Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — "Streets and Road Lighting"
Question
Jista' l-Ministru jispjega l-Item 5401 taħt il-Vot 37 rikorrenti "Streets and Road Lighting" li hemm ivvotati għalih Lm1 miljun, u dan fid-dawl tad-devoluzzjoni lill-kunsilli lokali tal-ħlas ta' l-elettriku fil-postijiet pubbliċi? Jista' jagħti breakdown ta' liema toroq qiegħed ikopri dan l-item?
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ġibjuni ta' l-ilma li hemm fl-Imtarfa? Kemm minn dawn il-ġibjuni kienu nbnew matul il-perijodu li l-Imtarfa ġiet żviluppata mis-Servizzi Ingliżi u kemm inbnew mill-1987 'l hawn?
X'manutenzjoni saret matul l-1999 u din is-sena fuq dawn il-ġibjuni? Kif qed jiġi wżat dan l-ilma fil-mument?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma għandha ebda informazzjoni dwar il-ġibjuni ta' l-ilma li hemm fl-Imtarfa, billi dawn mhumiex parti minn network ta' l-ilma tax-xorb.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk ir-riservaturi/ġibjuni ta' l-ilma tax-xiri li saret manutenzjoni fihom matul l-1999 u din is-sena?
Kemm swiet din il-manutenzjoni u liema huma dawk ir-riservaturi/ġibjuni ta' l-ilma li se jiġu rranġati b'manutenzjoni sabiex ikollna aktar ħażna ta' l-ilma tax-xita f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s-sena l-oħra u din is-sena ma saritx manutenzjoni fuq ġibjuni ta' l-ilma tax-xita.
Għall-futur, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tistudja x'arranġamenti effettivi jistgħu jsiru għall-manutenzjoni ta' dawn il-ġibjuni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħlu dawk li għaddew mill-interview għal postman operator li sar f'Diċembru li għadda u li kienu parti minn grupp ta' 130 ruħ li għaddew f'kollox, iżda sal-lum għadhom daħlu biss 75 ruħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-fatt sa llum ġew ingaġġati 86 Postal Operator u mhux 75 kif hemm indikat fil-mistoqsija.
Il-Maltapost issejjaħ għall-impjieg, dejjem skond l-ordni tal-mertu, skond l-esiġenza li tinħoloq minn żmien għal żmien.
Ta' min jinnota li l-Maltapost talbet lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ biex l-iskadenza tal-validita' tar-riżultat ta' l-eżami tal-Postal Operators tiġi estiża sa l-aħħar ta' April 2001.
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkonsidrat li fil-privatizzazzjoni tal-MIA, l-uffiċċju metereoloġiku jibqa' fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili bħala regolutur f'dan il-qasam - u dan minħabba l-importanza ta' studji u statistika kif ukoll ta' previżjoni ta' temp?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie nnutat.
Jista' l-Ministru jgħid liema "equipment għas-standard laboratory li huma stmati li jħallsu Lm225,000 s-sena d-dieħla huwa maħsub li jinxtara (Vot VIII item 7102) Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi?
Jista' l-Ministru jgħid fejn jinsab il-cleaner technology centre, x'inhu x-xogħol tiegħu, kemm nies jaħdmu fih u x'riżultati wettqu matul is-sena korrenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Cleaner Technology Centre kien inħoloq fuq inizjattiva tal-Ministeru ta' l-Ambjent u jinsab fil-bini ta' l-Universita' f'Tal-Qroqq.
L-għan ta' dan iċ-ċentru huwa li jwassal lill-industrija informazzjoni dwar materji ambjentali.
Għal aktar informazzjoni nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-parteċipazzjoni tagħna fl-International Management Development Committee" mill-1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-International Management Development Committee inħoloq fuq inizjattiva meħuda minn numru ta' industrijalisti li joperaw f'Malta li ħolqu kumitat bejniethom sabiex iħaddem skema ta' taħriġ prattiku għall-middle managers u supervisors fis-settur tal-manifattura.
Il-parteċipazzjoni tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, permezz tad-Dipartiment ta' l-Industrija, ikkonsistiet f'għajnuna finanzjarja limitata sabiex jingħata l-programm ta' taħriġ imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' l-amalgamazzjoni maħsuba tad-Dipartiment tal-Konsumatur tal-Kompetizzjoni, jekk dan il-unit ġdid se jkollu premises ġodda jew inkella humiex se jibqgħu joperaw minn fejn qegħdin bħalissa?
Jekk se jkun hemm premises ġdid fejn huwa maħsub li dan ikun u meta huwa maħsub li ssir it-transizzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-pjan biex id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur u dak tal-Kompetizzjoni Ġusta jiġu miġbura f'Diviżjoni waħda għadu mhux finalizzat, ma jkunx prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21604?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhijiex awtorizzata li twaħħal multi.
Ninsab infurmat li l-ispejjeż amministrattivi ta' ħamsa u għoxrin lira japplikaw biss għaċ-ċekkijiet 'dishonoured' li jiġu rritornati lill-Korporazzjoni minħabba nuqqas ta' flus fil-kont tal-klijent. Dawn l-ispejjeż amministrattivi jinqasmu ndaqs bejn il-Korporazzjoni u l-Enemalta. L-istess spejjeż jinħafru meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tkun sodisfatta li sar żball ġenwin.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21046, jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid peress li s-sidien ta' l-ispiera ta' l-ilma msemmija assigurawni li din mhux spiera tad-drenaġġ imma spiera ta' l-ilma ġieri?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tikkonferma li l-ispiera li saret riferenza għaliha fil-mistoqsija numru 21046, kellha tappiera tad-drenaġġ ġewwa Vjal il-Ħaddiema, ir-Rabat.
Minn informazzjoni oħra li ġabret il-Korporazzjoni, ġie stabbilit li l-ispiera li hemm fl-inħawi msemmija fil-mistoqsija numru 21046 huma privati. In vista ta' dan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhix f'pożizzjoni li tieħu passi fuq il-kwalita' ta' l-ilma f'dawn l-ispieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti li waslu fil-WSC matul 1999 u din is-sena, li ilma fl-ispieri tal-bdiewa qed ikun imħallat bid-drenaġġ?
X'passi ttieħdu u x'inhija l-pożizzjoni llum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul l-1999 u din is-sena, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma rċeviet ebda rapport dwar spieri tal-bdiewa li qed ikunu mħallta bid-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun attrezzata l-Malta Standardization Authority biex tkun tista' tittestja l-laħam li jiġi mportat f'pajjiżna?
X'riżorsi se jkollha biex tkun tista' tagħmel dan l-ittestjar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ittestjar tal-laħam u prodotti oħra m'hijiex fir-responsabbilta' tal-Malta Standards Authority. L-ittestjar ta' prodotti ta' l-ikel tifforma parti mir-responsabbilta' tad-Diaprtiment tas-Saħħa u d-Dipartiment tal-Veterinarji
Jista' l-Ministru jara li l-kuntrattur imqabbad mill-Water Services Corporation biex jagħmel xogħol f'Awissu li għadda fl-entratura ta' Blk U Dr A Triq iċ-Ċinerarja, Santa Luċija, ikaħħal u jbajjad l-entratura u jagħmel il-konkos fejn tħaffer minflok ma jitħalla t-terrapien u stopcock cover meta r-residenti ġew billed għal konkos ta' xi 2m kwadri li fil-fatt qatt ma sar? Jaħseb il-Ministru li dan in-nuqqas serju jimmerita investigazzjoni serja dwar ħlasijiet għal xogħol li fil-fatt qatt ma jkun sar?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jiġi investigat u jekk ikun il-każ jittieħdu l-miżuri relattivi.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fuq l-entratura tal-blokk U Bieb A, Triq iċ-Ċinerarja Santa Luċija, peress illi hija mudlama ħafna filgħaxija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bit-talba ta' l-Onorevoli Interpellant. Min-naħa tagħha, il-Korporazzjoni qed tikkunsidra t-talba flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tar-residenti ta' Ħal Tarxien fl-inħawi ta' Triq l-Isqof Tumas Gargallo f'Ħal Tarxien li ilhom ibatu minn kurrent elettriku baxx minkejja li safejn naf jien ġew approvati x-xogħlijiet neċessarji u l-ewwel fażi fil-fatt tlestiet f'April/Mejju 2000 u t-tieni fażi kellha tibda f'Ottubru, ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata hekk kif din tkun għad-dispożizzjoni tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija, li ħadmu extra duty mas-Sea Malta?
Jaf il-Ministru li dawn ilhom xi disa' xhur jistennew li jitħallsu?
Jista' jgħid meta se jitħallsu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li skond l-irċevuti fil-pussess tas-Sea Malta, l-ammont dovut lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jammonta għal madwar ħamsa u għoxrin elf lira. Tajjeb jingħad li x-xogħol sar għal kumpanija barranija li għaliha s-Sea Malta taġixxi biss bħala aġent.
Appena s-Sea Malta tirċievi l-ammont imsemmi, din tgħaddieh lill-Korp tal-Pulizija biex isir il-ħlas relattiv.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 21622, jista' l-Ministru jgħid min huwa l-persuna responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-uffiċju fi ħdan il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi li ffirma għas-servizz tal-Big Screen?
Jassigurax wkoll l-Ministru li l-Big Screen mikri fl-20 ta' Ġunju 2000 ma ntużax għal xi attivita' oħra barra mill-Ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 21622, il-persuna li ffirmat l-istima relattiva għall-kiri ta' l-apparat huwa dak responsabbli għall ko-ordinazzjoni ta' l-uffiċċju fi ħdan il-Ministeru. Isem u kunjom din il-persuna diġa' ingħata fid-dokument li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija numru 6628 waqt is-Seduta numru 118.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-apparat mikri mill-Ministeru intuża fil-Ministeru.