Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħħlu droga f'Malta for personal use? X'tip ta' droga kienet, x'kien l-ammont u minn liema pajjiż kienu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika ż-żmien li qiegħed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti l-lista ta' persuni li tilfu ħajjithom f'inċident fatali mill-1 ta' Jannar, 1999 sat-18 ta' Mejju, 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar 1999 u t-18 ta` Mejju 2000, il-Pulizija kellha 46 rapport ta` inċidenti fatali li 19 minnhom kienu kawża ta` inċidenti tat-traffiku. Ma nħossx li hu prudenti li jiġu magħmula pubbliċi l-ismijiet tal-persuni nvoluti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, li applikaw għal ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex l-ipproċessar tal-volum kbir ta` applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija kif ukoll ta` talbiet dwar konfermi ta` ċittadinanza doppja jitħaffef.
Kif diġa` spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15980, id-Dipartiment diġa` lesta madwar 500 każ, iżda hemm mill-anqas 700 każ ieħor li għadhom qed jiġu pproċessati.
Għalkemm mhux possibli li wieħed jagħti data speċifika meta ser jiġu pproċessati każijiet partikulari, ser nara jistax jitħaffef il-proċess tal-każijiet indikati mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex il-persuna - isimha qed jintbagħat separtament -li hija miżżewġa Malti, ġiet deportata minn Malta u mhux qed tingħata visa, meta din għandha tifla hawn Malta li hija wkoll miżżewġa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħal ma jaf sewwa l-Onorevoli Interpellant, il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha, kienet għamlet kuntratt ta` separazzjoni fl-10 ta` Novembru 1998 minn ma` żewġha u kien għalhekk li tilfet freedom of movement / exempt persons status. Hija kienet ingħatat extension of stay sabiex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tħalli Malta. Fil-fatt hija kienet telqet minn Malta fil-31 ta` Jannar 1999. Immedjatament wara, ċioe` fit-2 ta` Frar 1999, hija kienet għamlet talba għal visa għal perijodu indefinit, liema talba ma ġietx milqugħa. Minn dak iż-żmien ma jidhirx li din il-persuna reġgħet għamlet xi talba oħra għal visa. Pero` jien infurmat ukoll li reċentement l-Onorevoli Interpellant kien kiteb lill-pulizija fuq inkarigu ta` din il-persuna, liema korrispondenza għadha qed tkun proċessata.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jispjega kemm huwa legalment korrett l-istat ta' fatt ta' persuna ta' nazzjonalita' Eġizzjana, miżżewweġ Maltija, li ħames snin ilu ġie rtirat il-passaport Malti tiegħu u anke dak l-Eġizzjan bil-konsegwenza li ilu ħames snin mingħajr passaport u allura ma jista' jsiefer imkien?
Response (BORG, TONIO)
Biex inkun f`pożizzjoni li nagħti tweġiba, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħtini aktar informazzjoni, anke b`mod kunfidenzjali, dwar il-persuna li dwarha qed jagħmel il-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, tippermettix li gallerija ta' l-injam fil-Kottonera tinbidel għal waħda tal-ħadid?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar tqies kull talba għal bdil ta` gallerija ta` l-injam għal waħda tal-ħadid skond il-meriti tal-każ parikolari. Dan jiddependi fuq il-valur storiku tal-bini li tkun tifforma parti minnu l-gallerija in kwestjoni. Peress li l-grad ta` valur storiku jista` jvarja, f`ċerti każi jista` jkun aċċettabli li gallerija ta` l-injam tinbidel f`waħda tal-ħadid u f`oħrajn le.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru raids għad-droga fis-sena 1999? Kemm minnhom kienu suċċess u x'qabda irriżultat f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saru 808 raid għal droga fl-1999. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li b`riżultat ta` dawn l-investigazzjonijiet tressqu quddiem il-Qorti 454 persuna fl-1999, filwaqt li dwar id-droga li nqabdet fl-istess sena, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Nru. 12766.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk statistikament il-Land Registry Department għandux l-informazzjoni dwar x'area ta' art jew area ta' bini qiegħda fil-pussess tal-barranin? Jekk fl-affermattiv, kemm hija din l-area fil-każ ta' Malta u kemm f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'policy qed taddotta l-Planning Authority rigward it-twaqqigħ ta' strutturi bla permess fl-area Ta' Farsina, f'Ħal Qormi?
Wara li riċentement twaqqgħu xi strutturi jista' wieħed jassumi li kulħadd għandu l-permessi meħtieġa?
Ma jaħsibx l-Ministru li hemm każijiet fejn ċerti inzijattivi li ttieħdu minn residenti taw dehra aħjar tal-post u allura jista' jiġi kkonsidrat li jiġu mogħtija ċ-ċans li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom mal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-area in kwistjoni, l-Awtorita` qed taġixxi bl-istess mod kif qed tagħmel fuq postijiet oħra, jiġifieri li tinnotifika lil min huwa responsabbli għal żvilupp bla permess b`Enforcement Notice skond l-artikolu 51 u 52 ta` l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp.
Dawn l-individwi jiġu avżati sabiex ireġġgħu s-sit lura għall-istat oriġinali tiegħu fiż-żmien li jkun speċifikat fl-Enforcement Notice. F`ċerti każi, bħal ma ġara f`Ta` Farsina, ikun hemm min jikkopera ma` l-Awtorita` u jneħħi huwa stess l-iżvilupp illegli. Mill-banda l-oħra jkun hemm ukoll min juża dritt tiegħu skond il-liġi billi jappella mill-avviż jew japplika sabiex jottjeni il-permess. Minħabba din ir-raġuni, il-bini li jkun suġġett għall-azzjoni ta` infurzar, jitħalla fuq il-post sa ma jiġi konkluż il-każ fl-appell jew l-applikazzjoni tiġi deċiża.
L-Awtorita` tinsisti illi kwalunkwe żvilupp li jirrekjedi permess skond l-artikolu 30 ta` l-Att għandu jkun kopert bil-permessi meħtieġa. Għaldaqstant kull min irid li jagħmel tali żvilupp, anke sabiex isebbaħ il-post, għandu jissottometti talba uffiċjali permezz t`applikazzjoni. Ikun hekk biss li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tkun tista` tikkonsidra jekk jistax jibqa l-iżvilupp jew inkella jekk jitneħħiex.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija mhux qed jieħdu l-passi mixtieqa fuq abbuż li qed isir fi Triq il-Dulliegħ, ġewwa ż-Żejtun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija tad-Distrett regolarment tagħmel ronda fit-triq imsemmija u ma ġew innotati l-ebda kontravenzjonijiet. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema abbuż qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mhux qed tieħu passi sabiex l-irregolaritajiet u l-inkonvenjenti maħluqa, li qed jagħmel persuna li qed jagħmel ċertu xogħol f'post abitat fi Triq id-Dulliegħ, Żejtun u mhux kollu kopert bil-permess meħtieġ, ma jitkompliex b'detriment għar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsiiet Parlamentari Nru. 8610 u Nru. 10670 dwar is-suġġett tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li dan il-każ qiegħed fuq il-lista ta` dawk il-każi li qegħdin jistennew sabiex tittieħed azzjoni diretta fuqhom.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 16242, jista' l-Ministru jikkonferma li fil-fatt sar survey tal-proprjeta' li kienet isservi bħala kalkara tal-ġir f'Ħaż-Żebbuġ?
Jekk fl-affermattiv, min għamel dan is-survey u min ordnah?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel referenza għal Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16242.
Ġaladarba ma sarx survey minn entita` tal-Gvern li taqa` taħt id-dekasteru tiegħi, ma nistax inwieġeb għad-domanda ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ogħla volum ta' ħoss permess għal stabiliment ta' divertiment meta dan ikun ġewwa, jew dak barra?
Jista' jgħid ukoll kemm trid tkun id-distanza 'l bogħod minn ma' djar residenzjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma hemmx stipulat fil-leġislazzjoni kemm għandu jkun l-ogħla livell ta` ħoss permess f`lokalitajiet ta` divertiment. Pero` mhux permess li jsiru ħsejjes daqshekk qawwija li jdejqu lid-detenturi jew lin-nies li jkunu joqogħdu f`bini fil-qrib.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li mhux permess li jsir party jew disco f`post miftuħ wara s-2.00a.m., ħlief f`postijiet li jkunu liċenzjati bħala post ta` divertiment u li jkun jinsab f`distanza ta` aktar minn ħames mitt metru `l bogħod minn post abitat, u dan sa mhux aktar tard mill-4.00a.m.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern fir-rigward tal-condominium act li ġiet diskussa fil-Parlament matul il-leġislatura li għaddiet?
Response (BORG, TONIO)
Fuq talba ta` diversi partijiet, inkluż il-Kunsill Notarili, tlesta Abbozz sabiex isiru ċerti emendi. Dan l-Abbozz mistenni li jiġi pubblikat f`Ġunju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li DNA tests ma jsirux fil-laboratorju forensiku, meta llum hemm n-neċessita' li dawn it-testijiet isiru f'Malta stess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-laboratorju forensiku tal-pulizija m`għandux u qatt ma kellu l-apparat meħtieġ sabiex isiru t-testijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant. Iżda s`issa ma nstabet l-ebda diffikulta biex meta jkun hemm bżonn kampjun jintbagħat barra minn Malta f`laboratorju approvat biex isiru t-testijiet hemmhekk.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-fondi numru 9 u 10 li jinsabu f'Executive Suite, Triq it-Turisti, Buġibba, li huma mibnija mingħajr il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, għandhom installati meter ta' l-elettriku u ta' l-ilma?
Jista' jgħid minn meta bdiet il-policy li post li ma jkollux il-permess tal-PA ma jistax jingħatalu meter tad-dawl u ilma?
Jikkonferma l-Ministru li fil-fatt fl-1996 il-meter tad-dawl kien tneħħa minn fond numru 10 u ftit wara reġa' tpoġġa hemm? Jara l-Ministru li dan jista' jidher bħala każ ta'diskriminazzjoni fil-konfront ta'oħrajn simili li qed jiġu trattati b'mod differenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ġie kkonfermat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar li l-fondi numru 9 u 10 li jinsabu fir-raba` sular, fi blokka flats, bl-isem ta` Executive Suite fi Triq it-Turisti, Buġibba, huma mibnija mingħajr permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Peress li din il-blokka kienet inbniet qabel ma ġiet konstitwita l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet inħarġet 'Legal Action' fil-11 ta` Novembru 1992, talli inbena sular żejjed mingħajr permess. Wara, din l-istess 'Legal Action' ġiet irtirata mill-Qorti biex il-każ ikompli jiġi trattat skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp ta` l-Ippjanar. Fil-fatt, fl-4 ta` Diċembru 1998 inħareġ Stop & Enforcement Notice. Għalkemm Appell kontra dan l-istess Avviż ġie miċħud mill-Bord ta` l-Appell, saret applikazzjoni sanatorja b`referenza PA 6986/99 u din l-applikazzjoni għada pendenti.
Il-policy li ma jingħatax is-servizz tad-dawl u l-ilma jekk kemm il-darba post ma jkollux il-permess ta` l-Awtorita`, tmur lura għall-żmien il-PAPB (qabel 1992). Wara, din l-istess policy ġiet regolarizzata fl-Att innifsu dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp [Taqsima VII.61(2)].
Rigward it-tielet parti tal-Mistoqsija, l-Awtorita` ma tistax tikkonferma li fl-1996 il-meter tad-dawl kien tneħħa minn fond numru 10 u ftit wara reġa` tpoġġa. Ta` min jirrimarka li kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita` qatt ma nħareġ ċertifikat biex f`dan is-sular ikun jista` jingħata s-servizz tad-dawl u l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nisa/tfal taħt l-eta' u rġiel għal skopijiet ta' prostituzzjoni din is-sena - fejn inqabdu u kemm minnhom kienu repeated offenders?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u s-26 ta` Mejju ta` din is-sena inqabdu 174 persuna fuq suspett li kienu jitlajjaw għall-skop ta` prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira, Marsa u Ħal Qormi. Dawn kienu 145 nisa u 29 raġel u kollha huma repeated offenders. Ma kienx hemm tfal taħt l-eta`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qegħda tiġi kkonsidrata soluzzjoni għall-każi fejn persuni li kienu krew bini taħt it-testatura kummerċjali, mingħand il-Kurja, peress illi kienu jinżammu fih bhejjem, u li issa l-madwar kollu ġie żviluppat, jew billi jixtru dawn il-fondi jew li tiġi modifikata l-iskruttura u s-sidien ikunu jistgħu jużaw dawn il-fondi għall-iskop ta' residenza?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant qiegħed jiġi nnutat sabiex jittieħed in konsiderazzjoni in konnessjoni ma` ħruġ ta` skemi ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hix tiġi diskussa l-possibbilta' li tiġi rimedjata l-pożizzjoni ta' persuni li ilhom snin jieħdu ħsieb raba' tal-gvern li qiegħed reġistrat f'isem terzi u dan billi jiġi reġistrat u l-qbiela tibda titħallas minn min attwalment qiegħed jieħu ħsieb ir-raba'?
Response (BORG, TONIO)
Huwa l-ħsieb li pożizzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant tiġi ndirizzata sa fejn hu possibli fi Skema li l-Gvern fi ħsiebu jniedi fil-futur qarib.