Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħol ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xogħol ta' kostruzzjoni li sar fil-bini tal-amministrazzjoni f'San Vinċenz de Paul, biswit l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, kellux il-permessi meħtieġa tal-awtoritajiet konċernati, fosthom tal-MEPA? Jekk kellhom il-permessi meħtieġa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi inkwistjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu fl-2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2004 ġew ingaġġati 207 persuni mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu. Dawn jinkludu nurses ma’ SVPR, DECC u FSWS (inkluż re-instatements ), Social Workers u Support Workers mal-FSWS u diversi impjiegi temporanji mal-proġett LEAP ikkofinanzjat mill-UE. Uħud mill-impjiegi saru sabiex jagħmlu tajjeb għal dawk li spiċċaw għal xi raġuni jew oħra u oħrajn biex jagħmlu tajjeb għal numru ta’ postijiet vakanti fid-dekasteru.

CEO tal-Awtorità tad-Djar – salarju u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk is-salarju u l-perkaċċi tas-CEO tal-Awtorità tad-Djar żdidux jew le minn meta daħal f’dan il-post? Jista’ jpoġġi kopja tal-permessi meħtieġa tas-sezzjoni tal-HR tal-istess Ministeru, tal-Finanzi u tal-PAHRO li jikkonferma s-salarju l-perkaċċi tas-CEO? Jista’ jgħid x’inhuwa s-salarju u l-perkaċċi preżenti tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lis-salarju u l-perkaċċi tas-CEO tal-Awtorità tad-Djar ma żdiedux minn meta daħal f’dan il-post. Id-differenza annwali, minn sena għall-oħra tirrifletti biss iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Din il-pożizzjoni hija fuq ‘position of trust’ u għalhekk ma kienux meħtieġa permessi. L-Awtorita qed tiffranka is-somma ta’ € 1,743.16 fis-sena meta mqabbla mal- pozizzjonijiet tal-Kap Ezekuttiv precedenti

Awtorità tad-Djar – Executive Heads

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm executive heads preżentement fl-Awtorità tad-Djar u kemm ser ikun hemm oħrajn b’riżultat tas-sejħiet li qegħdin isiru? Jista’ jgħid x’inhuma s-salarji u l-perkaċċi ta’ kull head? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm personal assistants għal kull head u l-paga u l-perkaċċi tal-personal assistant ta’ kull executive head ġewwa l-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-Awtorità tad-Djar fil-preżent hemm erba’ (4) Executive Heads waqt li hemm żewġ postijiet għal Executive Heads oħra illi wieħed minnhom ser jimtela b’riżultat ta’ dawn is-sejħiet waqt li l-post ta’ Executive Head – Financial Controller ser jimtela wara sejħa li kienet saret aktar qabel. Is-salarji ta’ kull Executive Head prezenti huma kif indikat fit-tabella li qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra

Executive Heads u CEO — appraisals

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-appraisal ta’ kull executive head u tas-CEO tal-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid kemm ingħata performance bonus għas-sena 2014 lil kull head u lis-CEO? Jista’ jpoġġi r-rapport ta’ kull performance bonus u l-Minuti tal-bord tad-diretturi li approvaw dawn il-performance bonuses?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li is-CEO tal-Awtorita’ tad-Djar ingħata 15% performance bonus tas-salarju basiku tiegħu filwaqt li l-Executive Heads kollha ingħataw 10% performance bonus tas-salarju basiku tagħhom.

Chairperson, CEO u Deputy CEO – salarji u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa totali f’salarji u perkaċċi flimkien meta tgħodd dawk taċ-Chairperson, tas-CEO u tad-Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma s-salarji u l-perkaċċi tal-personal assistants tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali f’salarji u perkaċċi taċ-Chairperson, tas-CEO u tad-Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar ser tkun ta’ €97,270.64, ladarba l-pożizzjoni ta’ Dep CEO tiġi mimlija. Dan l-ammont jeskludi s-servizz tal-Mobile tagħhom, l-Performance Bonus, spejjeż tal-karozza tal-Awtorita’ tas-CEO u tad-Deputy CEO. Teskludi wkoll il-Private Hospital Insurance għad-Dep CEO u d-dipendenti tiegħu/tagħha peress li dan jiddependi minn numru tal-membri tal-familja li jkollu/ha l-persuna appuntata. In-nefqa tal-personal assistant tad-Dep CEO ma tistax tingħata peress li dan jiddependi mill-persuna li tigi appuntata Deputy CEO. Is-salarji u l-perkaċċi tal-personal assistants taċ-Chairperson u tas-CEO huma kif indikat hawn taħt: Kariga Salarju Perkaċċi Deskrizzjoni tal-Perkaċċi PA Chairperson €21,284 432 prevailing rates 1300 350 Mobile Allowance Medical Hospital Insurance għal impjegat Disturbance Allowance Diploma Allowance PA CEO €25,905.98 prevailing rates prevailing rates 1,300 700 Massimu ta’ 10% Performance Bonus Fully Expensed Mobile Service Private Hospital Insurance għal impjegat Disturbance Allowance Masters Allowance L-Awtorita qed thallas l-istess somma meta mqabbla mal-istess pozizzjonijiet fl-Amministrazzjoni precedenti

Trasferiment ta’ individwu – passi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi kontra min ħa d-deċiżjoni li jittrasferixxi lill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema trasferiment kellu jiġi rtirat wara pressjoni mill-Oppożizzjoni, numru ta’ ġenituri u individwi oħra li ffirmaw petizzjoni f’dan is-sens?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nist'a nassigura lill-Onor. Interpellant li l-passi li ttiehdu saru mhux ghax kien hemm xi forma ta’ pressjoni li ghamel referenza ghaliha l-Onor interpellant, izda ghax ma qbiltx mad-decizjoni amministrattiva li saret. Ninforma lill-Onor interpellant li s-Sur John Role’ qed ikun ukoll ikkonsultat regolarment fit-twaqqif tac-Centru ghall-Adozzjoni u Fostering sabiex titwettaq weghda elettorali ohra fil-qasam tal-Politika Socjali sabiex jissahhu s-setturi tal-Adozzjoni u Fostering f’pajjizna

Awtorità tad-Djar – sejħiet interni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ġurnata qabel ix-shutdown tal-Milied l-Awtorità tad-Djar ħarġet 18-il sejħa interna, fosthom ta’ Deputy CEO? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni ta’ dawn it-18-il sejħa? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha meħtieġa mis-sezzjoni tal-HR tal-Ministeru u tal-PAHRO għal kull sejħa li saret u l-kwalifiċi kif mitluba mill-istess PAHRO? Jista’ jgħid kemm ser jiswew lill-Awtorità tad-Djar dawn it-18-il sejħa? Jista’ jagħti lista sħiħa tal-e¿itu li mistenni joħroġ minn dawn is-sejħiet, jiġifieri kemm ser tkun aktar effiċjenti jew kemm ser isiru proġetti u/jew skemi ġodda permezz ta’ dawn is-sejħiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ħarġet 23 sejħa interna, fosthom dik ta’ Deputy CEO. Għal dawn is-sejħiet, barra dawk ta’ Deputy CEO u Support Services Assistants, m’hemmx bżonn li jinġiebu permessi u dan skont id-direttiva numru 7 maħruġa mill-PPS f’Jannar 2014. Ir-raġuni għall-dawn is-sejħiet huma parti minn eżerċizzju sabiex tissaħħaħ l-istruttura tal-Awtorità tad-Djar u bis-saħħa t’hekk tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tilħaq l-għanijiet u l-iskopijiet tagħha li qegħdin dejjem jiżdiedu.

Awtorità tad-Djar – sejħa għal deputy CEO

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li għas-sejħa ta’ Deputy CEO qiegħed jintalab biss minimu ta’ livell 6 jew aktar tal-MQRIC? Jekk iva, dan mhux preċedent għal entitajiet oħra meta biex persuna tilħaq anke l-livell ta’ direttur ta’ dipartiment għandha bżonn livell ta’ 7? Jaf il-Ministru li fis-sejħiet għal Supervisor u Kordinatur li saru fl-istess sejħa fl-istess Awtorità qiegħed jintalab ukoll livell 6? Jista’ jpoġġi kopja tal-permess tas-sezzjoni tal-HR tal-istess Ministeru u mingħand il-PAHRO li jikkonferma li livell 6 jew aktar huwa biżżejjed għall-ħatra ta’ Deputy CEO fl-Awtorità tad-Djar? Jista’ l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-Minuti tal-Bord tad-Diretturi li approva din il-ħatra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tikkonferma li għas-sejħa ta’ Deputy CEO qiegħed jintalab livell 6 tal-MQRIC u snin ta’ esperjenza filwaqt li fis-sejħiet għal Supervisor u Kordinatur qed jintalab livell 6 tal-MQRIC jew numru ta’ snin ta’ esperjenza. Hija prerogattiva tal-Awtorità xi kwalifiki jkun hemm bżonn mill-istaff tagħha.

Kariga ta’ Deputy CEO – salarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-paga bażika u l-perkaċċi kollha li ser ikun marbuta mal-post ta’ Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-permessi meħtieġa mis-sezzjoni tal-HR tal-istess Ministeru, tas-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-PAHRO fuq dan is-salarju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-paga bażika u l-perkaċċi kollha li ser ikun marbuta mal-post ta’ Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar huma s-segwenti: Kariga Salarju Perkaċċi Deskrizzjoni tal-Perkaċċi Deputy CEO 34,035 Sa Massimu ta’ 10% Performance Bonus prevailing rates Fully Expensed Mobile Service prevailing rates Company Car fuelled & maintained prevailing rates 150 lts fuel per month 281 p/p Private Hospital Insurance għal impjegat u dipendenti Kopja tal-approvazzjoni mis-sezzjoni tal-HR u tas-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru u mill-MFIN qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li approvazzjoni tal-PAHRO mhux applikabbli.

Aġenziji u entitajiet – Deputy CEOs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Deputy CEOs fl-aġenziji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u min huma? Jista’ jgħid min huma d-Deputy CEOs ġewwa l-Aġenzija Sedqa, fl-Aġenzija Sapport u fl-Appoġġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-istruttura preżenti l-grad li qed tirreferi għalih ma jeżistix la fl-FSWS u lanqas fl-Aġenziji li qed tirreferi għalihom fil-mistoqsija tagħha. Hu mistenni li fil-futur isir strutturar sabiex il-Fondazzjoni ssir entità legali.

Awtorità tad-Djar – ħatra ta’ Deputy CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li saret ħatra ta’ Deputy CEO meta fl-Awtorità tad-Djar hemm Chairperson (li skont risposti għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti, iċ-Chairperson hija hands on) kif ukoll CEO? Ma jaħsibx il-Ministru li l-Awtorità tad-Djar ser ikollha heavy top management u ftit x’turi fl-operat tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operat tal-Awtorità tad-Djar se jiżdied konsiderevolment

Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konflitt ta’ interess bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u xi kuntratturi minħabba xi xogħlijiet li huwa ġie imqabbad jagħmel? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mingħand l-entitajiet jew awtoritajiet finanzjarji biex juri li l-kap eżekuttiv preżenti ma għandu l-ebda shares jew rabtiet finanzjarji, kummerċjali jew oħrajn ma’ kuntratturi jew oħrajn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra

Foster parents – applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet pendenti sa Diċembru 2014 ta’ individwi li applikaw sabiex ikunu foster parents?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ talbiet pendent sa Diċembru 2014 jammonta għal ħmistax (15).

Bord tal-adozzjonijiet tat-tfal — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-bord responsabbli tal-adozzjonijiet tat-tfal matul is-sena 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fis-sena 2014 il-Bord għall-Adozzjoni ltaqa’ 17-il darba.

Residenza San Vinċenz de Paul — lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-lift fis-sala St. Joseph (ward 9) fir-Residenza San Vinċenz de Paul ilu jiem ma jaħdimx b’inkonvenjent mhux żgħir għal dawk li s-soltu jagħmlu użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà ittieħdet l-azzjoni opportuna sabiex jiġi indirizzat l-inkonvenjent.

Fostering – trasferiment ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13640 u jgħid min ħa d-deċiżjoni li jittrasferixxi lill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mill-kariga li huwa kien ilu jokkupa għal dawn l-aħħar snin fis-settur tal-fostering?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni ttieħdet b’mod amministrattiv u jien ħadt il-passi u d-deċiżjoni mehuda ġiet over-ruled.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — Trasferiment ta’ individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu biex każijiet bħal dak li seħħ fil-konfront tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma jerġgħux isiru mhux biss f’oqsma sensittivi bħal mhu dak tal-fostering, iżda f’kull dipartiment ieħor li jaqa’ taħt l-istess Ministeru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru dejjem jieħu dawk il-passi necessarji skond il-bżonn.

akkomodazzjoni soċjali — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi vverifikat każ ta' individwu lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.