Ftehim bejn il-Gvern u l-ASA fuq użu tal-pixxina u faċilitajiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-ftehim mal-ASA relatat mal-użu tal-pixxina u faċilitajiet oħra fl-istess kumpless? Jista' jikkonferma jekk hux se jkun hemm bdil mill-arranġamenti li diġà jeżistu bejn il-Gvern u l-istess ASA anke jekk ma kienx hemm ftehim iffirmat fuq uħud minn dawn l-arranġamenti li però kienet qed tibbenefika minnhom l-ASA bejn l-2008 u Marzu 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-KMS u l-ASA jinsabu viċin li jiġi ffirmat kuntratt li ilu għal żmien twil mhux imġedded. Fil-kuntratt intlaħaq ftehim ta' kundizzjonijiet li minnhom qed jiggwadanja l-isport Malti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jibdel xi arranġamenti li diġà jeżistu mal-Malta Amateur Athletics Association (MAAA) fir-rigward tal-użu tal-faċilità sportiva tal-Matthew Micallef St.John track ? U jekk iva, jista' jelenka fiex se jkun jikkonsisti dan it-tibdil ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jsir tibdil fil-kuntratt li jeżisti mal-Malta Amateur Athletics Association (MAAA) rigward l-użu tal-faċilità sportiva tal-Matthew Micallef St. John track.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fi ħdan l-Sports Promotion Unit matul l-aħħar xhur waqgħux taħt ir-responsabbilità tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni minflok kif kienu qabel taħt il-Kunsill Malti tal-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema fi ħdan l-iSports Promotion Unit kienu u għadhom jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Malti għall-iSport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-13-il ħaddiem li kienu assenjati b'responsabbilità diretta mal-Sport Promotion Unit (skont il-mistoqsija parlamentari 10027) matul l-aħħar 12-il xahar spiċċaw jaħdmu bħala peripatetic fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda ħaddiem li spiċċa jaħdem bħala peripatetic.
Billi f'risposti preċedenti dejjem ingħad li l-Ministeru ma’ ħa l-ebda pożizzjoni kontra li l-bandli ta' quddiem l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar jitlestew, u billi dawn l-istess bandli baqgħu qatt ma saru għaxskont xniegħat li jiżdiedu kuljum minħabba li l-iskola ser tispiċċa minn fejn hi, jista' l-Ministru jassigura li ma kien hemm l-ebda bidla għal dak li jikkonċerna l-pożizzjoni tal-Ministeru, jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu, biex il-bandli jkunu jistgħu jitkomplew, biex fl-aħħar ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jiġu utilizzati bħala bandli, minflok jibqgħu spazju dejjem iktar abbandunat, iktar u iktar meta snin ilu kien hemm finanzi approvati taħt l-urban improvement fund biex dawn il-bandli jitlestew?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda bidla ta' pożizzjoni minn dik deskritta fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9593.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda globali ta' studenti li attendew l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, matul is-sena skolastika li għadha kif intemmet? Kemm kienet iż-żieda fin-numru ta’ studenti mhux Maltin li kienu jattendu f'din l-iskola, kemm fil-bidu tas-sena skolastika kif ukoll fl-aħħar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li bdew kors tal-MCAST f’Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika 2013/2014 u kemm hu n-numru ta’ studenti li baqgħu jsegwu l-kors sal-aħħar tas-sena skolastika sal-aħħar ta’ Ġunju 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru ta’ studenti li bdew kors tal-MCAST f’Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika 2013/2014 kien ta’ 266 u n-numru ta’ studenti li baqgħu jsegwu l-kors sal-aħħar tas-sena skolastika kien ta’ 251.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma r-raġunijiet għalfejn l-Università ta' Malta qed tintroduċi fid-dħul għal kors tal-PGCE b'emendi kif imħabbra fl-Avviż Legali 220 tal-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-emendi proposti ġew proposti u diskussi fi ħdan id-Department of Arts & Languages in Education, li huwa d-dipartiment li joffri l-korsijiet PGCE tal-Ingliż, Malti u Reliġjon. Meta ntlaħaq kunsens dwarhom ġew mgħoddija lill-Bord tal-Fakultà tal-Edukazzjoni u ġew diskussi fil-laqgħa tas-27 ta’ Novembru 2013.
L-emendi saru biex jiċċaraw il-kriterji użati għad-dħul fil-kors tal-PGCE, minħabba l-fatt li min jidħol f’kors biex jilħaq għalliem f’dawn is-suġġetti għandu bżonn bażi ta’ għarfien tal-kontenut tal-oqsma speċifikati fl-emenda.
Avviż Legali 220 — konsultazzjonijiet mal-MUT, Direttorati tal-Edukazzjoni u KSU
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux konsultazzjonijiet mal-Malta Union of Teachers, mad-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-Kunsill tal-Istudenti Universitarji dwar l-Avviz Legali 220 tal-2014? Jekk saret konsultazzjoni magħhom, jista' jgħid x'kienet il-pożizzjoni ta' dawn it-tlett organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk kienx hemm laqgħat ta' konsultazzjonijiet oħra u jekk kien hemm ma' min u x'kienet il-pożizzjoni tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ma sarux konsultazzjonijiet ma’ dawn l-organizzazzjonijiet għax l-emendi jikkonċernaw materji akkademiċi.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk hux se jkun hemm inqas studenti li jidħlu għal korsijiet tal-Ingliż, tal-Malti, u tar-Reliġjon mis-snin l-imgħoddija meta wieħed jikkonsidra l-emendi li qed jiġu introdotti fl-Avviz Legali 220 tal-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-istudenti fil-korsijiet undergraduate (eż. Bachelor of Arts) tal-Ingliż, tal-Malti u tar-Reliġjon isegwu study-units fl-oqsma li huma inklużi fl-emendi proposti. Għaldaqstant mhuwiex previst illi jkun hemm tnaqqis fin-numru tal-istudenti li japplikaw biex isegwu l-PGCE f’dawn is-suġġetti. In-numru ta’ studenti li jsegwu l-kors jiddependi min-numru ta’ postijiet ipprovduti fl-iskejjel biex isir it-Teaching Practice.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-indikaturi li bihom se jkun qed jitkejjel it-titjieb fil-litteriżmu f'Malta u Għawdex bħala konsegwenza tal-Istrateġija Nazzjonali għal-Litteriżmu għal Malta u Għawdex fi żmien tliet snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kulleġġi għandhom sistemi ta' assessjar kontinwu, ċekkjaturi u testijiet fil-litteriżmu.
Fuq livell nazzjonali hemm l-assessjar nazzjonali fil-litteriżmu għal tfal ta' 7/8 snin (Year 3) u l-benċmark għal tfal ta’ 11-il sena, fl-aħħar tal-iskola primarja.
Fuq livell internazzjonali Malta tieħu sehem fil-PIRLS (Progress in International Reading Literacy Study) għal studenti ta' għaxar snin u fil-PISA (Programme for International Student Assessment) għal studenti ta' 15-il sena.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10029, jista' l-Ministru jindika liema skejjel ibbenefikaw mill-programmi indikati fl-istess risposta xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014 ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10032, jista' l-Ministru jindika meta hu mistenni jitlesta x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali li kien indikat fir-risposta u jekk il-Ministru għadux bl-istess ħsieb li kien stqarr is-Segretarju Parlamentari preċedenti f'din il-leġiżlatura, responsabbli miż-żgħażagħ u sport , li l-ispiża għal din il-manutenzjoni se tkun qed tammonta għal madwar €600,000?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li x-xogħlijiet li għad iridu jsiru huma dawn:
1. Tqegħid ta’ art ġdida fuq id-
deck
tal-pixxina - €150,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tal-2016.
2. Manutenzjoni fuq il-qiegħ taż-żewġ pixxini. L-ispiża qegħda tiġi evalwata għaliex jiddependi jekk isirx madum jew xi materjal ieħor reżistenti.
3. Testijiet fis-saqaf tal-plantroom - €7,000. Dawn għandhom jitlestew sal-bidu tas-sena 2015.
4. Tibdil tal-madum tal-art fiċ-changing rooms tal-kumpless – €30,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tal-2016 wara li jitwettqu t-testijiet fis-saqaf tal-plantroom.
5. Tibdil tal-hand railings li hemm madwar l-istands tal-kumpless - €45,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal- bidu tas-sena 2017.
6. Il-proġett ta’ enerġija aktar effiċjenti li se jsir mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fejn ser jiġu installati:
i. żewġ
heat pumps
biex jiġu msaħħna ż-żewġ pixxini b’mod aktar effiċjenti u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju
ii.
VRF Air-conditioning System
għall-ufficini tal-kumpless
iii.
Photovoltaic system
biex jissaħħan l-ilma tax-
showers
iv.
Pool covers
Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sa Marzu 2015. L-ispiża totali ta’ dan il-proġett hi ta’ €1,097,400
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Kunsill Malti għall-Isport fejn jidħol l-isports f'Għawdex ? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqgħu il-KMS u l-Bord tal-Isport Għawdxi ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-KMS f’Għawdex għandu l-istess rwol li għandu f’Malta, jiġifieri li jilħaq l-għanijiet kif indikati fl-att dwar l-isports fil-gżejjer Maltin. Il-KMS u l-bord tal-isport Għawdxi iltaqa` darba.
Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew tlettax-il karozza mingħand il-kumpanija msemmija, min-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-impjegati jaħdmu fi ħdan l-iSport Promotion Unit (SPU) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014? Jista’ l-Ministru jgħid preżentament (Ġunju 2014) kemm hu n-numru ta' impjegati fi ħdan l-SPU?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru tal-impjegati jaħdmu fi ħdan l-iSport Promotion Unit (SPU) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014 kien kif ġej:
April 2013 13
Mejju 2013 13
Ġunju 2013 13
Lulju 2013 13
Awwissu 13
Settembru 2013 14
Ottubru 2013 14
Novembru 2013 14
Diċembru 2013 14
Jannar 2014 14
Frar 2014 14
Marzu 2014 14
April 2014 13
Mejju 2014 13
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema li kienu ġew impjegati mal-SPU iżda li preżentament qed jagħtu s-servizzi/ħidma tagħhom f'postijiet oħra? Jekk iva, jista’ jghid kemm kienu dawn il-ħaddiema u f’liema postijiet ġodda ġew assenjati biex ikomplu bil-ħidma tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li kien hemm persuna waħda li kienet ingaġġata mal-iSports Promotion Unit (SPU) u li issa qiegħda isservi mas-Segretarjat għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport.