Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ripatrijazzjoni ta’ immigranti irregolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati immigranti irregolari minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – transfers ta’ impjegati fl-entitajiet li jaqgħu taħtu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ta’ impjegati saru fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, entità entità, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Entità Total ta’ Transfers Forzi Armati ta’ Malta 76 Faċilita’ Korretiva ta’ Kordin 10 Dipartiment tal-Probation u Parole 3 Office of the Manager Airport Security 2 Korp tal-Pulizija 430 Reġistru ta’ l-Artijiet 14 Reġistru Pubbliku 6 Uffiċju għal-Immaniġġjar tal-Identita’ 36 Passaporti u Reġistrazzjoni Ċivili 2 Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Expatriate 13 Visa 5 Director Defence Matters 10 Dipartiment tad-Ditenzjoni 8 Refugee Commissioner 1 Civil Protection Department 9

Kummissarju tal-Pulizija – ordni dwar operat ta’ bar ta’ każin tal-boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-Kummissarju tal-Pulizija f’dawn l-aħħar xahrejn ta ordni biex jitħalla jopera bar ta’ każin tal-boċċi fin-naħa t’isfel ta’ Malta li kien u għadu jopera bla permess tal-Pulizija u jservi ikel mingħajr il-permess tal-Awtoritajiet tas-Saħħa? Jista’ jgħid xi rwol kellu ċ-chief of staff tiegħu biex il-Kummissarju ta din l-ordni biex jitħalla l-ksur tal-liġi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ jirriżultaliex li kien hemm xi ksur fl-operat ta’ xi klabb tal-boċċi fin-naħa t-isfel ta’ Malta, jekk l-Onor. Interpellant jista’ jkun ftit aktar speċifiku nipprova nindaga.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Diċembru 2010.

Telf ta’ ID Card

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha l-l-ID card tagħha mitlufa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Tarxien – Ftuħ ta’ għassa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għassa tal-pulizija ta’ Ħal Tarxien tinfetaħx? Jekk iva, kull meta tinfetaħ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għassa tal-Pulizija ta' Ħal Tarxien tinfetah kwazi kuljum. F’ċerti ħinijiet l’għassa tingħalaq u dan waqt li isiru 'foot patrols' fil-lokal, waqt sorveljanza ma’ l-iskejjel pubbliċi kemm filgħodu jew wara nofs inhar u meta jsir xogħol in konnessjoni ma’ rapporti tal-pubbliku f'Hal Tarxien. Hemm drabi meta l’għassa tingħalaq meta il-pulizija jkun imsejjah għal xogħol ieħor fid-distrett ta' Raħal Ġdid jew barra mid-distrett, skond l-esiġenzi tas-servizz.

Satellite Charges mill-media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie mitlub iħallas jew kemm ġew inkorsi spejjeż f’satellite charges mill-media, bħall-Public Broadcasting Services, għal-links li saru u li jkunu saru sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, biex ikun hemm kollegamenti ma’ Malta waqt li kienet qed takkumpanja lill-Prim Ministru minn Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Chief of Staff — servizz ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala ċ-Chief of Staff tiegħu għandu żewġ membri tas-servizz tas-sigurtà addetti miegħu fil-perijodu li fih qed issir din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iċ-Chief of Staff tal-Ministeru la qatt kellu u lanqas għandu xi membri tas-Sigurta adetti miegħu. Għal darba oħra l-Onorevoli Interpellant informat ħażin.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – dipartimenti, aġenzija u entità — budget

Question

B’referenza għal kull dipartiment/aġenzija/entità li hu responsabbli minnha, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-budget approvat f’April 2013 ġiex imnaqqas jew le wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva, b’kemm u x’kienet ir-raġuni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda budget ma’ ġie mnaqqas ħlief dak ta’ l-Armata li tnaqqas minħabba potenzjal ta’ użu ta’ fondi ewropej minflok fondi nazzjonali.

Ċittadinanza – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara x’sar mill-file tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li sejħulu biex jiġbor iċ-ċittadinanza tiegħu imma meta mar l-Uffiċċju taċ-Ċittadinanza qalulu li l-file tiegħu ntilef u s’issa għadu bla risposta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-file ta’ din il-persuna mhux mitluf u l-iproċessar ta’ l-applikazzjoni tagħħa waslet fl-aħħar stadju.

Ċittadinanza — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba għaċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u dan wara li ilha miżżewġa u tgħix Malta għal aktar minn 10 snin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-applikazzjoni ta’ din il-persuna għada qed tiġi pproċessata u waslet fi stadju avvanzat. Din il-persuna u r-raġel tagħha se jiġu mitluba jattendu għal intervista fid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates fi żmien qrib.

Forzi Armati ta’ Malta – membri tal-bord tal-għażla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala ċ-Chief of Staff tiegħu tqiegħed ex officio membru fis-SRAAC tal-Forzi Armati wara l-policy ġdida ta' Mejju 2013? Jaħsibx li mhux post għal membru tas-segretarjat privat ta' Ministru li jkun fuq bord ta' għażla tal-Forzi Armati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li L-armata mhijiex irregolata mill-Publilc Administration Act u l-anqas mill-Public Service Commission. Minkejja li ma kien hemm l-ebda obbligu, il-kompozizzjoni tal-Bord xorta saret skond l-SRAAC- (Senior Appointments Advisory Commitee).

Forzi Armati ta’ Malta – membri tal-bord tal-għażla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li bil-ħatra taċ-Chief of Staff tiegħu, li tqiegħed ex officio membru fis-SRAAC tal-Forzi Armati minn Mejju 2013, inkisirx l-ispirtu ta’ Art. 14(4) tal-Public Service Commission Regulations, li jgħid li fil-każ tas-Servizz Pubbliku m’għandux ikun hemm xi membru tas-segretarjat ta' xi Ministeru fuq kwalsiasi Bord ta' Għażla? Ma jaħsibx li mhux la best practice u lanqas good governance li jkun hemm indħil politiku fuq bord ta' għażla, iktar u iktar f'bord ta' għażla tal-Forzi Armati peress li issa l-policy ta' Mejju 2013 trid li ċ-Chief of Staff ikun membru tas-SRAAC?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Armata kif kelli l-okkażjoni ninformah kemm –il darba mhix regolata mill-Public Service Commission.

Korp tal-Pulizija — Bord tal-Akkademja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala l-Bord tal-Akkademja tal-Pulizija li twaqqaf mhux qed jinkludi membru mill-MPA, anke jekk ex officio huwa membru?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall mistoqsija parlamentari 5175.

Police Negotiation Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala l-Police Negotiation Board mhux kostitwit?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar ġie kostitwit fl-1 ta' Novembru 2013 permezz tal-Avviż tal-Gvern nru: 1083 ippubblikat fil-Gazetta tal-Gvern nru: 19,160

Rapid Intervention Unit — transfers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għat-transfers li ħarġu din il-ġimgħa mir-Rapid Intervention Unit lura f'ċertu għases? Għal liema għases ġew trasferiti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie spjegat għall diversi drabi fi tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett ta’ transfers fil-korp, l-assenjament tax-xogħol lill-membri tal-Korp, dejjem jsir fl-aħjar interess ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali kif sar f’din l-okkażżjoni.

Swieqi – għassa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ l-għassa tas-Swieqi? Kemm se jkun hemm pulizija stazzjonati u x’se jkunu l-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir ix-xogħol biex l-Għassa tas-Swieqi titlesta. Malli din titlesta mill-għamajjar u equipment neċessarju u jitlesta l-evalwar neċessarju biex jiġi stabilit kemm u fi x'ħin ser ikun hemm bżonn ta’ uffiċjali stazzjonati hemmhekk, insegwitu din tinfetah.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 ma kien hemm l-ebda xogħol li ngħata lil kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament.

Immigranti Irregolari f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali maqsum f’kategoriji (asylum seekers, refused applications, refuġjati, irregular immigrants, granted humanitarian protection eċċ.) ta’ immigranti rregolari u refuġjati li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti l-aktar ċifri riċenti ta’ din l-informazzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Persuni residenti f’Malta li mhumiex ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti skont l-iktar records riċenti, in-numru ta’ persuni barranin iżda mill-Unjoni Ewropea residenti f’Malta skont il-pajjiż? Jista’ jagħti rendikont tan-numru totali ta’ persuni minn pajjiżi terzi li huma residenti f’Malta skont il-pajjiż tal-oriġini?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.