Ninsab infurmat li l-bypass tax-Xemxija li qed tiġi proposta hija maħsuba biex tkun triq alternattiva biex tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-telgħa tax-Xemxija u ukoll biex ittejjeb l-ambjent f'din iż-żona. Din il-proposta tagħmel parti mill-proġett li hu ppjanat biex tittejjeb t-triq arterjali no.1 (Ċirkewwa - Marsaxlokk) li din tagħmel ukoll parti mit-"Trans European Transport Road Network".
Din il-bypass proposta tikkonsisti fit-twessiegħ u titjieb ta' toroq eżistenti (Xemxija, Għajn Tuffieħa, id-daħla għall-Manikata u t-triq bejn il-Manikata għal ta' Pennelu, il-Mellieħa) kif ukoll il-bini ta' mina ta' 499m taħt il-Manikata. It-tul totali ta' din it-triq huwa ta' 6km.
Ħafna alternattivi oħra ġew studjati minn kumpanija ta' konsulenti Franċiżi, BECOM flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport u mall-MEPA u ġie ukoll valutat l-impatt ambjentali u ekonomiku ta' kull proposta. Din ir-rotta kienet meqjusa bħala l-inqas waħda li għandha impatt ambjentali negattiv.
Bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet mall-Pubbliku fuq dan il-proġett, kif ukoll fuq il-proġetti l-oħra proposti għat-titjib tat-TEN-T Network.
Il-Ministeru m'għandu l-ebda policy jew preferenza għal policy li jibni toroq uq raba saqwi. Is-soluzzzjoni proposta ġiet mgħarbla sew, anke ma' uffiċjali mis-sezzjoni tal-ambjent tal-MEPA. L-impatt tat-triq proposta fuq raba saqwi għandu jkun minimu.
F'rigward ta' titjib u ppjanar ta' toroq ġodda l-ADT dejjem tipprova tibqa' mal-linja ta' triq eżistenti, fejn tista', iżda xi kultant ċertu titjib ta' toroq u junctions ikunu neċessarji sabiex tittejjeb is-sigurta' tas-sewwieqa u pedestrians.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għadha proposta, jiġifieri għadha trid tgħaddi minn proċes ta' studju tal-impatt ambjentali.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13402 u jgħid jekk it-triq li tagħti min-naħa tat-Toqba tal-Birgu - Kalkara creek - għal taħt Sant'Anġlu - Dockyard creek - minn taħt il-fortifikazzjonijiet u li ġiet magħluqa mill-consortium Kottonera Waterfront issa hijiex se terġa' tinfetaħ, peress li din il-mina kienet triq li tgħaqqad ix-xatt tal-Birgu ma' dak tal-Kalkara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mina hija miftuħa bħala passaġġ bir-riġel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq, ma kien hemm l-ebda każ li fil-preżent tressaq quddiem il-Public Service Commission.
Jista' il-Ministru jintervjeni fil-kwestjoni dwar linji sofor li qegħdin isiru fix-xatt ta' Tas-Sliema għad-detriment kbir lir-residenti li diġa' għandhom problema bil-parking tal-vetturi tagħhom, peress li jien informat li l-kunsill lokali huwa kontra dawn il-linji u l-awtorita' dwar it-trasport imponiet lilha nnifisha? Jista' il-Ministru jara li jsir xi arranġament ieħor li jkun iktar adegwat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm kwistjoni fuq dawn il-linji sofor ghax kemm is-Segretarju Eżekuttiv kif ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Sliema ġew infurmati kemm bil-kitba kif ukoll verbalment fuq il-pjanijiet ta’ titjieb u tiġdid ta’ sinjali tat-traffiku bil-għan illi nimminimanizzaw ir-riskji u periklu għall-istess residenti u turisti li jżuru l-inħawi.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta imbarkat biex coaches, mini buses u taxis ikollhom bays quddiem il-lukandi biex iwaqqfu l-klijenti b’mod korrett u bla periklu kemm għall-istess klijenti u kemm għat-traffiku li jkun għaddej fl-inhawi. Saru sinjali quddiem il-lukandi f’dan ir-rigward b’allowance ta’ ħames minuti biex tgħabbi jew tniżżel klijenti. Dan hu apposta biex dan l-ispazju jiġi użat kif xieraq bla waqfien u dewmien żejjed għalxejn. Fl-istess ħin kull tip ta’ trasport turistiku jkun jista’ jinqeda sew.
Illum b’din is-sistema, il-moniteraġġ tat-traffic flow qed isir aħjar u jelimina l-konġestjoni ta’ qabel li kienet tiġi kreata b’abbuż mit-trasport turistiku li jipparkja fejn jidhirlu.
Huwa b’dan l-istess għan illi l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ħadet passi biex iġġib l-ordni fix-xatt tas-Sliema fejn ħafna mini-buses u coaches kienu qegħdin jipparkjaw bl-addoċċ u double parking għad-detriment ta’ turisti u residenti ta’ l-inħawi.
Il-bays li saru fix-Xatt għandhom ħin stipulat. Vannijiet u coaches iridu jieqfu jniżżlu jew jgħabbu lin-nies f’ċertu ħin li jaqbel ma’ l-iskeda tat-tluq tal-cruise boats li joperaw ix-xatt. Fil-ħin li jibqa' mill-ġurnata, dawn il-bays jirritornaw għall-użu tar-residenti.
Minħabba dawn l-arranġamenti ġodda fix-xatt qegħdin isiru diskussjonijiet mall-Kunsill Lokali biex fi żmien qasir ħafna, fl-istess xatt, ikun hemm Residential Parking li jibbilanċja mall-ħtiġijiet l-oħra ta’ l-inħawi.
Skond paragrafu 4 (e) ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta, tali Awtorita’ hija responsabbli li tipprovdi u tippromwovi s-sigurta fis-sistemi tat-trasport. Id-double parking li kien qed isir fix-Xatt ta’ tas-Sliema kien qed joħloq periklu lil kull individwu li juża t-triq.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta qiegħda tistudja li dawn l-arranġamenti li saru f’San Ġiljan u Sliema jitħaddmu wkoll f’postijiet oħra fejn hemm konġestjoni tat-traffiku li jistgħu jikkaġunaw periklu għar-residenti u għal nies li jużaw l-inħawi.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jingħataw iċ-ċwievet ir-residenti li se jerġgħu jmorru jgħixu Tigne' skond il-ftehim li sar magħhom u l-iżviluppaturi ta' Tigne'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li f'dawn l-aħħar ġranet fl-awtorita' dwar it-trasport wieħed mill-impjegati nħatar assistent personali taċ-chief executive mingħajr ma ħarġet xi sejħa għal applikazzjonijiet? Meta din il-persuna bdiet taħdem ma' l-awtorita', f'liema kariga u b'liema salarju? Jista' jgħid kemm-il ħatra ngħatat minn dak iż-żmien 'il hawn u x'żidiet ħadet fis-salarju? Kemm hu s-salarju li se tieħu fil-kariga ġdida tagħha, li skond informazzjoni li għandi, għandha parentela ma uffiċjal fis-segretarjat personali tal-Ministru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed tiġi riferuta mill-Onorevoli Interpellant bdiet taħdem ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport fis-6 ta' Jannar, 2004. Ma ngħatatilha l-ebda żieda fis-salarju u ma saret l-ebda sejħa għall-applikazzjoni għar-raġuni li din il-kariga hija waħda ta' persuna ta' fiduċja u l-pożizzjoni ġiet kreata għal proġetti speċifiċi u moniteraġġ b'għajnuna lill-Kap Eżekuttiv.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha ma tidħol għax-xogħol ma' l-awtorita' dwar it-trasport il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Din il-persuna baqgħet titħallas minkejja li ma baqgħetx tidħol għax-xogħol? Din il-persuna għadha tidher fuq il-kotba ta' l-awtorita'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed tiġi riferuta mill-Onorevoli Interpellant b'għadiex impjegata ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 13124 u 13416 u b'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 12934 ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt jew kuntratti li kienu ġew iffirmati bejn il-periti u l-ADT? Jista' jgħid min kienu l-persuni li approvaw lill-periti in kwestjoni, b'indikazzjoni tal-kariga ta' kull persuna u f'liema lokal jgħixu wieħed wieħed?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta bdiet tiġi mqabbda taħdem xogħol ma' l-ADT il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u x'xogħol qed tagħmel?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li dwarha saret din il-mistoqsija tifforma parti minn konsorzju flimkien mad-ditta ta' konsulenti Ġermaniżi KHP li rebħu t-tender għal Professional Services for the inspection and maintenance of Manwel Dimech Bridge at Triq M A Vassalli, St Julian's (CT2518/2004).
Din il-persuna għamlet u għadha tagħmel xogħlijiet oħra bħala supervisor inkonnessjoni ma' l-ADT, f'liema xogħlijiet ġiet imqabbda minn kuntratturi (bħala parti mit-tenders) jew minn periti oħra u approvata mill-ADT.
Jista' il-Ministru jgħid liema toroq se jsiru tul is-sena 2005 fil-lokalita' ta' Ħaż-Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport ħarġet tender biex tittaffa’ l-problema tal-għargħar f’parti minn Triq il-Qalb Imqaddsa, Triq l-Iskola, Triq il-Kunvent u Triq is-Santwarju. Dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew matul din is-sena.
Bħala parti minn agreement ta’ Lm75,000 bejn ADT u Kunsill Lokali din is-sena saru xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq u asfaltar fi Triq il-Berbies u Triq l-Għakrux. Din is-sena bħala parti minn dan l’istess agreement huwa ppjanat ukoll li jsiru xogħlijiet fi Triq Sant Antnin, Triq Lia u Sqaq Ganton.
Jista' il-Ministru jgħid instabitx soluzzjoni għall-problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera - mistoqsija parlamentari 30300, seduta 665 tal-10 ta' Diċembru 2001 - u jekk fl-affermattiv meta beħsiebu jibniha mill-ġdid issa li suppost tlesta s-survey u l-pjanti għall-bini ta' ġibjun?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infuramt li b'referenza għall-problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar fi Triq il-Palazz l-Aħmar, St. Venera, id-Direttorat lesta survey ta’ din iż-żona biex tkun tista' tiġi proposta site għal dan il-ġibjun.
Sadattant id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta’ toroq ġodda u x-xogħol imsemmi se jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw. Il-ġibjun se jinbena mall-kumplament tax-xogħol meta tinbena t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jara li jitkomplew ix-xogħlijiet fil-bypass ta' l-Imtarfa, u cioe' fil-parti l-oħra tal-bypass? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel fażi tat-tieni parti tal-bypass ta’ l-Imtarfa beda nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju, 2005. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-bini ta’ retaining wall bhal ma sar fl-ewwel parti. Fit-tieni fażi ser jgħaddu s-servizzi minn taħt it-triq u wara tiġi asfaltata.
Floriana — Licensing & testing dept. - post quddiem Bieb A
Question
Billi post quddiem Bieb A fejn jitħallsu l-liċenzji tal-karozzi qed jintuża għal karozzi ta' l-impjegati ta' l-awtorita', jikkonsidra l-Ministru li in vista tal-fatt li qed ikun hemm queues kbar, dan il-post jista' jintuża jew għall-ħlas tal-liċenzji jew għal skop pubbliku ieħor?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li Hall A, fejn jitħallsu l-liċenzji tal-karozzi għandha żewġ bibien. Wieħed jinsab f’kantuniera u għaldaqstant hemm “double yellow line” u quddiem l-ieħor hemm barrieri u indikazzjoni li ma tistax tipparkja. Għaldaqstant f’din l-area llum ħadt ma’ jista’ jipparkja.
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infumat li l-impjegati ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport jipparkjaw f’ “Parking Bays” li jistgħu jintużaw ukoll mill-pubbliku ġenerali.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13123 u jgħid b'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 12808 jekk il-kuntratturi indikati fl-imsemmija risposta kenux ingaġġaw periti privati Maltin oħrajn meta kienu tefgħu l-offerti tagħhom l-ewwel darba qabel kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-kuntratturi kollha jiġu aggruppati f'lots separati? Jekk iva, jista' jgħid min huma l-periti u jekk għandhomx b'xi mod jew ieħor jipprestaw is-servizzi tagħhom taħt forma ta' subcontracting mal-periti li l-ismijiet tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Jista' jagħti dettalji ta' periti Maltin li qegħdin b'xi mod jew ieħor jgħinu lill-periti msemmija qabel u f'liema lot?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li s-segwenti hija l-lista tal-Periti Maltin li kienu nominati meta ntefgħu l-offerti l-ewwel darba:
ERGON
Perit Carm Lino Spiteri / Malta Planning & Design Consultants (MP & DC)
SIG
Dr. Edwin Mintoff
BASSILOTTA
Dr. Edwin Mintoff
INTEGRA
Perit Carm Lino Spiteri / Malta Planning & Design Consultants (MP & DC)
ANASTASI
Perit Carm Lino Spiteri / Malta Planning & Design Consultants (MP & DC)
MATTIOLI
Perit Joe Bugeja
Meta l-kuntatturi ERGON, Fratelli Bassilotta u Fratelli Anastasi ġew aġġuddikati xogħlijiet fuq LOTS 1, 2 u 3 rispettivament, l-Awtorita' dwar it-Trasport approvat is-Supervisors li kienu ġew nominati fit-tenders tagħhom.
Sussegwentament, meta l-Awtorita' aġġuddikat xogħlijiet lill-kuntratturi SIG, Integra srl u Mattioli spa fil-LOTS 1, 2 u 3 rispettivament, l-Awtorita' estendiet il-kuntratti tas-Supervisors biex ikomplu s-servizzi tagħhom fuq il-LOTS li huma kienu qed joperaw.
Id-dokument tat-tender tax-xogħlijiet tal-Protokoll Taljan jippermetti id-delegazzjoni ta’ servizzi tal-Perit hekk imsemmi bħalha Supervisor fl-istess tender document, lil persuna oħra hekk riferuta bħalha Supervisor’s Representativebir-responsabbilita finali tkun tas-Supervisor.
Is-segwenti huma Periti Maltin illi kienu nominati bħalha Supervisor’s Representativefuq il-LOTS rispettivi:
LOT
Supervisor
Supervisor’s Representative
LOT 1
Perit Carm Lino Spiteri
Perit Robert Sant
LOT 2
Dr. Edwin Mintoff
Perit William Lewis
LOT 3
Perit Carm Lino Spiteri
Perit David Farrugia
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13124 u b'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 12934 ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt jew kuntratti li kienu ġew iffirmati bejn il-periti u l-ADT? Jista' jgħid min kienu l-persuni li approvaw lill-periti in kwestjoni, b'indikazzjoni tal-kariga ta' kull persuna u f'liema lokal jgħixu wieħed wieħed?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13125 u jgħid in vista tal-fatt li sabiex jiġu upgraded taħt il-Protokoll Taljan, Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, kellhomx jintużaw għat-traffiku dawn it-toroq sekondarji ta' Ħaż-Żebbuġ u cioe Triq Santa Marija, Triq il-Kbira, Triq Mikelanġ Sapiano, Triq Eugenio Borg, Triq Gianni Bonnici u Triq Dun Luret Callus, liema toroq iddeterjoraw bl-użu matul dawn l-aħħar xhur, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li dawn jiġu upgraded bl-assistenza ta' fondi speċjali tal-gvern lill-kunsill lokali jew b'intervent dirett tal-gvern?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq nippreċiża li Triq l-Imdina u Triq Ħaż Żebbuġ mhux xogħol ta' upgrading sar fihom, imma xogħlijiet ta' bini mill-ġdid minħabba li dawn ma kienux mibnija sew oriġinarjament. L-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandux indikazzjoni jew studji li t-toroq imsemmija iddeterjoraw minħabba li dawn it-toroq intużaw għad-devjazzjoni tat-Traffiku minħabba xogħlijiet li għaddejin fuq proġetti ta' toroq iffinanzjati mill-ħames Protokoll finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u/jew asfaltata Triq San Lawrenz, Birgu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara stejjem tax-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq. Ix–xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet mill-programm tax-xogħlijiet ta’ l-ADT.
Żvilupp Urban u t-Toroq — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. li jaħdmu taħt id-dipartimenti u/jew dekasteri u /jew korporazzjonijiet eċċ. li weġġgħu jew korrew fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-ewwel xhur tas-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Fil-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq, kellna tlett ħaddiema li weġgħu fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-ewwel xhur tas-sena.
Jista' il-Ministru jindaga dwar jekk jistax isir xi forma ta' trasport ċirkolari mir-Rabat u l-irħula ta' madwar biex in-nies ikollhom aċċess għaċ-ċentru tas-saħħa tar-raħal u l-kunsill lokali? Jista' jinnota li jekk dan isir minn fuq is-Saqqajja jista' jevita ħafna traffiku li jrid jgħaddi minn Ġorġ Borg Olivier Street u t-toroq ta' madwar ir-Rabat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li r-rotot eżistenti għal Ħad Dingli u l-Imtarfa jgħaddu mis-Saqqajja u għalhekk jgħaddu mill-viċinanzi tal-Kunsill Lokali.
Ir-rotta ta’ l-Imtarfa, mill-Belt Valletta u viċi versa tgħaddi minn Triq Santa Rita, liema triq tinsab ħdejn iċ-Ċentru tas-Saħħa. Ir-rotta tal-Baħrija ukoll tgħaddi minn Triq Santa Rita.
Barra minnhekk wieħed irid ikun infurmat li ċ-Centru tas-Saħħa tar-Raħal, il-Kunsill Lokali u il-Bus Stops eżistenti huma kollha fil-viċinanzi ta’ xulxin u għaldaqstant, l-irħula ta’ madwar ir-Rabat huma kollha moqdija bir-rotot eżistenti.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol ta' culverts fi Triq Qalb Imqaddsa, u Triq Wied il-Għajn, Żabbar biex tittaffa l-problema ta' l-għargħar? Jista' isir sforz biex dawn jitlestew qabel ix-xitwa li ġejja biex jiġu evitati ħafna problemi għar-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet kien inħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti - tender CT 33/2005 – li għalqet fis-17 ta’ Marzu 2005.
Bħalissa qed isir il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet. Kif dawn ix-xogħlijiet jiġu aġġudikati jinbdew minnufih.