ ġdid taħt il-programm European Agricultural Fund for Rural Development 2007 – 2013, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-eliġibilta` ta’ dan il-fund talloka biss flus għal-xogħol ta’ resurfacing.
Jista’ l-Ministru jikkonferma u f’każ li iva, jindika meta se jsir xogħol ta’ patching fit-toroq fiż-żona tas-Salib fil-limiti tar-Rabat peress li t-toroq imsemmija qed jintużaw bħala rotta ta’ devjazzjoni lejn il-Baħrija? Jista’ jikkonferma li waqt li bdew ix-xogħlijiet fuq it-triq li tagħti għall-Baħrija, din ir-rotta ta’ devjazzjoni miż-Żona tas-Salib, sal-bieraħ kienu għadhom ma sarux xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuqha b’detriment għar-residenti tal-Baħrija u l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għaddejjin mhumiex ta’ Transport Malta. It-triq li qiegħda tintuża bħala rotta ta’ devjazzjoni waqt dawn ix-xogħlijiet ma taqax taħt ir-risponsabbilta’ ta’ Transport Malta. Madankollu Transport Malta qed tevalwa l-possibilita li tintervjeni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-pjani biex issir bypass fil-lokalità tal-Iklin bejn il-bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout fil-Wied tal-Iklin u Triq Geronimo Abos kienux abbandunati u allura jfisser li din il-bypass mhux se ssir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qatt m’ abbandunat il-possibilita’ tal-bini ta’ Bypass bejn il-Bypass ta’ B’Kara u r-roundabout fil-Wied tal-Iklin u Triq Geronimo Abos. Transport Malta se tkompli għaddejja bl-istudji neċessarji dwar il-vijabilita’ ta’ dan il-proġett abbażi tal-prioritajiet u riżorsi disponibbli.
In vista tal-fatt li l-Gvern se jkun qed iniedi l-proċess tal-Public Transport Card mill-Kunsilli Lokali, jista’ l-Ministru jgħid x’diskussjonijiet ta’ preparazzjoni saru bejn Transport Malta, il-management tal-kumpanija Spanjola u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali bi preparazzjoni għal dan il-proċess u x’backing se jkun qed jingħata lill-Kunsilli Lokali fuq din il-ħidma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hekk kif ġie imħabbar, Tallinja Card qiegħda titqassam permezz tal-posta u mhux permezz tal-kunsilli lokali.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni biex ikollha reserved parking bay?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforema lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-parkeġġ riżervat li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, waslet għand Transport Malta fil-15 ta’ Mejju 2015. Din l-applikazzjoni ġiet proċessata u ser tiġi evalwata fil-laqgħa tal-bord għall-Parkeġġ Riżervat ta’ Persuni b’Diżabbilta’ li jmiss fis-26 ta’ Ġunju 2015.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16986 li oriġinarjament saret lil Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u jieħu l-passi neċessarji biex il-ħaxix li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jinqata' qabel ma jingħata jew jieħu n-nar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif neċessarju qed isir mid-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jindika jekk Triq il-Għajn il-Kbira li tagħti għall-Buskett hijex se tingħata wiċċ bit-tarmak għaliex preżentament qiegħda fi stat diżastruż u perikoluż b’inkonvenjent għal kull min jgħaddi minnha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq il-Għajn il-Kbira hija triq asfaltata.