Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali li għandhom is-sistema tal-pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali għandu sistema ta' pannelli fotovoltajiċi? Kemm fiha pannelli kull sistema? Meta ġiet installata? Kemm hija l-feed-in tariff għal kull sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x'servizzi addizzjonali se joffri l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bħala Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 27410.

Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm se jokkupa l-kariga ta’ Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali, l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 27410.

Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-kariga ta’ Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali, fosthom id-dmirijiet, ir-remunerazzjoni u l-bidu u t-tmiem tal-inkarigu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 27410.

Heritage Malta – screens u projectors fil-Mużew tal-Gwerra

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ta' spiss qed ikun hemm ħsara f'numru ta' screens u projectors ġewwa l-Mużew tal-Gwerra? Jista’ jgħid jekk Heritage Malta għandhiex pjan ta' kontinġenza jekk xi wieħed minn dawn l-apparat jieqaf jaħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li huwa normali li jkun hemm ħsarat f’apparat teknoloġiku f’mużew li jagħmel ċerta emfasi fuq prezentazzjonijiet awdjovizivi. Ghaldaqstant Heritage Malta xtrat numru ta’ bozoz u partijiet ohra li ma ghandhomx hajja twila sabiex tkun tista’ tintervjeni malajr kemm jista’ jkun f’kaz ta’ hsarat bhal dawn.

Heritage Malta – expression of interest għal-Senior Clerk

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħarġet Expression of Interest għall-Senior Clerk (Gozo Area) fost is-Settur Pubbliku meta hemm Għawdxin li diġà huma mpjegati ma' Heritage Malta meta għandhom l-istess nomenklatura u li wrew ix-xewqa li jitilgħu jaħdmu Għawdex? Se jikkunsidraw lil dawn l-impjegati għal din il-post, bħalma preċedentement ġiet kunsidrata l-post ta' Executive Stores & Administration fix-xhur li għaddew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din is-sejha ilha li giet irtirata u li se tigi wzata l-procedura stabbilita skond il-PSMC.

Heritage Malta – Bighi — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset overtime Heritage Malta lill-impjegati li jaħdmu ġewwa Bighi sena b'sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema sezzjonijiet tal-ħaddiema f'Bighi ħadmu u qed jaħdmu overtime b'mod regolari u x'ġustifikazzjoni hemm għal dan l-overtime?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoggi l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-kamra, maqsuma bejn haddiema tal-IPSL u impjegati ta’ Heritage Malta. Ninsab infurmat li b’mod generali l-overtime isir b’mod regolari mill-haddiema kollha, izda l-maggoranza assoluta tas-sighat jinhadmu mill-haddiema tal-maintenance minhabba l-ammont kbir ta’ wirjiet u progetti li kellha Heritage Malta f’dawn l-ahhar ftit snin, u minhabba li hafna mix-xoghol isir internament mill-haddiema taghha stess. Fost dawn nistghu insemmu: Wirja dwar Mattia Preti – 2013 Wirja dwar l-istorja ta’ Malta f’mitt oggett – 2014 Wirja dwar l-istorja tal-Inkwizizzjoni – 2014 Wirja dwar l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir – 2015 Wirja dwar l-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta – 2016 Inawgurazzjoni tal-progetti tal-Ggantija (2013), tal-Katakombi ta’ San Pawl (2015), Tat-Tempji ta’ Hal Tarxien (2015), ta’ Forti Sant’ Anglu (2015), Forti Sant’Iermu (2015), il-Katakombi ta’ Bistra (2016), il-Mithna ta’ Kola (2016).

Avukat għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet għala tneħħa l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn Avukat għall-Għajnuna Legali u ġie maħtur minfloku l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jemmen li kien wasal iż-żmien li s-servizz li kien qed jiġi offrut fil-qasam tal-Għajnuna Legali jittejjeb drastikament. Kif jaf daqsi l-Onor. Interpellant għal ħafna snin is-servizz tal-Għajnuna Legali kien jingħata minn ġo rokna fil-binja tal-Qorti, bl-Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali jara n-nies fuq bażi ta’ first come first served f’numru ta’ sigħat fissi fil-ġimgħa mingħajr assistenza klerikali mqar bażika. Il-Gvern jidhirlu li n-nies vulnerabbli fis-soċjetà jixirqilhom ferm aħjar. Għal dan il-għan twaqqfet Aġenzija ġdida għall-Għajnuna Legali li, wara sejħa miftuħa, ngaġġat Manager full time li jamministra uffiċċju ġdid għall-Għajnuna Legali fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġustizzja li jinstab f’“ Chateau de Ville”, Triq l- Arcisqof, Valletta. Tfasslet ukoll website li tispjega d-drittijiet ta’ kull persuna u tagħti wkoll opportunità li jsir kuntatt matul office hours, kif isir f’kull attività oħra f’pajjiżna. Ġie maħtur ukoll b’mod formali f’Marzu ta’ din is-sena Aġent Avukat Ewlieni tal-Għajnuna Legali għal perjodu ta’ ftit inqas minn sena (li s’intendi jkun jista’ jiggedded per annum) sabiex meta l-Avukat Ewlieni tal-Għajnuna Legali ma jkunx, għal xi raġuni bhal ma hu safar jew mard, jista’ jaqdi d-doveri tiegħu, l-Aġent Avukat Ewlieni tal-Għajnuna Legali jkompli għaddej b’dawn il-funzjonijiet mingħajr problemi bhal ma jsir f’karigi oħra. L-Aġent Avukat Ewlieni tal-Għajnuna Legali nħatar minn fost l-Avukati li isimhom kien deher fuq l-elenku tal-Avukati għall-Għajnuna Legali pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Jannar, 2016 u ma jitħallasx extra ta’ dan l- inkarigu. B’dan ix-xogħol kollu li sar, il-qasam tal-Għajnuna Legali ddaħħal fis-seklu 21. Bħala parti mir-riforma li tinsab għaddejja, l-Gvern jidhirlu li l-Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali fis-sena 2016 għandu jkun full-time fuq dan is-servizz. Il-Gvern ma jidhirlux li jista’ jitkompla ż-żmien li l-Avukat Ewlieni għall-Ghajnuna Legali jagħmel il-kawżi privati matul il-ġurnata u jmexxi d-ditta legali privata tiegħu fl-istess ħin li jservi f’din il-funzjoni tant delikata. Jista’ jkun li fil-passat dan il-mudell seta’ ħadem. Illum dan il-mudell ma jaħdimx - hawn qed nitkellmu fuq nies li huma l-iktar fil-bżonn u li, jekk xejn, jirrikjedu iktar attenzjoni u mhux inqas. Għalhekk minnufih inbeda proċess miftuħ għal kull Avukat li jixtieq japplika għall-ħrug ta’ sejħa għal espressjoni t’interess skont ir-regoli tal-Gvern sabiex timtela’ vakanza għal Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali full time bl- aktar mod miftuh u trasparenti, liema proċess għadu għaddej u nittama li jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin. Intant il-kuntratt tal-Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali skada fid-9 ta’ Lulju 2016, wara li kien iġġeddidlu b’sena. Għalhekk fin-nuqqas tal-Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali, l-Aġent Avukat Ewlieni għall-Għajnuna Legali qed jimla’ dawn id-doveri temporanjament u b’hekk ma jkunx hemm interruzzjoni fis-servizz provdut lill-klijenti, kif ġie spjegat iktar qabel. Għal dan il- perjodu qasir li beda mill- 10 t’ Awwissu 2016 u se jiskadi meta jinħatar l-Avukat Ewlieni ġdid, l- Agent Avukat Ewlieni li qed iservi ta’ Aġent waqt li jagħmel ix-xogħol kollhu li kien jagħmel l-Avukat Ewlieni, qed jitħallas bhal Avukat Ewlieni. Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-Avukati kollha li jagħtu servizz tal-Għajnuna Legali għall-ġid kbir li qed jagħmlu fis-soċjetà.

Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema kriterji kien ġie maħtur l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bħala Aġent Avukat għall-Għajnuna Legali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 27410.

Heritage Malta – Vacancies – sintesi qasira tal-job description

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta toħroġ riklami għall-vacancies bla ma lanqas biss tinkludu sintesi qasira tal-job description? Jista’ jgħid għaliex lanqas job description ma tinsab fuq il-website tal-Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 27823.

Tempji tal-Ġġantija –proċedura ta’ sigurtà

Question

B'referenza għall-att vandalu li seħħ fil-Ġgantija xi ftit jiem ilu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jiġu rreveduti l-proċeduri kollha tas-sigurtà abbinati mat-Tempji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta sodisfatta bis-sistema tas-sigurta tat- tempji. Il- fatt li l- att vandal msemmi kien l-unika wiehed fi zmien twil u l- fatt li inqabad fil- fatt juri bic- car li s-sistema hija effetiva u qed taħdem.

Heritage Malta – ħaddiema — skali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm impjegati ta’ Heritage Malta bejn il-gradi A u F li minn April tal-2015 s’issa, ġew maqbuża xi skaletti (notches) fis-salarju tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm persuni tqabżu l-grad, f’liema grad qegħdin, kemm-il skaletta nqabżu u x’kienet ir-raġuni ta’ din il-qabża?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn April 2015 ma kienx hemm impjegati li tqabbzu xi skaletti fis-salarju taghhom.

Heritage Malta – staff complement fit-Tempji tal-Ġgantija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15121, u għal att vandalu li seħħ f'Settembru li għadda ġewwa l-Ġgantija, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għadhiex sodisfatta bin-numru żgħir ta' ħaddiema li huma assenjati għal dan it-Tempju? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun iktar għaqli jekk tiżdied is-sigurtà f'dan is-sit kif ukoll fit-Tempji l-oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nireferi l- Onor Interpellant ghat- twegiba li tajt ghall- mistoqsija parlamentari numru 27843.

Heritage Malta – Wi Fi fis-siti u mu¿ewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Heritage Malta sabiex jiġi installat il-Wi-Fi fis-siti u l-mużewijiet prinċipali tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dan il-proġett għadu għaddej. S’issa ġie nstallat wi-fi fil-Palazz tal-Inkwiżitur, Forti Sant’Anglu, Katakombi ta’ San Pawl, it-Tempji tal-Ggantija, il-Muzew tal-Arkeologija, il-Muzew Nazzjonali tal-Arti, it-Tempji ta’ Hagar Qim u ta’ Hal Tarxien, u partijiet minn Forti Sant’ Iermu u l-Muzew Marittimu.

Heritage Malta – proġett tal-Gozo Museum

Question

B'referenza għas-sejħa interna HM 08/2016 li ħarġet Heritage Malta fid-9 ta' Settembru 2016, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li dan il-post joħroġ għall-proġett tal-Gozo Museum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għalissa mhemmx bżonn li tinħareġ sejħa għal dan is-servizz.

Heritage Malta – miżuri ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid Heritage Malta x’miżura qed tieħu fir-rigward tas-sigurtà ġewwa s-siti miftuħa tagħha? Jista’ jgħid x'budget hemm għal din is-sena li huwa ddedikat speċifikament għal sistemi kontra l-vandaliżmu ġewwa s-siti tal-istess Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta – Tempji ta’ Kordin III u l-Fortizza ta’ Delimara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li Heritage Malta żżid is-sigurta ġewwa t-Tempji ta' Kordin III u l-Fortizza ta' Delimara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mhemmx ħsieb li tiżdied is-sigurtà fis-siti msemmija

Heritage Malta – uffiċjali ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ jingħata lill-uffiċjali tas-sigurtà li huma ngaġġati ma' Heritage Malta? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-taħriġ u kemm-il siegħa jdum? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk dan it-taħriġ jinkludix first aid, tifi tan-nar, informazzjoni bażika dwar is-sit/mużew, kif ukoll customer care?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali tas-sigurtà jkollhom it-taħriġ kollu meħtieġ bil-liġi sabiex ikollhom liċenzja ta’ uffiċjali tas-sigurtà, minn barra taħriġ bażiku li tagħti Heritage Malta skont il-bżonn ta’ kull mużew/sit.

Heritage Malta – talbiet ta’ rappurtaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba ta' raportaġ Heritage Malta rċeviet mingħand ġurnalisti internazzjonali minn Marzu 2013 s’issa? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa Heritage Malta rċeviet 694 talba għal rapurtaġġ minn ġurnalisti barranin. Dawn it-talbiet ġeneralment jiġu mgħoddija lill-aġenzija permezz tal-MTA. It-talbiet kollha ġew milqugħa.