Legislature:
Category:
Reset
Active:

SkolaSajf u Klabb 3.16 – intervisti qabel l-ingaġġ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawk kollha li ġew ingaġġati biex jaħdmu ma' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 kienux intervisti qabel ma ngħataw impjieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Koordinaturi taċ-Ċentri kollha kienu intervistati qabel ma ġew ingaġġati. Infurmat ukoll li ma hemmx raġuni għaliex il-Playworkers u ċ-Child Support Workers jiġu intervistati peress li dawn diġa` jaħdmu fl-iskejjel u għalhekk kienu intervistati qabel ma bdew jaħdmu hemmhekk. L-istudenti tal-Universita` ma ġewx intervistati, la din is-sena u lanqas fis-snin li għaddew għall-Klabb 3-16.

Skola tal-Isport – sena skolastika 2014/2015

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2014/2015 fejn se jkunu qed jingħataw il-lezzjonijiet l-istudenti li se jattendu l-iskola tal-isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika 2014/2015 l-istudenti tal-iskola tal-isport se jingħataw lezzjonijiet fil-parti tal-iskola (ex-Luigi Preziosi) li qiegħda tiġi refurbished bħala parti mill-ewwel fażi ta' dan il-proġett.

Skola tal-Isports — faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskola tal-isport "il-ġdida" hux se jkollha għad-dispożizzjoni tal-istudenti pixxina, track tal-atletika u grawnd tal-futbol b'ħaxix artifiċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskola l-ġdida tal-isport se jkollha għad-dispożizzjoni tal-istudenti l-użu tal-Pixxina Nazzjonali, track twila 60 metru u faċilitajiet sportivi oħra fil-viċinanzi tal-iskola.

KMS — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titħabbar ir-riforma fil-Kunsill Malti għall-Isport (KMS)? B'rabta mal-istess riforma, jista’ jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jnaqqas in-numru ta' ħaddiema li preżentament qed jaħdmu fil-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-riforma fil-Kunsill Malti għall-Isport titħabbar wara li jkun sar l-istudju kollu neċessarju. L-ebda ħaddiem ma hu se jitlef postu.

Wied il-Għajn, l-Imsida u San Pawl il-Baħar — programmi spċjali ta' integrazzjoni ta' tfal ta' nazzjonalità differenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jipprepara, jew forsi għandu xi programm speċjali ta' integrazzjoni tat-tfal, u possibilment ukoll tal-ġenituri tagħhom, f'lokalitajiet fejn hemm numru kbir ta' tfal minn nazzjonalitajiet differenti, li jattendu l-iskola primarja, bħal fil-każ ta' Wied il-Għajn, l-Imsida u San Pawl il-Baħar, fost l-oħrajn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-każ ta’ dawk it-tfal li ma għandhomx problemi ta’ komunikazzjoni bażika, l-integrazzjoni sa issa qegħda ssir mill-iskejjel stess. Sabiex nilqgħu għall-influss ta’ tfal illi ma jikkomunikawx la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, inbdiet inizjattiva fejn, bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja apparti fondi lokali, a) inxtraw materjali għat-tagħlim li ġew approvati minn uffiċjali tad-Direttorat tal-Kurrikulu b) ġew magħżula bi proċess formali numru ta’ Language Support Assistants; u c) dawn ingħataw taħriġ u appoġġ minn għalliema diġa speċjalizzati fit-tagħlim tal-lingwi; li wkoll taw tagħlim f’dan il-qasam; d) ġie stabbilit programm formali li mmirat biex jagħti ħiliet ta’ espressjoni bażiċi. e) twaqqaf ċentru amministrattiv, b’Kap ta’ Skola jmexxi, fl-Iskola tal-Kulleġġ San Injazju Qormi u dan jirċievi numru ta’ studenti minn inħawi differenti. f) imbagħad f’inħawi li huma milqutin f’mod aktar numeruż, ingħata s-servizz fl-iskejjel stess. Per eżempju f’San Pawl il-Baħar kien hemm tlett għalliema jaħdmu ma’ dawn it-tfal. Tajna wkoll is-servizz f’Birżebbuġa u ma tħalliet ebda skola mingħajr xi forma ta’ servizz. Hemm pjanijiet u fondi sabiex issa nibdew nirreklutaw support għall-ġenituri ta’ dawn it-tfal.

Persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea — reġistrati li jistgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li huma reġistrati bħala li qed jaħdmu hawn Malta? Minn liema pajjiżi, pajjiż pajjiż huma dawk li għandhom permess li jaħdmu hawn Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar f'liema lokalità, lokalità b'lokalità joqogħdu l-persuni li jistgħu jaħdmu hawn Malta għaliex ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Miżuri preventivi dwar atteġġjament negattiv ta' tfal u żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkollabora ma' aġenziji tal-Gvern bħal l-Appoġġ biex jassigura li l-istess Ministeru jkun jista' jiġi nfurmat dwar xi żviluppi partikulari li jkunu qed iseħħu f'lokalitajiet partikularu, għal dak li jikkonċerna tfal u żgħażagħ, biex b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu miżuri preventivi dwar atteġġjament negattiv li jista' jkun qed jiżviluppa f'xi lokalità partikulari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema soċjali fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent jaħdmu id f’id mal-ħaddiema soċjali u l-community workers li jaħdmu fl-Aċċessijiet. Fejn ikun hemm klijenti komuni ħafna mill-interventi bħal viżti fid-djar isiru flimkien. Huwa wkoll il-każ li tinżamm komunikazzjoni regolari bejn il-professjonisti involuti għall-ġid tal-istudent u l-familja tiegħu. Huwa importanti li wieħed jiċċara li l-ħaddiema soċjali jaħdmu wkoll ma’ studenti li għandhom problemi ta’ mġieba u atteġġjament negattiv. Inħaddmu anke proġetti flimkien bħal fil-każ tal-Aċċess tal-Imsida fejn għaddejjin il-preparamenti bejn il- community worker u t-tim ta’ professjonisti Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża biex jiġi żviluppat programm ta’ parenting skills għall-ġenituri tat-tfal li jattendu l-primarja tal-Imsida. Hemm ukoll il-ħsieb li dan il-programm isir fi skejjel oħra fi ħdan l-istess Kulleġġ. Din il-miżura hija waħda preventiva minħabba li l-ġenituri qed jitgħallmu ħiliet biex ikunu jistgħu irabbu t-tfal tagħhom bl-aħjar mod u b’hekk innaqqsu l-problemi ta’ mġieba li qed niffaċċjaw fl-iskejjel. Meta jiġu organizzati proġetti mill-Aċċessijiet għat-tfal, żgħażagħ u familji, l-professjonisti li jaħdmu fil-Kulleġġi relevanti jiġu infurmati biex jidentifikaw studenti u familjari tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-proġetti. Kien hemm ukoll proġetti li ġew organizzati u mwaqqfa ma’ skola partikolari fejn ġew indirizzati problemi speċifiċi tal-lokalità, per eżempju, Homework Club f’San Pawl il-Baħar. Kien hemm ukoll ċirkostanzi fejn ittieħdu inizjattivi fuq livell ta’ Kulleġġ biex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, per eżempju, fi skola minnhom isiru laqgħat fuq bażi regolari mar-rappreżentanti mis-Servizz ta’ Protezzjoni għat-Tfal tal-Agenżija Appoġġ minħabba li hemm numru mhux ħażin ta’ studenti li jiġu segwiti mill-istess servizz. Din it-talba tressqet mill-iskola li ħasset il-ħtieġa li jaħdmu aktar mill-qrib mal-Appoġġ għall-ġid tal-istudent u biex il-professjonisti jintervjenu mill-ewwel biex jipprevenu li s-sitwazzjoni tal-istudent tmur għal agħar. Mizuri oħra relatati mal-assentejiżmu: 1. Il-Ħaddiema Soċjali jattendu għas-seduti tat-tribunali reġjonali biex jgħaddu informazzjoni relevanti dwar l-istudent lill-Kummissarju li tippresiedi l-każijiet ta’ assentejiżmu biex jassistuha meta hi tagħti ġudizzju. 2. Għaddejjin taħditiet mal-Ministeru tal-Politika Socjali minħabba ċ-Child Supplement Benefit peress li ser ikun marbut ukoll mal-attendenza Miżuri kontra s- cyber bullying fuq programmi preventivi kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri flimkien mas-Cyber Crime Unit. Miżuri kontra l-użu tas-sustanza tad-droga fuq programmi preventivi u informattivi kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri flimkien mad- Drug Squad . Min-naħa l-oħra ta’ min jinnota li l-professjonisti fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali jaħdmu b’mod konsistenti ma’ Aġenziji oħra barra mid-Direttorati fuq bażi ta’ każi individwali jew fuq bażi ta’ Kulleġġi. Dawn jinkludu l-Aġenżiji Appoġġ, Sedqa u Sapport, l- Employment Training Corporation , Open Centre Ħal-Far, Health Services - Child Guidance Clinic - CGC, Child Development Assessment Unit – CDAU , Mental Health Services,, Health Services, Midwives Booking Office at Mater Dei Hospital, Parental Craft – Mater Dei, Fejda u Jean Antide Home, Youth Clubs, AWAS, Aġenżija Żgħażagħ u Youth.Inc., Police Force -Cyber Crime Unit u Drug Squad. L-Aġenzija Żgħażagħ tikkollabora mal-FSWS dwar żgħażagħ li jiġu l-Youth Cafes ġewwa l-Qawra, Kottonera, Msida u l-Belt. Infatti dawn il-Youth Cafes qegħdin fiċ-Ċentri tal-Aċċess u jsir xogħol interdixxiplinarju sabiex jittieħdu miżuri preventivi fuq iż-żgħażagħ ta' dawn il-lokalitajiet.

Stqarrija tad-DOI — grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi

Question

B'referenza għall-istqarrija maħruġa mid-DOI (140445) nhar it-8 ta' Marzu 2014, jista' l-Ministru jgħid min huma "l-grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi li qed jaħdmu fuq l-istrateġija għall-isport"? Meta mistennija tiġi varata din l-istrategija għall-konsultazzjoni pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi li llum qed jaħdmu fuq l-istrateġija għall-isport. Il-grupp li hemm referenza għalih fl-istqarrija tat-8 ta' Marzu 2014 ġie xolt. Din l-istrateġija mistennija tiġi varata għall-konsultazzjoni pubblika wara s-Sajf.

Skema A 4U — żgħażagħ li bbenefikaw

Question

B'referenza għall-iskema A 4U li ġiet imnedija fis-27 ta' Novembru 2013 li kienet rappurtata fi stqarrija maħruġa mid-DOI (2654) , jista' l-Ministru jgħid kemm kienu ż-żgħażagħ li bbenefikaw minn din l-istess skema ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ għaqdiet li bbenefikaw minn din l-iskema u kemm se jilħqu żgħażagħ.

Occupational Health Assessment

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 226 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-konsegwenzi meta applikanti li jkun aċċettati imma ma jikkwalifikax mill-Occupational Health Assessment u għalhekk skont l-istess avviż legali ma jitħallewx jattendu għat-tagħlim kliniku indikat fil-programm ta’ studju? Jista’ jispjega jekk dawn l-istudenti jkunux jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom bħal studenti oħrajn u x’inhi l-kwalifika li jistgħu jieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-konsegwenzi ta’ meta student ma jgħaddix mill-Occupational Health Assessment huma ppubblikati fuq l-internet u l-istudenti ukoll huma infurmati bil-kundizzjonijiet ta’ dawn il-korsijiet (Dental Hygiene u Dental Technology) kemm fil-prospett tal-korsijiet undergraduate, kif ukoll fl-ittra ta’ aċċettazzjoni. Min ma jgħaddix mill-occupational health assessment, ma jitħalliex jattendi għall-partijiet kliniċi ta’ dawn il-korsijiet, imma jista’ jkompli l-partijiet akkademiċi (mhux kliniċi) tal-kors sakemm jgħaddi mill-occupational health assessment. L-Occupational Health Protocol li jagħmel referenza għalih l-Avviż Legali 226, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avviż Legali 227 tal-2014 – dħul għall-korsijiet fid-dental hygiene

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 227 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li l-istudenti li diġà qagħdu għall-eżamijiet tal-bijoloġija qabel ma tħabbar dan l-avviż legali kellhomx jingħataw il-konċessjoni li jkunu jafu minn qabel dwar l-introduzzjoni tal-kundizzjonijiet ġodda li qed tintroduċi l-fakultà dwar id-dħul għall-korsijiet fid-dental hygiene? Ma jidhirlux il-Ministru li jkun aktar trasparenti u ġust li din l-emenda għandha titħabbar issa u tidħol fis-seħħ mill-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013, ir-regolamenti tal-eżami tal-Matrikola nbidlu b'tali mod li l-istudenti m’għadhomx jingħataw grad ġenerali aktar. Minħabba f'dan, il-kategoriji tal-applikanti eliġibbli biex jidħlu fil-kors tad-Dental Hygiene kellhom jinbidlu kif hemm miktub fl-Avviż Legali 227 tal-2014. Din l-emenda neħħiet il-ħtieġa tal-grad ġenerali taċ-Ċertifikat tal-Matrikola għax dan ma għadux jingħata mill-MATSEC Board. Ir-rekwiżit ta’ grad fil-Bijoloġija diġà kien hemm u kien ġie ppubblikat fl-Avviż Legali 42 tal-2013. Għalhekk l-istudenti ilhom jafu li jekk ikun hemm il-ħtieġa tal-għażla, huma se jintgħażlu skont il-grad li jiksbu fil-Bijoloġija. Huwa mifhum li l-parti l-kbira tal-applikanti għal dan il-kors li se jiftaħ f'Ottubru li ġej għalhekk mhux se jkollhom il-grad ġenerali tal-Matrikola. Li kieku din l-emenda ma saritx, min japplika għal dan il-kors skont ir-regolamenti ġodda tal-Matrikola ma jkunx eliġibbli għad-dħul għax ma jippreżentax il-grad ġenerali. Hemm 14-il post għad-Dental Hygiene u jkun hemm bżonn li ssir l-għażla biss jekk ikun hemm aktar applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha milli hemm postijiet.

Avviż Legali 236 — emendi

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għall-introduzzjoni tal-emendi li qed isiru f’dan l-avviż legali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li peress li dan huwa kors ġdid, dawn l-emendi qed jiġu proposti wara konsultazzjoni mal-ewwel grupp ta’ studenti kif ukoll mal-Bord tal-Istitut tal-Logħob Diġitali. L-akkademiċi huma fid-dmir li jtejjbu l-kors għall-ġid tal-istudenti. Wara taħdidiet li saru mal-istudenti dwar kif jaħsbu li jista’ jitjieb il-kors, il-kummenti ġew diskussi mal-Bord tal-Istitut biex b’hekk qed jiġu proposti l-emendi msemmija.

Kors tal-Master of Science Degree in Digital Gaming – emenda fl-Avviż Legali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn wara sena mindu beda l-kors tal-Masters of Science Degree in Digital Gaming, diġà qed jiġi emendat fl-avviż legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, il-perijodu ta’ kemm itul dan il-kors? Jista’ jgħid jekk din l-emenda dwar il-perijodu tal-kors tgħoddx ukoll għal dawk l-istudenti li diġà bdew dan il-programm ta’ studju tagħhom is-sena l-oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10243. Wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Istitut tal-Logħob Diġitali u mal-istudenti, ġie deċiż li t-tul tal-kors jinbidel għal sentejn. L-ammont ta’ xogħol li konna qegħdin nistennew mill-istudenti fi tliet semestri (90 krettu ECTS) kien ikkonsidrat eċċessiv. Apparti minn hekk, korsijiet simili multidixxiplinari fuq il-logħob diġitali li qed jiġu mgħallma madwar l-Ewropa jdumu sentejn (120 krettu ECTS). Allura nħass il-bżonn li filwaqt li nkunu konformi ma’ dak li qed jiġri f’korsijiet rinomati fl-Ewropa nqisu wkoll il-bżonnijiet tal-istudenti tagħna. L-emenda dwar il-perijodu tal-kors ma tapplikax għall-istudenti li diġà bdew il-programm, għalkemm jekk l-istess studenti jiktbu formalment lill-Bord tal-Istitut u jesprimu x-xewqa li jagħmlu dissertazzjoni ta’ 60 krettu ECTS minflok ta’ 30 krettu ECTS (bħalma qed jiġi propost fl-emenda) dan ikun possibbli.

Emenda fl-Avviż Legali 311 tal-2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn paragrafu 1 tal-ordinament 7 tal-ordinament prinċipali tal-Avviż Legali 311 tal-2013 qed jerġa’ jinbidel wara sena u issa se jiġi jinqara: “L-istudenti huma meħtieġa jippreżentaw dissertazzjoni individwali ta’ mhux aktar minn 60,000 kelma skont il-linji gwida maħruġa mill-Bord”, skont l-avviż legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni? Jista’ jgħid jekk din l-emenda tgħoddx ukoll għal dawk l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom bħalissa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10244. Għall-istess raġunijiet, il-bdil sar wara l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-istudenti. Iż-żmien fejn wieħed ikompli d-dissertazzjoni tiegħu qed jiżdied minn semestru għal żewġ semestri u b’hekk id-dissertazzjoni ser tingħata 60 krettu ECTS. Dan kollu jirrifletti ż-żieda fil-limitu ta’ kliem li qed jiġi propost. Din l-emenda ma tgħoddx għal dawk l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom bħalissa, sakemm ma jesprimux ix-xewqa tagħhom formalment li jagħmlu dissertazzjoni ta’ 60 krettu ECTS permezz ta’ ittra indirizzata lill-Bord tal-Istitut.

SkolaSajf — posponiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ħalla d-deċiżjoni sabiex jipposponi l-bidu ta' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 sal-aħħar mumenti, meta wieħed iqis li l-Union tal-Għalliema kienet ġibdet l-attenzjoni għad-diffikultajiet li kien hemm minn tliet ġimgħat qabel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu preparatorju, il-Ministeru dejjem ġie infurmat li x-xogħol marbut mal-organizzazzjoni ta' dan is-servizz kien miexi tajjeb anki wara li l-MUT gibdet l-attenzjoni għal għadd ta' nuqqasijiet. Għaldaqstant, il-mira baqgħet li SkolaSajf tiftaħ fid-data stabbilita. Ħadt ir-responsabbiltà li nipposponi l-bidu ta' Skolasajf u Klabb 3-16 meta l-Ħadd fil-għaxija fl-aħħar kien hemm ammissjoni tan-nuqqasijiet serji fit-tħejjija li sa dak il-mument kienu nżammu mistura.

Ħ'Attard — Kulleġġ San Nikola - tnaqqis ta' klassijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li mis-sena skolastika li jmiss jitnaqqsu klassijiet mill-iskola primarja, Kullegg San Nikola ta' Ħ'Attard? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux previst li se jkun hemm għalliema li fil-preżent qed jgħallmu f'din l-iskola li se jiġu redundant minn din l-iskola u jekk iva kemm hu n-numru ta' dawn l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena skolastika 2014/2015 in-numru ta’ klassijiet fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard se jonqos peress li se jkun hemm tnaqqis fin-numru ta’ studenti li se jattendu f’din l-iskola fil-livell primarju. Waħda mill-għalliema se tiġi redundant minn din l-iskola u se tintalab isservi ġo skola oħra. Infurmat ukoll li dan it-tip ta’ eżerċizzju jsir kull sena għal kull waħda mill-iskejjel statali. Il-klassijiet jiżdiedu jew jonqsu skont il-ħtieġa.

Pembroke — bini tal-iskola tal-isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-iskola tal-isport fiż-żona ta' Pembroke wara li din se tkun qed titneħħa min fejn kienet qed topera fl-aħħar snin preċiżament f'Ħal Kirkop? Jista' jagħti dettalji dwar meta mistennija tkun lesta din l-iskola u meta se tilqa' l-ewwel studenti din l-istess skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-tender ta' kostruzzjoni ta' din l-iskola qegħda tiġi evalwata u huwa mistenni li din se tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2015/2016.

Ħal Kirkop — faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet sportivi se jkollha "l-iskola l-ġdida" tal-Isport differenti minn dawk li kien hemm sal-lum f'Ħal Kirkop ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isports hall tal-iskola ġdida ta' Pembroke hi ikbar minn dik ta' Ħal Kirkop.

Faċilitajiet Sportivi – art għal faċilitajiet sportivi

Question

Ġaladarba l-Ministru qed jgħid fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10031 li ma jeżisti l-ebda kumitat b'rappreżentanza tal-Gvern , jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern fuq is-suġġett ? X'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern fejn jidhlu artijiet li fuqhom hemm faċilitajiet sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern qed jistudja l-possibiltà li jikkummerċjalizza parti mill-artijiet mogħtija lill-għaqdiet sportivi u dan sabiex dawn isiru aktar sostenibbli finanzjarjament. Wara li jsir dan l-istudju, il-Gvern jevalwa liema huwa l-aħjar kors t’azzjoni.

Kunsill Malti għall-Isport — laqgħat ma' għaqdiet jew klabbs sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn Mejju 2013 u Ġunju 2014 ma liema għaqdiet jew klabbs sportivi l-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport inkella xi dipartiment ieħor, iltaqa' magħhom dwar artijiet li fuqhom l-istess għaqdiet għandhom il-faċilitajiet sportivi tagħhom ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-KMS iżomm laqgħat regolari mal-entitajiet sportivi reġistrati miegħu fuq kwalunkwe materja li l-entitajiet jixtiequ jiddiskutu, inkluż il-materja li qed isemmi l-Onor. Interpellant.