Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reġistrar ta' Vapuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vapuri ġodda matul l-aħħar sena? Kemm għandhom tunnellaġġ bejniethom dawn il-vapuri? Kemm ikkontribwew f'liċenzji dawn il-vapuri li ġew reġistrati ġodda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser tkun inkluża fir-rapport annwali ta` l-Awtorita` Marittima ta` Malta li dalwaqt ser jiġi mpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Vapuri — Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm vapuri naqsu li jħallsu l-liċenzja jew għażlu bandiera oħra flok dik Maltija? Kemm kienu jħallsu f'liċenzji dawn il-vapuri li naqsu li jħallsu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20912.

Vapuri — Standards Internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vapuri reġistrati Malta kienu projbiti milli joħorġu minn portijiet barranin għax ma kellhomx standards internazzjonali ta' sigurta'? Kemm vapuri reġistrati Malta kienu nvoluti f'inċidenti fuq il-baħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar.

Maritime Authority — Impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħlet impjegati ġodda l-Maritime Authority matul l-aħħar sena? F'liema grad ġew impjegati u x'inhu s-salarju tagħhom? X'benefiċċji tħallsu dawn il-ħaddiema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima daħħlet total ta` 12-il impjegat ġdid mill-1 ta` Novembru 1999 sal-31 t`Ottubru 2000 li huma dawn: Data ta l- Impieg Replacement/ Salarju impieg New Post 03.04.00 Information Systems Support Exec. N.P 6165 24.07.00 Draughtsman\Site Supervisor N.P 5883 01.09.00 Cleaner Rep. 4175 01.09.00 Merchant Shipping Executive Rep. 6165 11.09.00 Assistant Accountant Rep. 5918 19.09.00 Clerk Rep. 4550 19.09.00 Clerk N.P. 4550 22.09.00 Clerk Rep. 4550 27.09.00 Clerk N.P 4550 28.09.00 Clerk Rep. 4550 29.09.00 Clerk Rep. 4550 02.10.00 Clerk N.P. 4550 Il-ħaddiema kollha ta` l-Awtorita` Marittima jibbenefikaw minn skema ta` Health & Accident Insurance.

Rabat — Venda

Question

Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi dwar il-kwestjoni tal-venda tar-Rabat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-aħħar żviluppi li kien hemm huma li l-Awtorita' ddikkjarat uffiċjalment, f'pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern ta' l-10 ta' Ottubru, li l-vened fir-Rabat huma dawk ta' Triq Sta. Rita u tal-Pjazza tas-Saqqajja.

Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'hospitality mill-vot ta' l-Estimi Ġenerali 2000 bejn l-1 ta' Jannar, 2000 sas-6 ta' Ottubru, 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant, l-ispiża f'hospitality kienet ta' 39.05% tal-vot allokat għal hospitality.

Toroq — Tarxien

Question

In vista tar-risposta mogħtija lili fl-interpellenza numru 18840 dwar l-asfaltar tat-toroq f'Ħal Tarxien ħdejn it-triq tal-Barrani, jogħġbu l-Ministru jkun daqstant ġentili u jispjega fiex wasal il-proċess għal ħruġ ta' offerti għal xogħlijiet fi Triq il-Kejka u Triq Ċikku Saliba (Tarxien) u għal kostruzzjoni tal-culvert?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fi Triq il-Kejka u Ċikku Saliba qiegħed għaddej max-xogħolijiet il-ġodda li qed isiru fit-toroq fil-lokal. Fi Triq il Kejka u Triq Ċikku Saliba mhux ser isiru culverts fihom, iżda dawn ser jinbnew f'Xintill Street u Sisters Street.

Santa Venera — Psaila Street Traffic Island

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi verifikat id-disinn tat-traffic island li hemm fit-tarf ta' Psaila Street, Santa Venera li tagħti għal fuq il-bridge peress li mhux possibbli għal vetturi kbar li jkunu telgħin mit-telgħa li tagħti mit-triq ta' taħt fid-direzzjoni ta' l-Imsida li jduru għal Psaila Street?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-punt imqajjem mill-Onor. Interpellant diġa ġie nnotat, u d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel il-modifakazzjonijiet meħtieġa fid-disinn biex il-kurva titranġa.

Wied il-Għajn — Triq La Sengle

Question

Jista' l-Ministru jara hux possibbli li trejqa antika u qasira ta' ftit metri li hemm parallel ma' Triq La Sengle, Wied il-Għajn, u li fl-antik kienet tintuża bħala t-triq prinċipali, minflok it-triq eżistenti, tingħata ftit tarmac jew ta' lanqas ftit concrete għax hi ferm imħarrbta? Billi din it-trejqa tant hi qasira u dejqa u tinsab separata biss mit-triq prinċipali bi traffic island, possibbli li d-dipartiment tat-toroq jara li din issir mingħajr ma jirriferiha lura lil kunsill lokali għax hemm residenti li għandhom il-bibien tagħhom jagħtu għal din it-trejqa u jużaw din it-trejqa ta' spiss u ilhom ħafna jitħabbtu biex din tiġi rranġata ftit għax qatt ma saret u fiha biss irqajja ta' concrete li jingħata mir-residenti? Jista' d-dipartiment konċernat jinnota li minn din it-trejqa jgħaddi l-wied ta' l-ilma li mbagħad jagħti għal ġol-kulvert li hemm fit-tarf tagħha u allura forsi tista' tingħata xi ftit concrete qabel ma tidħol sew ix-xitwa? Billi din hi trejqa ferm qasira u dejqa possibbli li din issir fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant biex ikun stabbilit x'hemm bżonn li jsir.

Maltapost — Imtarfa - Letterbox

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir post box fiċ-ċentru ta' l-Imtarfa? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-possibilita` li titwaħħal kaxxa ta` l-ittri fiċ-ċentru ta` l-Imtarfa, qed tiġi studjata mill-Maltapost, primarjament biex ikun żgurat li d-deċiżjoni li tittieħed tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta` l-Unjoni Postali Universali f`dan ir-rigward.

Imtarfa — Pelican Lights

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li jsiru pelican lights quddiem l-iskola ta' l-Imtarfa li hemm f'Imtarfa Road, ħdejn l-isptar ta' l-Imtarfa, peress li waqt il-ħin li joħorġu t-tfal mhux qed ikun hemm kontroll tat-traffiku? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u d-Dipartiment tat-Toroq biex jikkonsidraw il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jkunu l-kontijiet pendenti u spejjeż konnessi li mhux se jilħqu jkunu mħallsa sa tmien din is-sena? Fis-supplementary estimates kemm huwa stmat li se jkun l-ammont meħtieġ biex ikopri ammonti mhux koperti fl-estimi għas-sena 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Bħal ma normalment isir, il-Ministeru qed jagħmel kull sforz biex ma jitħallewx kontijiet pendenti għas-sena d-dieħla. Jien infurmat li bħalissa qed isir l-ikkuntjar neċessarju biex wieħed jasal għal figuri totali li fuqhom jiġi eventwalment deċiż jekk jew kemm ikun hemm bżonn fondi supplementari fil-voti tal-Ministeru. Jien infurmat ukoll iżda li stimi tat-tip mitluba mill-Onor. Interpellant jistgħu ivarjaw sostanzjalment bejn issa u l-għeluq tas-sena finanzjarja, u għalhekk ma narax l-utilita' li jingħataw.

Greċja — Ftehim Bilaterali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet fuq il-possibilita' li jintlaħaq ftehim bilaterali fuq ko-operazzjoni fil-qasam tal-flotat merkantili mal-Greċja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad hemm xi punti pjuttost importanti fil-ftehim propost bejn Malta u l-Greċja dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-bastimenti merkantili li għadhom qed jiġu kkunsidrati miż-żewġ naħat.

Toroq — Sinjali tat-Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fit-triq ta' quddiem iċ-Centenary Stadium għaliex għad hemm sinjali tat-traffiku li ma jippermettix l-ipparkjar ta' vetturi, meta dawn mhux qed jiġu osservati? Jaf l-Ministru li fuq iż-żewġ naħat kemm linji sofor li wkoll ma jippermettux parking ? Għaliex dawn is-sinjali ma jitneħħux għal kollox jekk m'hemmx bżonnhom jew jitgħattew u jinkixfu biss meta jkun hemm użu tagħhom? Kif inhuma illum, kulħadd inkluż puliżija bil-vetturi tagħhom qed jipparkjaw illegalment.

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ta l-approvazzjoni tiegħu biex f'dik il-parti tat-triq quddiem is-Centenary Stadium jiġi projbit il-parking fuq talba tal-Malta Football Association biex jiġi evitat il-konġestjoni tat-traffiku u l-konfużjoni bejn vetturi u spettaturi li jkunu ser jidħlu jew joħorġu mis-Centenary Stadium u/jew minn North side ta' l-istadium Nazzjonali. Il-Bord huwa tal-fehma li kemm is-sinjali tan-No Parking kif ukoll il-linji sofor għandhom funzjoni mportanti ta` safety kif indikat fl-istess talba tal-MFA, u m`għandhomx jiġu mneħħija. Madankollu ser nitlob lit-T.C.B. jerġa` jara jistgħux jinbidlu wħud mis-sinjali ndikati.

Qormi — Triq il-Vitorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju tal-periklu li hemm għal xi residenti li joqogħdu biswit ir-roundabout li hemm fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, ftit 'l isfel mill-health centre? Jaf li l-periklu qed jirriżulta mill-fatt li din ir-roundabout m'għandhiex dawl jew markings li fi dlam minn speċjalment mhux midħla tat-triq jinduna li hemm roundabout, u b'konsegwenza s-sewwieqa, jiġbdu għan-naħa tal-bankina fejn ikun hemm in-nies? X'inhuwa ppjanat li jsir? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-lokal flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u l-Kunsill biex ikun stabilit jekk hemmx periklu, u f'każ li hemm jiġi deċiż x'għandu jsir.

Retension Basins

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 20481, jista' l-Ministru jgħid l-ilma li se jinġemgħa fir-retension basins fejn se jitwassal (lokalita)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ilma tar-retention basins ser jitwassal għal culverts eżistenti li hemm fi Triq il-Wied u li permezz ta' dawn ir-retention basins ma jkunx qed jieħdu volum sustanzjali ta' ilma aktar milli jieħdu llum waqt ix-xita. Il-pjan tad-Dipartiment tat-Toroq hu li titjieb sistema ta' culverts u li jinbnew diversi basins fi Triq il-Wied u jitjieb ukoll l-użu tal-basins eżistenti ħdejn il-pont sabiex ikun ikontrollat l-ilma tax-xita f'dan il-wied.

Qormi — Bini ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena t-triq: New Street fi Triq il-Ħelsien, Ħal Qormi, meta din ilha issa mibnija kollha u saru diversi ilmenti dwar it-tbatijiet li r-residenti t'hemmhekk ikollhom jgħaddu minnhom minħabba l-istat diżastruż tat-triq imsemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal risposti mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2620, 6272, 6273 u 8824.

Parking Bays — Nies B'Diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm parking bays riservati għal persuni b'diżabilita' bil-blue sticker lokalita' b'lokalita' f'Malta u Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Parker — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex persuna tkun tista' tapplika għal-parker ? Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux vaganzi għall-dan il-post? Jekk iva, fejn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lil Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Mellieħa — Għajn tal-Mellieħa - Tiswija

Question

Jista l-Ministru jara li t-triq magħrufa bħala l-Għajn tal-Mellieħa, Mellieħa tiġi fformata fuq il-linja uffiċjali peress li fl-istat li hi, qegħdin isiru ħafna abbużi bil-konsegwenza li diversi residenti ma jkunux jistgħu jgħaddu minnha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-formazzjoni tat-triq b`mod li tirrispetta il-linji uffiċjali hija responsabilta' ta` l-iżviluppatur mal-ġenb tat-triq.