Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili — Radjazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt sarx xi studju fuq ir-radjazzjoni li toħroġ mis-sistema tar-radar li d-Dipartiment ta' Avjazzjoni Ċivili għandu f'Ħad-Dingli u l-effett li jista' jkollha r-radjazzjoni fuq ir-residenti tar-raħal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-Radar ta' Had-Dingli gie nstallat fl-1986 u beda jaħdem fl-1987. F'Novembru 1987, id-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili talab lill-Occupational Health Officer tad-Dipartiment tas-Saħħa biex jinvestiga jekk dan ir-Radar kienx qiegħed joħloq periklu għas-saħħa f'Ħad-Dingli u jissuġġerixxi xi forma ta' soluzzjoni jekk il-każ kien hekk. F'Marzu 1988, l-Occupational Health Officer informa lid-Dipartiment li ma kienx hemm sinjali ta' radjazzjoni fuq l-impjegati ta' dan il-post. Saru wkoll arranġamenti ma l-Awtorita' ta' l-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit biex espert minn tagħhom jiġi u jinvestiga hu wkoll din il-kwistjoni. Dan l-espert, fir-rapport tiegħu f'Awissu 1988, ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda sinjal ta' radjazzjoni fl-istazzjon u li minħabba d-distanza li hemm bejn l-istazzjon u Ħad-Dingli kif ukoll minħabba d-direzzjoni ta' l-aerial tar-Radar, ma kienx hemm xi periklu għall-abitanti ta' Ħad-Dingli. Jien infurmat ukoll li fl-1989 twaħħlet biċċa apparat sensittiva biex tkejjel l-ammont ta' radjazzjoni li jista jkun hemm fl-akwata ta' l-istazzjon. Minn dak iż-żmien 'l hawn ma kienx hemm rapporti li kien hemm xi leakages ta' radjazzjoni. Ta' min jgħid ukoll li dan l-istazzjon għadda f'idejn il-Malta International Airport mill-1 ta' Mejju 1998 meta d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili ma baqax l-Operatur ta' l-Airport.

Rabat — Għajn Qajjed

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 18362, li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' d-Dipartiment tal-Housing jistħarreġ kif jista' jkun hemm aċċess għall-parking aħjar fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjied ir-Rabat Malta? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir underground parking fil-futur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għal dak li jirrigwarda aċċess aħjar għal parking fil-qasam tad-djar, tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x`jista jsir. Fil-kas tat-talba għal underground parking, jien infurmat li s`issa m'hemm l-ebda ħsieb li dan isir.

Qormi — Imdina Road - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega b'mod aktar ċar ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 19956 dwar Imdina Road, Qormi, għax ma jidhrix li hemm konnessjoni bejn il-mistoqsija u t-tweġiba li ngħatat?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19956.

Birkirkara/Santa Venera — Toroq

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 19953, jista' l-Ministru jgħid fejn se jinbnew ir-retention basins fl-inħawi ta' Triq Salvu Psaila? L-ilma li jinġabar fir-retention basins fejn se jittieħed u b'liema sistema se jitwassal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-location eżatta ta` fejn ser jinbnew ir-retension basins tkun tista` tingħata malli dan il-pjan jitlesta` kollu. L-ilma li jakkumula fir-retension basin ikompli miexi fis-sistemi ta` storm water culverts fil-lokalita` b'forza imnaqqsa li tgħin fl-effiċjenza tal-kontrol tar-run off tax-xita minn dawn l-akwati.

VRT — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li ma għaddewx mit-test tal-VRT tul din is-sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew skrappjati karozzi f'din l-istess sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li n-numru ta' vetturi li m'għaddewx mill-Vehicle Roadworthiness Test mill-1 ta' Jannar 2000 sat-30 ta' Settembru 2000, fl-ewwel test kien 7,751. Fl-istess perjodu ġew skrappjati 3,239 vettura.

Korpi Parastatali — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-korpi parastatali/awtoritajiet/kummissjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet tiegħek mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 422, 427, 3132, 3133, 6362, 6363, 9503, 9506, 12468, 12531, 19217 u 19220, jien infurmat li ġew impjegati sebgħa clerks u Assistant Accountant ma` l-Awtorita` Marittima ta` Malta.

Vetturi — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew liċenzjati karozzi ġodda tul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li mill-1 ta' Jannar 2000 sat-30 ta' Settembru 2000 ġew illiċenzjati 12,351 vettura ġdida.

Trasport u Komunikazzjoni — Xiri ta' Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda fid-dekasteru tiegħu mill-1992 sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' karozza hi (d-ditta)?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

PTA

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' għat-Trasport Pubbliku tinstalla bus shelter fil-bus stop li tintuża l-aktar mill-istudenti Universitarji li jużaw it-trasport pubbliku biex mill-Universita' jmorru lejn il-Belt Valletta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ser tieħu ħsieb tinstalla 'bus shelter' fil-post indikat.

It-Tieni Distrett — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq fit-tieni distrett elettorali se jingħataw wiċċ bit-tarmac fis-sena li ġejja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-programm tax-xogħol tat-toroq għas-sena d-dieħla għadu qed jitfassal.

Toroq — Pjanti

Question

Jista' l-Minstru jgħid matul is-sentejn li għaddew kemm tlestew pjanti mill-periti tad-dipartiment tat-toroq għal dawk it-toroq li ħarġu b'kuntratt mill-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni peress li tant saru pjanti ta' kull tip u dettal fuq ix-xogħolijiet tad-Dipartiment, li fil-perjodu msemmi kien hemm żewġ draughtsmen full time fuq dan ix-xogħol, kif ukoll żewġ periti li minn żmien għal żmien huma stess ġieli għamlu pjanti li kienu jinħtieġu. Fl-aħħar sena żdiedu wkoll seba' gradwati mill-Universita' li segwew studju fuq id-disinn u kostruzzjoni ta' toroq li huma wkoll qed jesegwixxu xogħol ta' disinn kif meħtieġ.

Toroq — Construction u Tiswijiet ta' Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati għal road construction u tiswijiet ta' toroq u kemm intefqu s'issa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ammont ivvutat għal Road Construction ġenerali u tiswijiet ta' toroq taħt Vote VII Capital huwa Lm4,650,000 li jkopri kuntratti mogħtija s'issa li jammontaw għal valur komplessiv ta' Lm4.8M. Il-valur tax-xogħol u l-pagamenti li saru s'issa hu Lm2,442,709.56c.

Testijiet — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-vetturi minn uffiċjali tad-Dipartiment matul din is-sena? Għal-liema raġunijiet prinċipali? Kemm weħlu mit-test? Meta vettura jkollha bżonn li għal xi raġuni jsirilha xi test, kif jiġi żgurat li l-ħsara tkun irranġata? Jista' jelenka t-tip tal-vetturi li sar test fuqhom bħal-trakkijiet, vetturi privati eċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Uffiċċjali tad-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet ma jagħmlux testijiet fuq il-vetturi. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant il-Vehicle Roadworthiness Tests isiru minn stazzjonijiet awtoriżżati għal dan il-għan.

Duħħan Velenuż

Question

Nirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 19975 dwar il-kontroll tal-ħruġ ta' duħħan velenuż minn vetturi meta dan ġie ddikjarat internazzjonalment bħala ta' theddid għas-saħħa? Id-Dipartiment għandu tagħmir effikaċi biex jikkontrolla u jipprova jelimina dan il-velenu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Duħħan Velenuż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'koperazzjoni teżisti bejn id-Dipartiment tat-Trasport u l-pulizija dwar il-vetturi li jkunu mħarrka għaliex kienu qed isuqu vettura li mill-exhaust pipe tagħha kienet qed tarmi duħħan? Il-pulizija jinformaw id-Dipartiment tat-Trasport meta tinħareġ ċitazzjoni dwar dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-infurzar tal-liġi hija prerogattiva tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #20340 Sitting 403 2000-10-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Sptar Monte Carmeli — Daħla

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa pprogrammat li titlesta d-daħla ta' l-Isptar Monte Carmeli? Jaf li xogħol li hemm mibdi ilu 'l fuq minn sena u għadu mhux lest? Jaf kemm hu ta' periklu għal kulmin dieħel u ħiereġ bil-karozza kif ukoll għal pazjenti li l-familjarji tagħhom meta jiġu biex jaqsmu t-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19956.

Dipartiment tat-Toroq — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar 2000 sal-10 ta' Settembru 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Toroq? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta` ħaddiema fid-Dipartiment tat-Toroq fil-perjodu msemmi.

Dipartiment tal-Liċenzji — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar 2000 sal-10 ta' Settembru 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Liċenzji? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-5 ta` Jannar 2000 sa l-10 ta` Settembru 2000 ma saru l-ebda trasferimenti fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet.

Kuntratturi — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm kien hemm kuntratturi li tħallsu għal toroq li ħadmu b'kuntratt għall-gvern? Kemm tħallas kull kuntrattur għax-xogħol li għamel fit-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant trid tinġabar minn diversi Dipartimenti, u għalhekk tingħata aktar 'il quddiem.