Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1302 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Wied Blandun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Wied Blandun fil-Fgura jiġi mnaddaf, imsebbaħ u riservat minħabba l-ġmiel naturali tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qiegħed isir studju biex il-proġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jitwettaq.
Leg 9 PQ #1343 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Gudja — Ta' Xlejli

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-project area ta' Xlejli, fil-Gudja fejn kien se jsir ġnien u banolli? Il-kuntrattur intgħażel? Jekk iva, għaliex il-proġett għadu ma bediex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi din id-domanda lill-Onorevoli Ministru għall-Politika Soċjali għax dan ix-xogħol mistenni jitwettaq mid-Dipartiment tal-Bini u Manutenzjoni tad-Djar.
Leg 9 PQ #1400 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Lija/Balzan/B'Kara — Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern fit-tul u fil-qasir biex jibda jissoljeva il-problemi tal-għargħar li hemm f'Ħal Lija, Ħal Balzan u partikolarment f'Birkirkara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għadu kif tlesta culvert ġo Triq Birbal, Ħal Balzan li jibda minn quddiem il-ġnien ta' San Anton sa Triq San Franġisk. Qiegħed isir ukoll manutenzjoni tas-sistemi ta' l-ilma tax-xita fil-lokalitajiet imsemmija, dawk li huma f'toroq arterjali. Dan għandu jservi biex tittaffa l-problema ta' l-ilma fl-inħawi imsemmija. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-problema ta' l-ilma tax-xita fl-inħawi msemmija partikolarment f'Birkirkara hija problema kbira u tenħtieġ soluzzjoni li tirrikjedi infieq sostanzjali ta' flus. Bħala soluzzjoni tal-problema dejjem kien jissemma illi jrid isir xi ħaġa lejn in-naħa ta' Cane Street kif taqgħad ma' Mannarino Road speċifikament fil-parti d-dejqa li tgħaddi minn taħt Mannarino Road. Xogħol fuq din il-parti biss ma tkunx soluzzjoni aħħarija għax il-qofol tal-problema m'huwiex hemm imma huwa l-ilma li jkun ġej min-naħat ta' fuq ta' Birkirkara, ta' Ħal-Lija, Ħal Balzan, partijiet mill-Mosta u n-Naxxar. Għalhekk irid jinstab metodu kif dan l-ilma jista' jinġabar qrib iżjed lejn dawn l-inħawi fejn jiġi ġġenerat u jiġi ddevjat b'sistema li l-ilma ma jibqax jiġri mat-toroq. Bħalissa din is-soluzzjoni qiegħda tiġi studjata u hija parti minn Storm Water Master Plan li qed issir flimkien mal-Water Services Corporation. Bħala xogħol immedjat qed isir l-esproprazzjoni tad-dar u partijiet oħra li hemm fit-tarf ta' Cane Street u kif din l-esporprazzjoni ssir allura jkun jista' jsir ix-xogħol f'din l-area.
Leg 9 PQ #1419 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru ta' l-Ambjent — Proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kapitali ta' kostruzzjoni li jaqgħu fir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħek? Liema huma l-proġetti li qegħdin fil-kors ta' implimentazzjoni u liema qegħdin fl-idejn fi stadju ta' konsiderazzjoni jew studju?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġetti Kapitali ta' Kostruzzjoni huma: A. DAWN LI JIDHRU HAWN TAĦT HUMA PROĠETTI FI STADJU TA' MPLIMENTAZZJONI (FEJN IX-XOGĦOL FUQ IS-SIT DIĠA' NBEDA) * Xogħol fuq twessiegħ tal-kanal ta' l-ilma tax-xita Qormi/Marsa. * Bini ta' strutturi f'Carm Zarb Street, Għargħur. * Xogħol ta' restawr fuq il-Main Guard, Valletta. * Xogħol fl-Oratorju ta' San Ġwann in konnessjoni mal-pittura ta' Caravaggio. * Xogħol ta' restawr u l-użu ta' Robert Sammut Hall f'Early Literacy Centre. * Restawr tal-Kappella ta' San Ġużepp, Bormla. * Xogħol fuq il-Palazz ta' Verdala. * Restawr tal-Kappella ta' San Filippu u San Ġakbu, San Ġwann. * Security fencing fit-tempji ta' Ħaġar Qim u Mnajdra. * Xogħol fuq it-tieni fażi ta' Junior Lyceum tal-bniet f'Santa Luċija. * Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti f'St. James Cavalier. * Xogħol ta' Refurbishment fil-Berġa ta' Kastilja. * Xogħol ta' Refurbishment fl-Iskola Sekondarja ta' Tas-Sliema. * Il-Flood Relief Scheme ta' Ħal Qormi. * Embellishment Projects, Buġibba, Marsascala, Birżebbuġa u Marsaxlokk. * Malta - North Sewage Master Plan. * Malta - South Sewage Master Plan. * Gozo - Sewage Master Plan. * Estensjonijiet ta' Main f'diversi lokalitajiet. * Id-Dar tax-Xjuħ, Bormla. * Estensjoni tal-Ħabs f'Kordin. * Xogħol fl-Auberge d'Italie, Valletta. * Xogħol fil-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. * Xogħol fuq il-Port taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex. * Xogħol għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Ta' Kandja. * Xogħol fuq il-Fire Station fix-Xemxija. * Xogħol ta' estensjoni tal-mollijiet u bini ieħor għall-AFM, Maritime Base, Sa Maison. * Xogħol ta' estensjoni ta' International Maritime Law Institute, f'Tal-Qroqq. * Xogħol fuq l-Isptar il-Ġdid, Tal-Qroqq. B. PROĠETTI FL-IDEJN FI STADJU TA' KONSIDERAZZJONI JEW STUDJU: * L-utilizazzjoni tal-bini magħruf bħala Old Mint f'Sa Maison. * Household Waste Site, Magħtab. * Refurbishment ta' l-iskola tal-Gvern, Sliema. * Proposta għall-kwartieri ta' l-Imħallfin f'27 u 29-31, Strait Street, Valletta. * Bini ta' Gunsheds ġodda AFM Luqa. * Estensjoni tal-bini fl-uffiċini tan-National Drug Intelligence, Floriana. * Investigazzjoni dwar tiswijiet strutturali f'Vilhena Palace, Mdina. * Wied Silani/Wied Qirda/Wied il-Kbir - xogħol ta' riabilitazzjoni. * Xogħol ta' upgrading fl-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari fl-uffiċju tal-Prim Ministru. * Uffiċini ġodda għas-Security Administration Officers fil-Malta International Airport. * Lokazzjoni ta' sit addattat għall-Fire Station ġdid fl-inħawi tal-Marsa/Floriana. * Fire Station ġdid f'Għawdex. * Estensjoni tal-Fine Arts Museum, Valletta. * Lift fiċ-Ċentru tas-Saħħa, Gżira. * Lift ġdid Ċentru Ħidma Soċjali, St. Venera. * Estensjoni u titjib fiċ-Ċentru tas-Saħħa, Paola. * Xogħol ta' tiswijiet strutturali Auberge de Baviere. * Xogħol fuq l-uffiċini l-ġodda ta' l-Arbitration Centre, Valletta. * Upgrading f'Casa Gaspe, Valletta. * Lift fil-Palazz tal-President, Valletta u restawr f'Prince Albert Courtyard. * Ħsara fil-faċċata ta' Auberge de Castille, Valletta. * Lift fl-uffiċini tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, Archbishop Street, Valletta. * Xogħol strutturali fil-Paper Restoration Laboratory, Valletta. * Xogħol strutturali f'St Elmo Examination Centre. * Riabilitazzjoni ta' l-Ospizio, Floriana. * Restawr tat-Torri ta'l-Arloġġ, Mtarfa. * Faċilitajiet ġodda fit-tempji ta' Ħaġar Qim u Mnajdra. * Restawr ta' Torri ta' San Tumas, Marsascala. * Restawr ta' Torri Ras il-Ħamrija. * Studju dwar problemi ta' għargħar mill-ilma tax-xita fiċ-Ċimiterju, Mġarr, Malta. * Studju fuq il-landfill tal-Magħtab mill-aspetti ta' toxic leachate, subsidence u ħruġ ta' biogas. * Ġibjuni proposti f'Psaila Street u ħdejn il-bus terminus, Birkirkara. * Proposti dwar faċilitajiet tal-AFM f'Safi kif effetwati mill-proġett ta' Aviation Park kif propost mill-MDC. * Tiswija u riabilitazzjoni tal-Bridge f'Regional Road. * Xogħol ta' tiswija strutturali u upgrading f'Mount Carmel Hospital. * Bini ta' workshop ġdid tal-vetturi fl-AFM Luqa. * Tibdil strutturali fil-workshop tal-forġa fl-MSD Marsa. * Proposti biex MSD Kirkop jinżel il-Marsa fis-sit preżentament okkupat minn Trade School. * Titjib u estensjoni ta' wards ġodda f'San Vinċenz. * Titjib fl-uffiċini tad-Direttur Ġenerali fil-Qorti l-Belt. * Xogħol ta' titjib fil-bini prinċipali ta' l-ITS u Martin Luther King Hall. * Xogħol estensiv ta' bini u titjib fil-faċilitajiet tal-Micropropagation Centre f'tal-Kmand, Ħal-Lija. * Proposti għal xogħol ta' titjib fil-Wied tal-Mosta. * Tħejjija ta' tenders għal finishes fil-Police Lock-Up, Floriana. * Training Centre tal-Pulizija f'Ta' Kandja. * Skola Sekondarja tas-subien ġdida fiż-Żurrieq. * Estensjoni ta' l-uffiċini tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku, Floriana. * Estensjoni fil-bini tal-M.I.O. fl-Universita'. * Tisqif tat-Teatru Grieg f'Ta' Qali b'membrane structure. * Proposti għal skola sekondarja tas-subien ġdida fiż-Żurrieq. * Xogħol fuq id-disinn tat-tieni fażi tal-Junior Lyceum tal-Bniet Santa Luċija. * Xogħol fuq pjanti ta' Parks Nazzjonali f'Ta' Qali, Burmarrad u Delimara. * Car Park f'Għar Lapsi. * Xogħol ta' ppjanar in konnessjoni mal-proġett ta' upgrading fin-Nofs Inhar ta' Malta. * Xogħol ta' ppjanar in konnessjoni mal-proġett ta' upgrading f'Tas-Sliema, Paceville u San Ġiljan. * Xogħol ta' ppjanar fuq il-Kottonera Heritage Park. * Upgrading tal-Ġnien Pubbliku fil-Barrakka ta' Fuq. * Klinika tal-M.O.C. fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq. * Il-Marina tal-Kottonera. * Il-Proġett ta' Manoel Island u Tigne'. * Is-Sea Passenger Terminal. * Riabilitazzjoni tad-dar 90,93 West Street, Valletta.
Leg 9 PQ #1571 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JOHN ATTARD MONTALTO To: Ministeru għall-Ambjent

Koperattiva ta' l-Indafa Pubblika — Kumitat/diriġenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kumitat u l-ogħla diriġenti tal-Koperattiva ta' l-Indafa Pubblika irriżenjawx? Jista' jgħid ukoll jekk hux veru li hemm telf ta' 'l fuq minn Lm400,000 u jekk il-membri ilhomx xhur ma jitħallsu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Koperattiva ta' l-Indafa Pubblika hija entita kummerċjali privata u għalhekk ma nħossx li għandi nagħti l-inofmrazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #1605 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

BICC — Chairman/Chief Executive

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju taċ-Chairman u ċ-Chief Executive tal-Building Industry Consultative Committee?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-salarju taċ-Chairman u ċ-Chief Executive tal-Building Industry Consultative Council ser ikun Lm7,200. fis-sena, bħal ma kien dak tal-predeċessur tiegħu.
Leg 9 PQ #1609 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

CABE

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħsebijiet għandu dwar il-futur tal-Consultative and Advisory Board on the Environment (CABE) li kien twaqqaf mill-Gvern preċedenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Amministrazzjoni preżenti temmen li l-pariri rigward il-protezzjoni ta' l-Ambjent għandhom jingħataw primarjament mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent. Il-Gvern qed iħalli f'idejn dan id-Dipartiment biex jidentifika jekk ikollux bżonn xi pariri oħra speċifiċi biex ikun jista' jifforma 'policies' dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent. Għal dan il-għan il-C.A.B.E. mhux ser jerġa' jiġi rikostitwit, iżda fil-każ li d-Dipartiment iħoss li jkollu bżonn, il-membri li kien hemm fil-C.A.B.E., fost persuni oħra, jistgħu jiġu mgħajta biex jagħmlu xi xogħol fil-linja speċifika tagħhom.
Leg 9 PQ #460 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma saru ebda trasferimenti fid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika fil-perjodu msemmi. Ma naħsibx illi l-Gvern għandu jintrabat fuq x'jistgħu jkunu l-esiġenzi tas-servizz fil-futur.
Leg 9 PQ #1035 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Sant'Anglu — Żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-iżvilupp ta' Sant'Anġlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sant'Anġlu jinkwadra ruħu fl-iżvilupp kollu tal-Kottonera u d-dettalji jingħataw fi żmien li jkun opportun.
Leg 9 PQ #1036 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Programm Ellettorali tal-Partit Nazzjonalista — Proġett tal-Kottonera

Question

Peress li fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hemm li l-proġett tal-Kottonera jingħata prijorita', jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dan il-proġett (yacht marina fil-Birgu) jinbeda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Id-diskussjonijiet dwar dan il-Proġett qegħdin isiru b'ritmu mgħaġġel u l-ħsieb tal-Gvern hu li l-Proġett jibda malajr kemm jista' jkun. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant meta l-Gvern kien fl-oppożizzjoni kien diġa' esprima l-opinjoni tiegħu dwar dak li ma kienx jaqbel kif kien qiegħed isir, u dawn l-affarijiet qed jiġu rranġati issa. Dettalji jingħataw fi żmien li jkun opportun.
Leg 9 PQ #1070 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Dingli — Triq il-Merill - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jindaga għaliex fi Triq il-Merill, f'Ħad-Dingli waqt li qed issir it-triq sabiex jgħaddu l-water culverts u l-main ta' l-ilma u ħaffru pedament għan-naħa l-oħra tat-triq biex jinbena ċint, tkissru l-katusi tad-drenaġġ li ħerġin mid-djar għal tal-Gvern darbtjen u filwaqt li l-kuntrattur wiegħed, fil-preżenza tal-Kunsillier Lokali Peter Abela, li se jibdel kollox, dan qabad u għamel sleveng bla kolla xejn (xogħol ta' kafkaf); radam kollox bil-konkons u għaldaqstant ix-xogħol la sar sew u kif sar se jipproduċi u jikkawża ħsarat fil-futur? Qed jingħad ukoll li taħt iċ-ċint li se jinbena se jkunu għaddejjin (fil-fatt diġa' jinsabu fil-post) il-katusi tal-Gvern tad-drenaġġ.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-'water culverts u l-'main' ta' l-ilma fi Triq il-Merill, Ħad-Dingli bilfors kellhom jitkissru l-katusi tad-drenaġġ ('house connections') minħabba li dawn kienu jinsabu fil-wiċċ tat-triq. Dawn issewwew darbtejn temporanjament sakemm ix-xogħol infrastrutturali kellu jsir. Issa li dan ix-xogħol tlesta fil-jiem li ġejjin sejrin jinbidlu l-katusi bejn is-sufun u l-main tad-drenaġġ tad-djar. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija fejn intqal li taħt iċ-ċint li ser jinbena jeżistu katusi tad-drenaġġ tal-Gvern nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-fatt veru jeżistu dawn il-katusi u d-direzzjoni tagħhom sejra lejn il-'pumping station' tad-drenaġġ. Il-prekawzjonijiet meħtieġa ġew meħuda u li l-'inspection manholes' li hemm biswit dan il-ħajt ġew mgħollija għal-livell tat-triq u għaldaqstant bl-ebda mod ma hi ser tiġi ostakolata l-'flow' tad-drenaġġ f'dawn il-katusi.
Leg 9 PQ #1123 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Golf courses

Question

B'riferenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 392 fejn intqal li l-policy paper fir-rigward tal-golf courses ġiet approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-proposti li kienu saru minn diversi żviluppaturi ta' golf courses wara sejħa li saret mill-Amministrazzjoni Laburista ta' qabel?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #1230 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Masterplan

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 758, jista' l-Ministru jgħid għal kemm kienet stmata li tammonta l-fee professjonali tal-perit Richard England skond il-kuntratt li kellu qabel? Kemm hi l-variation f'din il-fee, issa li l-kuntratt ġie mwessa' sabiex jinkludi wkoll masterplan għal Bieb il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'Fee' professjonali tal-Perit Richard England hija marbuta mal-kuntratt u hija bbażata fuq skala ta' tariffi simili għal tariffa 'K' u għalhekk tiddependi fuq il-valur tax-xogħol li jkun għamel dan il-Perit.
Leg 9 PQ #1243 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Dħaħen tal-power station

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-poplu Marsi jiġi kkumpensat għad-danni li josfri mid-dħaħen taċ-ċmieni tal-power station tal-Marsa, bħalma ħa l-Perit Duminku Mintoff għad-danni li sofra bil-power station ta' Delimara mibnija mill-Gvern Nazzjonalista? Jekk iva, x'tip ta' kumpens ingħata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpens lill-Perit Mintoff qed isir skond 'letter of intent' maħruġa mill-Gvern preċedenti.
Leg 9 PQ #1328 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Xrobb l-Għaġin — Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Munxar kif ukoll l-area fejn kien hemm id-Deutsche Welle fi Xrobb l-Għaġin, isir park nazzjonali? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jibda dan ix-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Min se jagħmel dan ix-xogħol? Jekk le, x'se jiġri minn dawn l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġett tal-Park Nazzjonali f'Delimara għadu qiegħed taħt studju u qegħdin jitħejjew il-pjanti neċessarji għal dan ix-xogħol. Huwa maħsub hekk kif dawn ikunu lesti u jinġiebu l-permessi neċessarji, li x-xogħol ikun jista' jibda. Dan iżda huwa marbut ma' żewġ Parks Nazzjonali oħra, dak ta' Ta' Qali u Tas-Salina u għalhekk wieħed irid jara l-prioritajiet.
Leg 9 PQ #122 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Ingaġġar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998? Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati? X'karigi ngħataw fil-ministeru? X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati? Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem? X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn? X'kondizzjonijiet ingħataw? Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tagħrif mitlub qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #452 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment tad-Drenaġġ? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn is-6 ta' Settembru u t-28 ta' Ottubru 1998 ma ngħataw l-ebda trasferimenti fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. Ma naħsibx illi l-Gvern għandu jintrabat fuq x'jistgħu jkunu l-esiġenzi tas-servizz fil-futur.
Leg 9 PQ #811 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru ta' l-Ambjent — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 274 (Seduta numru 5).
Leg 9 PQ #925 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Xogħol għall-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern fir-rigward xogħol li jagħmlu ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-kunsilli lokali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s'issa ma kien hemm l-ebda tibdil mill-policy li kien hemm qabel fir-rigward xogħol li jagħmlu ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet mal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #962 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi studji saru tul dawn is-snin sabiex il-problema tad-drenaġġ ġewwa r-raħal tax-Xgħajra tiġi solvuta billi tul din l-aħħar sena far ta l-inqas sitt darbiet b'inkonvenjent kbir u kontra l-iġene għan-nies tal-lokal? X'passi se jittieħdu sabiex dan jispiċċa darba għal dejjem?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fawran li jsir fir-raħal tax-Xgħajra huwa minħabba xi drenaġġ li jintefa' minn xi 'farms' jew permezz tal-'bowsers'. Id-Dipartiment inaddaf ta' spiss is-sistema tad-drenaġġ permezz tal-'jetting/suction bowsers' biex inaqqas kemm huwa possibli dan il-fawran. Barra minn hekk isiru spezzjonijiet regolari f'farms biex jiġi ċċekjat x'jintefa' fid-drenaġġ.