Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6241 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja u Sajd — Direttur Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'ġara mill-applikazzjonijiet/sejħiet għal direttur ta' l-Urban and Rural Landscaping u direttur ġenerali fid-Dipartiment u l-Ministeru tal-Biedja u Sajd? Għaliex dawn id-diretturi ma ġewx appuntati bħalma ġew appuntati diretturi oħra f'dipartimenti governattivi oħra, inkluż fid-Dipartiment tas-Sajd?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ser nirreferi d-domanda tal-Onor. Interpellant lill-Ministru konċernat. Kif ikolli l-informazzjoni mitluba, nagħti risposta.
Leg 9 PQ #6442 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3471 dwar bordijiet governattivi vis-a-vis nisa u żgħażagħ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fil-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ta'l-Agrikoltura u Sajd hemm erbgħa persuni li huma taħt it-30 sena. Dawn huma kollha nisa. Ħadd minnhom ma jieħu onorarju. Nominazzjonijiet fuq il-bordijiet isiru fuq il-kriterju ta' kemm il-membru nominat jista' jagħti kontribut siewi u skond nomini li jsiru mid-diversi għaqdiet li huma rappreżentati fuq il-bordijiet, u mhux biss skond l-eta' jew is-sess tal-persuna nominata. Fil-bordijiet kollha tal-Ministeru hemm erbatax il-mara.
Leg 9 PQ #6611 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tielet Distrett Elettorali — Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa full-time u part-time reġistrati li joqogħdu fit-Tielet Distrett Elettorali? Jista' jagħti din l-informazzjoni post post?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numru ta' bdiewa full-time u part-time reġistrati mal-Korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ u li joqgħodu fit-Tielet Distrett Elettorali huwa kif ġej: Lokalita' Full-Time Part-Time Żabbar 72 749 Żejtun 85 895 Marsascala 15 100 L-informazzjoni tal-full-time farmers ġiet miġbura mill-E.T.C., filwaqt l-informazzjoni tal-part-time farmers ġiet mogħtija skond iċ-ċensiment tal-Agrikoltura - 1990 - 1991.
Leg 9 PQ #6140 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformani għaliex huwa favur is-sistema ta' 5 kilo bags u mhux jambo bags għar-rigward ta' l-esportazzjoni tal-patata? X'inhuma fil-fatt il-vantaġġi li l-patata tiġi esportata f'5 kilo bags u mhux fil-jumbo bags?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numbru 6116 u nigħdlu wkoll l'idealment il-'value added' kollu jsir f'Malta iżda wieħed irid jikkonsidra dak li jirrikjedi l-klijent.
Leg 9 PQ #6236 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kriżantemi — "White rust"

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'effett kellha l-White Rust fuq l-industrija tal-kriżantemi lokali matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Kemm saru spezzjonijiet sabiex ikun stabilit aħjar il-mezzi ta' kontroll ta' din il-marda qerrieda tal-fjuri? Jirriżultalu l-Ministru li din il-marda tkompliet tinxtered f'dawn l-aħħar xhur minħabba nuqqas ta' kontroll li hawn fil-pajjiż f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul ix-xhur imsemmija ma kien hemm l-ebda rapporti mill-extension officers li jirriżulta li kien hemm każi ta' white rust. L-istess fil-laboratorju ewlieni fil-qasam ta' l-Għammieri ma saru l-ebda rapporti ta' din il-marda. Spezzjoni li saret il-ġimgħa li għaddiet, fil-mixtla li fiha għall-ewwel darba kienet instabet din il-marda, irriżulta li kien hemm kontroll assolut ta' din il-marda. Rapport li daħal dan l-aħħar qed jiġi investigat.
Leg 9 PQ #6237 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala — Prezz tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo laħam tat-tiġieġ għar-raħħala, f'Malta matul l-1996, 1997 u 1998 u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-prezz kull kilo laħam tat-tiġieġ għar-raħħala f'Malta matul 1996-1998 kien ta' bejn 48 ċenteżmi u 50 ċenteżmu kull kilo ħaj. Id-dipartiment involut m'għandux statistika tal-prezzijiet fill-pajjiżi ta' E.U.
Leg 9 PQ #6238 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala/Produtturi — Prezz tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo għar-raħħala produtturi tal-majjal f'Malta matul l-1996, 1997 u 1998 u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet iż-żieda fil-produzzjoni fiż-żewġ każijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija ser tingħata flimkien ma dik għall-PQ 6126.
Leg 9 PQ #6123 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Mogħoż/nagħaġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija l-merħla nazzjonali tal-mogħoż u n-nagħaġ? Kemm hi kkalkolata l-produzzjoni tal-ħalib fis-sena? X'tip ta' sussidju se jkunu ntitolati għalih dawn ir-raħħala bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE u x'liġijiet u regoli jridu josservaw sabiex ikunu applikabbli għal dawn is-sussidji u konformi mal-liġijiet u regoli ta' l-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-merħla Nazzjonali tal-mogħoż hija 4900, filwaqt li tan-nagħaġ hija 7900. Il-mogħoż jipproduċu medja ta' 500 kilo ħalib ras għal ras u n-nagħaġ 450 kilo ħalib fis-sena. Dan jinkludi l-ħalib li jieħdu l-gidjien u l-ħrief. Dan it-tip ta' xogħol Agrikolu għandu għajnuniet speċjali mill-E.U. u dan sabiex din l-industrija ttejjeb il-kwalita tal-prodott, mingħajr ma titlef il-karetteristiċi lokali u tradizzjonali tagħħa. B'mod partikolari l-Unjoni Europea stabbilit għajnuna speċjali għat-trobbija tal-mogħoż u n-nagħaġ fiż-żoni msejjħa 'Less Favoured Areas' permezz tar-regolament tal-Kunsill 1323/90.
Leg 9 PQ #6124 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Baqar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija l-merħla tal-baqar fil-gżejjer tagħna? Kemm hu n-numru ta' baqar li jipproduċu anqas minn 1,000 gallun ħalib frisk? Xi programm qed jiġi kordinat sabiex dawn ir-raħħala jipproduċu aktar ħalib ħalli jilqgħu livelli ta' produzzjoni aħjar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-merħla Nazzjonali tal-baqar hija madwar 9,000 ras inklusi l-għerieħ. Rigward in-numru ta' baqar li jipproduċu anqas minn 1,000 gallun ħalib frisk, bħalissa ma nafux kemm hemm. Iżda fil-preżent is-Servizz Veterinarju flimkien mal-KPH qiegħed imexxi Pilot Scheme ta' 'milk recording' fejn il-produzzjoni ta' kull baqra tkun tista' tiġi relatata. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura qiegħed ikompli l-isforzi tiegħu ħalli titjieb il-kwalita tal-magħlef prodott lokalment, titjieb is-sistema tal-produzzjoni li tinkludi l-housing, u b'pariri tekniċi lir-raħħala.
Leg 9 PQ #6126 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Laħam tal-majjal

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3386 u 2495, jista' l-Ministru jinformani kif wasal għall-konklużjoni li l-prezz tal-laħam tal-majjal fl-1995 kien ta' 91c2m? Peress li ħafna produtturi tal-majjal qed jikkonfermawli li huma qatt ma tħallsu bil-prezz ta' 91c2m, jista' l-Ministru jinformani liema fil-fatt huma dawk il-produtturi li tħallsu l-prezz imsemmi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Tlabt lill-uffiċjali nkarigati li ġabru l-informazzjoni mogħtija fir-risposti għal domandi numru 2495 u 3386 sabiex jerġgħu jiċċekkjaw ma' l-għaqda li tagħthom dawn iċ-ċifri dwar il-korrettezza tal-prezzijiet mogħtija. Nagħti risposta lill-Onor. Interpellant meta jkolli risposta mingħandhom.
Leg 9 PQ #6119 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agri Eco Survey

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kontinwazzjoni saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn fuq l-Agri Eco Survey? Kemm fil-fatt mill-100 bidwi li nkitbu sarulhom analisi tal-ħamrija u ta' l-ilma u meta hu maħsub li jitlestew l-analisi fuq l-uċuħ ta' dawn il-bdiewa? X'qed isir mid-Dipartiment sabiex jinxtraw il-faċilitajiet meħtieġa sabiex dan l-eżerċizzju jkun jista' jitkompla f'zoni oħra tal-gżejjer?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mill-5 ta' Settembru 'l hawn ix-xogħol fuq l-istħarriġ agro-ekoloġiku tkompla bl-istess ritmu, u fil-fatt matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru nġabru iktar kampjuni tal-ħamrija, u saru intervisti lill-bdiewa fl-inħawi tal-Imġarr-Żebbiegħ-Binġemma. Mill-analiżi li saru s'issa nġabret informazzjoni biżżejjed biex inkunu nistgħu ninkorporaw dan kollu f'sistema ġeografika, kif diġa ġie spejegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1801. Bħalissa qegħda tiġi ntegrata fil-proġett ta' land registration permezz tal-GIS. Dan hu l-uniku mezz kif il-karatteristiċi ta' l-art agrikola jiġu preżentati wara li jkunu proċessati permezz ta' l-istatistika. Fl-istess ħin għaddejja wkoll ħidma mal-MITTS biex tiġi żviluppata 'database' li fiha tinġabar l-informazzjoni dwar is-sistemi tal-produzzjoni, u t-tkabbir tal-uċuħ. Għalkemm dawn huma kollha proċessi li jieħdu ż-żmien, il-ħidma għaddejja b'rata regolari, u huwa maħsub li meta l-informazzjoni kollha tkun imdaħħla fi programmi tal-kompjuter, isir rapport dettaljat dwar l-istħarriġ.

Manikata — Xagħra l-Ħamra - Masġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat ta' immaniġġjar jinsab il-Masġar il-ġdid tax-Xagħra l-Ħamra tal-Manikata, (taħt il-ġibjun) dak li kien inbeda taħt l-ex-ministru L. Gatt u li fit-taħwil tiegħu kienu ħadu sehem l-għaqdiet mhux governattivi? Sar xi taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-Dipartiment tal-Biedja llum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ix-xogħol f'dan il-masġar waqaf ħesrem meta inqas minn sentejn ilu ttieħdet deċisjoni biex dan is-sit jintuża bħala mudell ta' ġnien tal-frott sperimentali.

Għajn Tuffieħa — Masġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-masġar ġdid li kien tħawwel mill-ministeru/dipartiment tal-biedja flimkien mal-moviment tal-Facolarini, fil-biċċa ta' isfel tal-kamp ta' Għajn Tuffieħa, qrib it-triq? F'liema stat ta' immaniġġjar jinsab dan il-masġar il-ġdid? Sar taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-dipartiment tal-biedja llum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Meta twaqqaf dal-masġar ħames snin ilu kienet issir manutenzjoni regolari, inkluża dik ta' drip irrigation fl-ewwel sentejn. Wara dan, sar vandaliżmu fuq is-sit u peress li dan inkluda ħruq ukoll, kienet inqerdet il-parti kbira tas-siġar. Ġie nnutat li dan l-aħħar sar tindif u ħart fil-parti l-kbira qrib it-triq prinċipali, imma mhux magħruf minn min. Il-kumplament tas-sit għadu fi stat witi, biss għad baqa' tlett siġriet tal-prinjol ħajjin. Peress li dan is-sit li jaqa' taħt id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, għandu aċċess miftuħ u qiegħed jintuża bħala picnic area mill-pubbliku wkoll, għal-mument mhux qed jitkompla x-xogħol ta' tħawwil.

Żbir ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju biżżejjed tal-fatt li qiegħed jitwettaq żbir ta' siġar mill-ġonna kollha ta' pajjiżna? Jaf il-Ministru biż-żbir bla ħtieġa ta' xejn u fl-agħar żmien possibbli tas-sena tas-siġar tal-palm? Jaf li dan sar ukoll f'ġonna li jaqgħu taħt il-kontroll dirett tal-gvern ċentrali bħal fil-Mall, il-Furjana? Il-Ministru hu konxju li dan qiegħed iservi ta' dannu għall-bijoloġija ta' l-istess siġar, filwaqt li qiegħed ikerrah l-ambjent? Huwa konxju l-Ministru li dan iż-żbir esaġerat u bla bżonn mid-Dipartiment tal-Biedja qiegħed juri li d-dipartiment għandu nuqqas ta' nies kompetenti biex jikkontrollaw ix-xogħol, filwaqt li qiegħed iservi ukoll ta' skandlu u eżempju ħażin għal nies oħra li jaħdmu fil-ġonna f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jibdel il-policy tad-dipartiment f'dan il-qasam?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li xejn minn dak li ntqal fil-mistoqsija m'hu korrett. Saret żabra tal-weraq nixfin u oħrajn miksura skond kif titlob is-sengħa u kif kien meħtieġ.
Leg 9 PQ #5927 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Refurbishment

Question

Peress li l-Ministru għadu ma weġibx minn liema vot se jittieħdu l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta' refurbishment li qiegħed isir fil-Ministeru, jista' l-Ministru fil-fatt iwieġeb din id-domanda?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ispejjeż imsemmija s'issa qed jitħallsu hekk: a) mill-voti rikurrenti 51 għas-sena 1998 mill-item numru 61 - Special Expenditure, u b) mill-voti rikurrenti 52 għas-sena 1999, mill-items numru 22 - Materials and Supplies u numru 23 - Repairs and Upkeep.
Leg 9 PQ #5929 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Malta/Libja — Protokoll

Question

B'riferenza għall-protokoll ta' koperazzjoni bejn Malta u Libja għall-oqsma tas-setturi tal-biedja u sajd u r-risposta f'seduta riċenti tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin dwar dan is-suġġet, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd qed issegwi b'interess l-iżviluppi kollha fuq l-inizzjattivi nklużi fil-protokol bejn Malta u l-Libya dwar il-Biedja u Sajd.
Leg 9 PQ #5930 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija

Question

Peress li fil-11 ta' Marzu, 1999 wara xi diżgwid li nqala bejn it-tabib li kien ta' l-għassa fuq il-linja tal-majjal u xi biċċiera, l-istess tabib ħalla l-biċċerija u ma rritornax lura, u peress li jirriżulta li ma kien hemm ħadd biex jiċċertifika li l-laħam kien ħieles mill-mard u tajjeb għall-konsum tal-bniedem, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif dan il-laħam ġie mibjugħ kontra r-regolamenti tas-servizz veterinarju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li għalkemm it-tabib tal-linja kellu jħalli l-post tiegħu, id-Direttur tas-Servizz Veterinarju bl-għajnuna tal-lay inspector ħa r-risponsabbilita ta' l-ispezzjoni u fl-ebda mument ma ġew miksura xi regolamenti jew il-konsumatur tpoġġa f'xi riskju għas-saħħa tiegħu.
Leg 9 PQ #6116 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Peress li l-Ministru f'laqgħa riċenti għall-bdiewa qal li jaqbel li l-packing tal-patata esportata jsir fil-5 kilo bags flok fil-jambo bags u li huwa dovut għall-kuntratt il-ġdid li sab li dan il-packing ta' 5 kilos ma jistax isir, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li tħejja mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jew mill-bord li bih il-Ministru wasal għal din il-konklużjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fl-ebda laqgħa u fl-ebda ħin ma għidt li l-patata għanda tiġi mgħobbija f'5kg bags.
Leg 9 PQ #6597 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Għawdex — Bejgħ ta' majjal

Question

Jista' l-Ministru jara li f'Għawdex il-majjal wara li jinqatel jiġi mqassam b'mod ekwu u li ħadd, la mill-produtturi u lanqas tal-ħwienet, ma jingħataw xi dritt ta' preferenza? Jista' l-Ministru jinvestiga jekk l-ilment ta' xi wħud f'Għawdex li l-majjal sabiħ jitla' Malta u li jifdal jitqassam f'Għawdex huwiex ġustifikat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-mistoqsija tiegħu sejra ssir investigazzjoni biex dak li qiegħed jiġi allegat huwiex veru jew le, u jekk ikun kemm xi proċeduri mhux aċċettabbli jsiru diskussjonijiet mal-Koperattiva tal-Majjal biex ma jsirx l-ebda abbuż.
Leg 9 PQ #5922 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħxejjex — Levy

Question

Peress li l-Avis 2 jgħid li levies ta' protezzjoni jridu jitneħħew kollha, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif it-tneħħija ta' levy fuq ħxejjex, frott u ħut frisk importat mhux se taffettwa ħażin lill-bdiewa, raħħala u sajjieda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-protezzjoni għall-prodotti tal-biedja hija suġġetta għal negozjati mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Jiena nserraħ ras l-Onor. Interpellant kif ukoll il-bdiewa kollha li l-interessi tal-biedja Maltija ser jiġu salvagwardjati matul dawn in-negozjati. Infakkar l-Onor. Interpellant li kien l-Onor. Alfred Sant li kien ġie rappurtat li qal li l-protezzjoni għall-agrikoltura kellha titneħħa fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles għax l-agrikoltura ma' kienet xejn speċjali. B'kuntrast ma' dan il-Gvern tal-lum qed jiddikjara li bi ħsiebu jinnegozja kundizzjonijiet favorevoli għall-biedja Maltija fl-ambitu ta' sħubija sħiħa għax l-Unjoni Ewropea u l-Gvern preżenti, iqisu lill-biedja bħala settur speċjali.