Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta’ Malta — Kurunell

Question

Jaf il-Ministru li l-Kurunell li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li sa ħmistax ilu kien għadu Maġġur fil-Forzi Armati ta’ Malta, ma kienx eliġibbli għal rank ta’ Lt Col li kieku f’Mejju 2013 il-Ministru ma biddilx ir-rekwiżit eżistenti sa Marzu 2013 ta’ sentejn fir-rank ta’ Maġġur għal sena biss?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li l-Uffiċjal imsemmi kien eliġibbli għall-promozzjonijiet għall-Logutenent Kurunell li ħargu f’Settembru 2013, anke li kieku l-Ministru ma biddilx ir-rekwiżit eżistenti sa’ Marzu 2013.

Forzi Armati ta’ Malta — Staff Training Colleges

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-istaff training colleges li ggradwaw minnhom l-erba’ uffiċjali li l-Ministru ried li jsiru Kurunelli fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar ġimagħtejn u s-sena meta hekk gradwaw?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jelenka għal min qed jirreferi? Kurunelli saru sebgħa u mhux erbgħa.

Forzi Armati ta’ Malta — Kurunelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min mill-erba’ Kurunelli fil-Forzi Armati ta’ Malta li ħadu din il-promozzjoni fl-aħħar ġimagħtejn kien wera l-intenzjoni tiegħu fl-aħħar eżerċizzju li sar fl-2011 fil-Forzi Armati ta’ Malta li jkun ikkunsidrat għal rank ta’ Lt Col?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jelenka għal min qed jirreferi? Kurunelli saru sebgħa u mhux erbgħa.

Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — PR u media events – nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum ma ġew organizzati l-ebda PR u media events mill-Uffiċċju tiegħi.

PBS — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies, kemm full-time u kemm part-time, minn Marzu sal-lum mal-Public Broadcasting Services (PBS)? B'liema mod ġew impjegati, saret sejħa pubblika jew sejħa fid-dipartimenti tal-Gvern? Min huma n-nies li ġew impjegati u x'inhi l-paga tagħhom inkluż perkaċċi? Kemm ġew ingaġġati nies fuq bażi ta' contract for services mal-PBS? Min huma? X'inhu xogħolhom? X'inhu l-valur tal-kuntratt li għalih daħlu u għal kemm żmien? Ħarġet sejħa pubblika biex dawn ġew ingaġġati? Il-PBS għandu persuna apposta li tagħmel rapporti mill-Qorti, il-Parlament u l-MEPA? Jekk iva, min huma? Kemm hi l-paga tagħhom? Minbarra l-paga tagħhom, l-impjegati kollha li huma involuti f'xi programm tal-PBS jitħallsu iżjed mill-paga? Jekk iva, jista’ jipprovdi lista ta' min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu ta' dan ix-xogħol?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS hija kumpanija kummerċjali u għalhekk l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva.

Forzi Armati ta’ Malta – Kurunelli – security clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala fil-proċess aċċelerat biex fl-aħħar ġimagħtejn erba’ uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta saru Kurunelli minn Maġġuri, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma ġewx mitluba mill-Malta Security Service għall-informazzjoni li s-soltu dejjem tintalab f’dan il-livell biex tkun tista’ ssir security clearance f’livell ta’ top secret?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. In-numru tal-istqarrija hu PR 140521. Nispeċifika ukoll li dan il-proċess ma kienx aċċelerat.

Forzi Armati ta’ Malta – Kurunelli – Security clearance

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-erba’ uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li fl-aħħar ħmistax saru Kurunelli minn Maġġuri ma sarilhomx security clearance f’livell top secret kif iridu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-31 ta’ Marzu 2011 (2011/292/EU) dwar security rules to protect EU classified information, speċjalment l-Annex 1 ta’ dawk il-konklużjonijiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-mistoqsija parlamentari 4826.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-2011 u Marzu 2013

Binja tal-akkademja tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-binja tal-akkademja tal-pulizija f'ta' Kandja? Jista' jgħid meta din ser tibda tintuża mill-pulizija għat-taħrig tagħhom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xoghol tal-kostruzzjoni tal-Akkedja tal-Pulizija l-ġdida ġewwa Ta’ Kandja miexi kif ippjanat. Filfatt il-blokk ta’ fejn hemm il-klassijiet u l-uffiċji amministrattivi tlesta u il-bieraħ, 7 ta’ April, 117 il-rekluta bdew il-kors ta’ taħriġ sabiex isiru kuntistabbli tal-pulizija.

Korp tal-Pulizija – ingaġġ ta’ uffiċjali ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġu ngaġġati l-uffiċjali kadetti biex eventwalment jilħqu spetturi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid meta ser jiġu ngaġġati r-rekluti l-ġodda biex isiru pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-proċess ta' l-għażla għal Spetturi-Kadetti għadu fil-bidu tiegħu, m'huwiex possibbli li f'dan l-istadju tingħata din l-informazzjoni. Għar-rigward tar-rekluti l-ġodda, infurmat li dawn bdew il-kors tagħhom fl-Akkademja tal-Pulizija nhar it-Tnejn, 7 ta' April, 2014.

MPA – Tnaqqis ta’ taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati mal-MPA rigward it-tnaqqis tat-taxxa għal 15% fuq l-extra duty kif ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħdidiet diġa bdew iżda fadal aktar xi jsir biex tiġi konkluża l-materja.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – postijiet vakanti

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1934, jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma maqsumin dawn il-172 post vakanti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mija, tnejn u sebgħin post vakanti fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, huma mqassma kif ġej: 1 – Psikologu Anzjan 4 – Psikoloġi 2 – Social Workers 165 – Uffiċjali Korrettivi

Transfer ta’ supretendent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem kellu ċ-Chief of Staff tiegħu fuq id-deċiżjoni li ttieħdet dan l-aħħar biex is-supretendent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jkun mogħti transfer?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iċ-Chief of Staff tal-Ministeru ma’ kellu l-ebda sehem fit-trasferimenti ta’ dan is-Supretendent li d-dettalji dwaru ntbgħatu separatament. Kif għatlek diversi drabi min qed jgħaddilek l-informazzjoni qed jgħaddijielek ħażina. It-transfers isiru skond l-eżiġenzi tal-Korp.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer saru jew ġew ordnati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aħħar xahrejn?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-aħħar xahrejn kien hemm Officer 2 li ngħaqad mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili. Dan ġie sekondat mill-Housing Authority fuq talba tiegħu stess.

Protezzjoni Ċivili – postijiet vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li wara li fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 1933 qal li hemm 52 post vakanti fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, saru numru ta’ transfers mill-istess dipartiment fl-aħħar jiem u bla ebda ġustifikazzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Jien informat li n-numru li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa wieħed minimu ta’ tlieta. Dawn saru skond l-esiġenzi li kien hemm bżonn.

Pulizija — każ ta' blokk ta' appartamenti

Question

Billi fil-blokk ta' appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ilhom numru ta' snin jitwaddbu affarijiet u kif ukoll ilma maħmuġ (probabilment drenaġġ) li jikkawża ħafna problemi lir-residenti li hemm fl-istess blokk, kif ukoll fil-appartamenti tal-madwar, jista' l-Ministru jawtorizza (jekk il-liġi tippermetti) li l-pulizija jiftħu l-appartament, biex taħt is-supervizjoni tagħha tkun tista' ssir spezzjoni u tindifa tal-istess post?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru verifiki mar-records tal-Pulizija tad-Distrett u jidher li matul l-aħħar ħmistax il-xahar ma kien hemm l-ebda rapport fuq ir-residenza in kwistjoni jew l-inkonvinjent imsemmi. Mit-tagħrif kontenut fil-mistoqsija jidher li din hija materja li tirrigwarda l-Awtoritajiet tas-Saħħa u għaldaqstant il-pulizija ser tagħmel komunikazzjoni meħtieġa mal-Awtoritajiet kompetenti.

Uffiċjali tal-Pulizija — gradi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-uffiċjali tal-Pulizija li ġew appuntati mill-grad ta’ Spettur ‘l fuq, jiġifieri sal-grad tal-Kummissarju, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8902 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: · 1 Supretendent għal Kummisarju · 3 Assistenti Kummisarji għal Deputati Kummisarji · 7 Supretendenti għal Assistenti Kummisarji

Residenti ta’ Kordin — Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta’ Kordin jistgħux jagħmlu korsijiet universitarji online? Liema korsijiet huma? Hemm xi ħadd li għamel jew li bħalissa qed jieħu xi kors?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-idea kienet diġa qed tiġi kunsidrata bħala parti mit-tfassil ta’ programm ta’ edukazzjoni li qed isir għar-residenti tal-Faċilita. Pero peress li tali konsiderazzjoni tirrikjedi salvagwardji dwar sigurta’, tlabt aktar informazzjoni kif qed tiġi propost li titħaddem.

Detention Services –impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mad-Detention Services minn Marzu 2013 ’l hawn u kif ġew magħżula?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Mejju 2013 saret sejħa għall-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Detention Service Officer. Mit-3 ta’ Marzu 2014 bdew jaħdmu 38 impjegat ġdid mad-Detention Service wara il-proċess ta’ l-għażla. Dan il-proċess sar skont il-proċeduri rikjesti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Korp tal-Pulizija — Rapid Intervention Unit – shifts ta’ filgħodu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bidu tas-shift il-ġdid tal-4 ta’ filgħodu għar-Rapid Intervention Unit jibda jkun fil-5 ta’ filgħodu minħabba l-inkonvenjenza u tbatija bla bżonn li dan qed joħloq għall-membri tar-Rapid Intervention Unit?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet tax-xifts fil-Korp tal-Pulizija huma mfassla fl-aħjar interess tal-Korp u kemm jista’ jkun ukoll tal-membri tal-Korp. Dwar dan ix-xift partikolari, jien infurmat li anke’ bejn l-istess membri li jservu f’din it-Taqsima hemm opinjonijiet differenti. Madankollu jekk isiru xi suġġerimenti, jkunu kkunsidrati.