Jista' l-Ministru jgħid il-post li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament huwiex tal-Gvern jew tal-Privat u x' inhi l-pożiżżjoni tad-dipartiment dwaru?
Jista' l-Ministru jgħati informazzjoni lill-mara armla li partikolarijiet jidhru separatament min din il-mistoqsija għaliex din is-sena għada ma ħadet l-ebda risposta jekk hux ser tieħu s-sussidju fuq il-kera? Jista' jagħti l-aħħar żviluppi lil din is-sinjura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħadet il-passi neċessarji biex isir il-pagament tas-sussidju fuq il-kera lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara u jinforma lill-persuna ndikata jekk hux ser jitwaqqa' l-post tagħhom fi 26A, Triq l-Ajkla, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-indirizz indikat huwa nkluż fil-proġett tat-tielet fażi ta' Santa Liena. Draughtsmen tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar kienu kejlu l-postijiet ftit tax-xhur ilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-ittra u telefonata irċieviet l-ETC dwar rapporti ta' ħaddiema illegali f' dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-rapporti 1) kienu annomi? 2) X' passi ittieħdu? 3) X' irriżulta? 4) Min kienu l-ażjendi u kumpaniji nvoluti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninfoma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li d-Dipartiment tal-Bini u t-tiswija jonora l-ftehim li għamel mal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u cioe li jagħmel il-Proġett tal-Playingfield fil-Housing Estate ta' Ta' Ġiorni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Kunsill informa lid-Dipartiment li kienu jinħtieġu xi bidliet fil-pjanti u qed jistenna li jkollu f'idejh konferma li dawn il-bidliet ġew aċċettati. Barra minn dan id-Dipartiment għadu qed jistenna l-istima tal-Kunsill tax-xogħol meħtieġ qabel isir ftehim ieħor formali dwar kif ser jiġi mwettaq x-xogħol f'fażijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu work permits għall-barranin li qegħdin jaħdmu fuq il-ġbid tal-film Julius Ceasar? Jista' jgħid għall-liema xogħol ingħataw dawn il-permessi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li sal-lum il-flats taċ-Ċawla, fir-Rabat, Għawdex għadhom bla servizz ta' lift għalkemm kienu inħarġu il-permessi kollha neċessarji biex jiġu installati dawn il-lift?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li ma jirriżultalix li hemm xi permess biex jiġi stallat xi lift fil-binja ndikata mill-Onor. Interpellant, nitolbu jispeċifika għall-liema blokk ta' flats qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 28203?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-raġuni li persuni li jattendu ċ-Ċentri għall-Adulti mhux ser jingħataw it-tilqima kontra l-influwenza f'dawn iċ-Ċentri hi li din tista' tikkawża xi reazzjoni u allura jkun aħjar jekk it-tilqima tingħata fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm il-darba l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Str, Birgu sarux taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u jekk iva jistgħax jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli li dawn jitneħħew billi qedhin jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li la d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u lanqas id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi m'għandhom x'jaqsmu max-xogħol indikat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena kien ippubblikat għall-ewwel darba mid-dipartiment responsabbli d-direttorju tan-nisa Maltin u Għawdxin?
X'kien in-numru ta' nisa nklużi f'dan id-direttorju, kategorija b' kategorija? Meta sar, jekk sar, update ta' dan id-direttorju w x'kien in-numru ta' nisa kategorija b'kategorija, inkluzi f'dan l-update?
Mela mistenni li tkun ippubblikata l-edizzjoni ġdida ta' dan id-direttorju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fuq id-Direttorju tan-Nisa Maltin u Għawdxin inbeda fl-1992 u tlesta fl-1996. Id-Direttorju qatt ma ġie ppubblikat, iżda t-tagħrif bażiku li ġie meħud mill-curriculum vitae tan-nisa ġie mqiegħed f'database apposta, u jinżamm fid-Dipartiment dwar in-Nisa' fis-Soċjeta'.
In-numru ta' nisa inklużi f'dan id-Direttorju, kategorija b'kategorija, jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Id-Direttorju tan-Nisa Maltin qiegħed jiġi updated. Bħalissa qed jintbagħat kwestjonarju sabiex jinġabru d-dettalji meħtieġa dwar dawk in-nisa li qegħdin f'pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Dan il-kwestjonarju qiegħed jintbagħat, jew direttament lin-nisa ikkonċernati, jew inkella lill-kapijiet ta' entitajiet privati u pubbliċi, u organiżżazzjonijiet oħra. Intbagħat ukoll lill-istaff tal-Universita' ta' Malta permezz ta' kollaborazzjoni mal-Communications Office. Sa issa ntbagħtu bil-posta madwar 1030 kopja.
Il-Kwestjonarju jinsab ukoll fuq il-website tad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta' għal iktar aċċess.
Inħarġet ukoll press release dwar il-proċess ta' updating ta' dan id-Direttorju sabiex jintlaħqu numru kemm jista' jkun kbir ta' dawn in-nisa.
Fil-ġranet li ġejjin, se jinbeda x-xogħol ta' inputting tad-data fi programm mibni apposta għal dan il-għan. Iż-żmien meta jitlesta dan ix-xogħol jiddependi fuq ir-rispons tan-nisa kkonċernati.
Meta titlesta l-edizzjoni l-ġdida ta' dan id-Direttorju, titpoġġa fuq il-website tad-Dipartiment. Il-pubblikazzjoni ta' dan ix-xogħol qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' individwi li għamlu użu mill-miżuri ta' adoption leave skond iċ-ċirkolari no 14/91, minn April 1990 sal-lum, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-ċirkolari li qed tirreferi għaliha l-Onor Interpellanti tirrigwarda l-impjegati tal-Gvern. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nisa li għamlu użu mill-miżura ta' leave bla ħlas għall-ċirkostanzi speċjali u leave għal impjegati nisa biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom skond ċirkolari 6/94, minn Mejju 1994 sal-lum, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-ċirkolari li qed tirreferi għaliha l-Onor Interpellanti tirrigwarda l-impjegati tal-Gvern. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Prim Ministru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 28165?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kuntratt ta' l-apprendistat taħt l-iskema ta' ESTS ikopri biss il-perijodu tat-taħriġ. Fil-każ ta' dawk l-istudenti li bdew l-apprendistat tagħhom taħt din l-iskema fl-1 ta' Ottubru 1997, il-kuntratt jispiċċa fit-30 ta' Settembru 2001.
Dwar il-possibilita' ta' l-impjieg tagħhom mal-Gvern irrid ngħid li dan jiddependi mill-ħtiġijiet tad-diversi Dipartimenti. Fil-każ li jkun hemm vakanza f'Dipartiment, dan jagħmel it-talba neċessarja lill-Korporazzjoni għall-Impjieg u Taħriġ u din, minn naħa tagħha, tissottometti dawk il-persuni li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol li jkollhom il-kwalifiki rikjesti.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiza attwali fir-Residenza San Vinċenz de Paule għas-sena 2000 f'pagi, salarji u overtime?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża attwali fir-Residenza San Vinċenz de Paule għas-sena 2000 huwa kif ġej:
Salarji Lm4,843,747.462
Overtime Lm 422,570.995
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jistennew li jaddottaw tfal minn pajjiżi barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 74 applikant li bdew il-proċess biex jaddottaw tfal minn pajjiżi barranin u li dwarhom tlesta l-Home Study Report. Barra minn dawn hemm 38 applikant li għad irid isirilhom il-Home Study Report.
Preżentement hemm 14-il applikant li għadhom mhumiex eliġibbli skond il-liġi biex jaddottaw u għalhekk ma jistax isirilhom il-Home Study Report għalissa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' nies li kienu jibbenefikaw mis-sistema SKA u din l-għajnuna nqatgħethilhom u x'kienet ir-raġuni mis-sena l-oħra 'l hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27653.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nstab li abbużaw minn xi tip ta' benefiċċju soċjali u qed jintalbu jingħataw l-flus lura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22878 f'Seduta Numru 478, ninfurmah li bejn Jannar u l-aħħar t' Awissu ta' din is-sena kien hemm 5,907 każijiet fejn id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sab li kien hemm xi forma ta' abbuż fid-dikjarazzjonijiet dwar talbiet għall-benefiċċji soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' anzjani u persuni b' diżabilita' li qed jagħmlu użu miż-żewġ skemi A u B tas-Servizz ta' l-Inkontinenza matul is-snin 2000 u 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li kienu jagħmlu użu mis-servizz dwar l-Inkontinenza f'Malta sa l-aħħar ta' Diċembru 2000 kien:
Skema A 566
Skema B 1028
In-numru ta' persuni li qed jagħmlu użu mis-servizz dwar l-Inkontinenza f'Malta sa l-aħħar t'Awissu 2001 kien:
Skema A 580
Skema B 1099