Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6642 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Wied il-Qlejgħa — Proġett ta' riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm ta' kontinwazzjoni tax-xogħol fuq il-proġett ta' rijabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa/Chadwick Lakes u serer moderni fiċ-Ċentru tal-micro propagazzjoni għal matul ix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Rigward il-programm ta' kontinwazzjoni tax-xogħol fuq il-proġett ta' rijabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa/Chadwick Lakes huwa ttamat illi t-tieni fażi tittlesta din is-sena kif ukoll jittlestew ix-xogħolijiet fl-ewwel fażi li ntalbu mill-Awtorita tal-Ippjanar, filwaqt għal matul ix-xhur imsemmijin, is-serer li hemm fiċ-Ċentru ta' Mikropropagazzjoni se jkomplu jintużaw sabiex fihom jitkabbru pjanti dekorattivi, pjanti indiġini kif ukoll pjanti tal-GF677 li fuqhom jitlaqqmu siġar tal-frott irqiq.
Leg 9 PQ #6646 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Industrija tat-tiġieġ — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-regolamenti u kondizzjonijiet li kienu qed jiġu pprattikati lokalment bħala regoli uffiċjali għad-daqs tal-gaġeġ/batteriji applikabbli għall-industrija tat-tiġieġ matul dawn l-aħħar ħames snin fil-gżejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif suppost jaf hu bħala persuna li kienet responsabli għall-Agrikoltura m'hemm l-ebda regolamenti speċifici għad-daqs ta' gaġeġ/batteriji applikabli għall-industrija tat-tiġieġ.

EU — Screening process

Question

Jista' l-Ministru jgħid min fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qed jieħdu sehem fl-iscreening process ta' l-Unjoni Ewropea? X'taħriġ u formazzjoni ngħataw dawn il-persuni biex ikunu nformati sew bid-deċiżjonijiet, direttivi, riżoluzzjonijiet u rakmandazzjonzijiet tal-Kunsill tal-Ministru Ewropej u dan fir-rigward ta' l-oqsma differenti li jaqgħu taħtu li jkollhom jinbidlu u jadottaw irwieħhom minħabba l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dr N Bonanno - assistent kap fil-Ministeru tiegħi pparteċipa fl-iscreening process (multilateral) tal-politika reġjonali (l-fond Ewropej tal-Agrikoltura). Is-Segretarju Permanenti, d-Direttur tal-Agrikoltura u d-Direttur tas-Servizzi Veterinarji pparteċipaw fl-iscreening process (Agrikoltura). Id-Direttur tal-Agrikoltura ntbagħat l-Ingilterra fuq kors ta' taħriġ dwar 'negotiating skills' mal-Unjoni Ewropea offrut mill-Gvern Ingliż. Dr N Bonanno fil-passat mar Spanja u l-Portugall dwar il-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f'dak li għandha x'taqsam l-Agrikoltura.
Leg 9 PQ #6636 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Voti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5923 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li qed jiġi propost li jkun hemm tnaqqis ta' 30% tal-voti attwali ta' l-Unjoni Ewropea għas-settur tal-biedja tal-pajjiżi membri, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif dan it-tnaqqis se jaffettwa lill-pajjiżna u ċioe' s-settur tal-biedja lokali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minn informazzjoni ppublikata jidher ċar li l-'Berlin European Council' li sar fl-24 u 25 ta' Marzu 1999 żied l-allokazzjoni għall-Agrikoltura (Heading 1) minn 40,920 miljun Euro fl-2000 għal 43,900 milljun Euro għall-2002. Dawn il-figuri huma ikkalkolati bil-prezzijiet tal-1999 jiġifieri mistennija jiżdiedu skond l-inflazzjoni. Barra minn hekk huwa maħsub li bir-riforma fil-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea jintefqu anqas flus sabiex jiddisponu miż-żejjed u aktar flus f'għajnuna diretta lill-bdiewa u raħħala. Din ir-riforma tkun ta' benefiċju għall-bdiewa Maltin
Leg 9 PQ #6637 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Avis II — Levies

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5921 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li l-Avis II jgħid li l-levies kollha ta' protezzjoni jridu jitneħħew, jista' jgħid kif dan mhux se jkollu impatt negattiv fuq is-setturi lokali tal-biedja u sajd?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant japprezza li din il-materja hija suġġetta għal negozjati mal-Unjoni Ewropea. Bla dubju l-Gvern Malti determinat li jinnegozja pakket sħieħ li jkun sostenibili għall-Agrikoltura u Sajd f'Malta, li joffri opportunitajiet ta' żvilupp f'dawn l-oqsma sakemm dan ikun għas-sodisfazzjon tal-bdiewa, raħħala u sajjieda. Dawk b'kuntrast ma' l-Free Trade Zone li ried jagħmel il-Gvern li kien jagħmel parti minnu l-Onor. Interpellant li kien ifisser it-tneħħija ta' kull forma ta' protezzjoni għas-setturi tal-biedja u sajd f'pajjiżna.
Leg 9 PQ #6638 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tiġieġ — Importazzjoni

Question

B'riferenza għall-intervent tal-Ministru dwar l-eżenzjoni ta' dazju fuq tiġieġ impurtati għas-suq lokali, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta kkonsulta mal-koperattivi u rappreżentanti tal-processors ta' din l-industrija lokali? Meta ġew informati bil-miżura li ħa l-Ministeru dwar l-eżenzjoni tal-levy fuq dan il-prodott u kemm kienet il-kwantita' li ġiet eżentata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Billi l-ammont ta' tiġieġ li fuqhom ġiet eżentata l-ħlas tal-levy kienet waħda limitata ħafna, minnħabba ċirkostanzi partikolari u speċjali, (ħames tunnellati paragunata ma konsum ta' 6,600 tunnellata), ma nħassitx il-ħtieġa li ssir konsultazzjoni. Ta' minn ifakkar li l-Onor. Interpellant, meta kien Ministru, kien irrikmanda eżenzjoni mill-ħlas tal-levy fuq (10.75) tunnellata tiġieġ importati fit-2 ta' Frar 1998, bla ma saret ebda konsultazzjoni ma koperattivi u proċessuri oħra. Din l-eżenzjoni kienet fil-fatt ħarġet.
Leg 9 PQ #6641 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Tqassim ta' ħamrija

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm huwa maħsub/ikkalkolat li matul ix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu titqassam ħamrija lill-bdiewa? Minn fejn se tinġieb din il-ħamrija u x'policy se jaddotta id-dipartiment għat-tqassim ta' din il-ħamrija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-proċess tat-tqassim tal-ħamrija jiddependi mill-volum ta' ħamrija li jkollu f'idejħ id-Dipartiment u mhux in-numru ta' talbiet tal-bdiewa.

Santa Venera — Twaħħil ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex veru li se jitwaħħlu siġar fuq area blat li hemm fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Sta. Venera, fejn bħalissa jidher li qed jitħaffer ġibjun?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-Ministeru tiegħu u minn liema entita' ġejjin? Jista' l-Ministru jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment? Jista' l-Ministru jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-nies seconded mal-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd huma: Joseph Grixti (I.D. 85551M) Welder mill-Malta Drydocks li jirċievi salarju ta' Lm399.24 gross kull erba' ġimgħat. Joseph Refalo (I.D. 324962M) Assistant Fitter mill-Malta Drydocks li jirċievi salarju ta' Lm380.44 gross kull erba' ġimgħat. Hadd minnhom ma jirċievi allowances. Hadd minnhom ma huwa appuntat f'bordijiet u Kumitati.
Leg 9 PQ #6615 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja u Sajd — Acquis ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw is-settur tal-Biedja u Sajd rispettivament? Minn huma l-persuni fil-Ministeru u d-Dipartiment li qegħdin jikkordinaw l-evalwazzjoni ta' dan l-acquis mal-liġijiet Maltin? X'laqgħat saru ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex dawn ikunu informati b'dawn il-volumi ta' regoli ġodda li japplikaw għalihom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-acquis tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fit-trattati, ir-Regolamenti tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Direttivi tal-Kummissjoni, deċiżjonijiet, sentenzi tal-Qorti Ewropea u ftehim internazzjonali jew bilaterali u konvenzjonijiet li l-Unjoni Ewropea tirratifika. Dawn kollha għandhom xi mpatt dirett jew indirett fuq l-agrikoltura u sajd. Għaldaqstant mhux il-każ li dawn jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra. Il-kompatibilita' tal-acquis mal-liġijiet Maltin qed tiġi studjata waqt il-proċess ta' screening. F'dan il-proċess huwa maħsub li jieħdu parti fiħ l-uffiċjali għolja kollha tal-Ministeru u tad-Dipartiment. Il-ko-ordinament qed isir mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru flimkien mad-Diretturi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi bil-koperazzjoni tal-EU Directorate tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Qed tiġi ppjanata serje ta' konsultazzjonijiet mal-għaqdiet kostitwiti, ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda dwar il-proċess kollu. Dawn il-konsultazzjonijiet ser isiru fi żmien qasir u sejrin ikopru s-setturi kollha konnessi mal-biedja u sajd.
Leg 9 PQ #6616 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produtturi tat-tiġieġ — Regolamenti

Question

B'riferenza għar-rakkmandazzjoni li għamel l-aġent direttur ta' l-agrikoltura sabiex il-produtturi Maltin u Għawdxin tat-tiġieġ ikabbru razza magħrufa bla l-"Maltese Black" għal meta jiġu fis-seħħ ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea li jipprojbixxu is-sistema tat-tkabbir tat-tiġieġ kif tinsab fil-mument fil-gżejjer tagħna f'dak li jirrigwardja l-qisien tal-gaġġeġ/batterija, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-regolamenti u proposti li qed isiru sabiex jikkontrollaw it-tkabbir tat-tiġieġ fil-gaġġeġ?

Response (ZAMMIT, NINU)

F'Marzu tal-1998 il-Kummisarju għall-Agrikoltura tal-Komunitajiet Ewropej issottometta lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea proposta ta' Direttiva ġdida dwar l-ispazju għat-tiġieġ fil-gaġġeġ. Din id-direttiva ma ġietx adottata sal-lum, iżda il-presidenza Ġermaniża irrikmandat li tiġi adottata mis-sena 2012 waqt li l-parlament Ewropej irrikmanda is-sena 2009. Għaldaqstant mhux il-kas li din titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 9 PQ #6635 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5924 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' b'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-fatt tas-sitwazzjoni fejn bdiewa tal-pajjiżi membri qed jirċievu prezzijiet baxxi għall-prodotti tagħhom u l-konsumaturi jħallsu prezzijiet għolja minkejja f'dan it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' Franza fejn matul l-aħħar snin il-prezz taċ-ċanga niżel għal 17% għar-raħħala, iżda għall-konsumaturi Franċiżi għola b'8%, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif din is-sitwazzjoni se tolqot lill-bdiewa u l-konsumaturi tal-gżejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-prezzijiet ivarjaw minn suq għall-ieħor u minn ħin għall-ieħor. Fl-Italja l-prezz medju għaċ-ċanga għall-produttur tela' minn 3,805 Lit/kg. fl-1997 għall 5,675 Lit/kg. f'Jannar 1999 u fil-Ġermanja tela' minn 4.98 DM/kg. fl-1997 għal 16.20 DM/kg. f'Jannar tal-1999. Il-mod kif ir-raħħala ser jiġu affetwati jiddependi fost affarijiet oħra, fuq kemm il-partijiet kollha konċernati jiġbdu ħabel wieħed.
Leg 9 PQ #6553 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex dawn jingħataw self sussidjat fuq proġetti li qed jantiċipaw li jwettqu? Meta se jiġu approvati u kemm huwa l-valur globali f'ċifra ta' flus?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numru ta' talbiet pendenti huwa ħdax. Minn dawn, ħamsa diġa ġew proċessati mill-Kummisjoni pero qed jistennew xi rapport tekniku (per eżempju minn għand il-Veterinarju) qabel l-approvazzjoni finali. Is-sitta l-oħra, li huma għal valur totali ta' Lm35,000, ser jitressqu quddiem il-Kummisjoni għall-għajnuna finanzjarja fi żmien xahar.
Leg 9 PQ #6554 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-proċedura llum sabiex bdiewa, raħħala u sajjieda japplikaw għas-sussidju ta' nofs il-pagamenti tas-sigurta' soċjali f'bolla? Kemm fil-fatt kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li wieġbu għal dawn is-sejħiet li sarulhom riċentement?

Response (ZAMMIT, NINU)

S'issa l-proċedura sabiex bdiewa, raħħala u sajjieda japplikaw għas-sussidju ta' nofs il-pagamenti tas-sigurta' soċjali għadha bħal ma kienet qabel. Mhux possibbli ngħatu figura ta' kemm applikaw għas-sussidju dan l-aħħar minħabba li żmien ta' l-applikazzjoni għadu ma għalaqx.
Leg 9 PQ #6555 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Hands on farming

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li attendew għall-programmi tal-hands on farming u hands on fishing li jorganizzaw id-dipartimenti ta' l-agrikoltura u sajd mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Xi proposti ta' titjieb saru għall-attenzjoni tal-Ministeru dwar dawn il-programmi? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-pożizzjoni llum?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numru ta' tfal li attendew għall-programmi 'Hands on Farming' fl-Għammieri, mill-5 ta' Settembru sal-Ġimgħa 30 t'April 1999 huwa ta' 1626. Minn Jannar 1999 'l hawn, beda programm ieħor immirat għal studenti tal-bioloġija ta' Forms IV u V. Għal dan il-programm ġdid attendew 265 student sa l-aħħar t'April 1999.
Leg 9 PQ #6539 Sitting 93 1999-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda

Question

Skond ir-records tal-Ministeru tal-Biedja, jista' l-Minstru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full time u part-time fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full-time f'Settembru ta' kull sena kien hekk: Sena Originali Riveduti 1990 3,172 ------ 1991 3,231 ------ 1992 3,199 ------ 1993 3,106 ------ 1994 3,110 2,540 1995 3,229 2,590 1996 3,243 2,568 1997 ----- 2,533 1998 ----- 2,582 Billi fl-1997 il-figuri tal-bdiewa, raħħala u sajjieda ġew riveduti mis-sena 1994 mill-ETC sabiex tneħħew numru ta'persuni li kienu jaħdmu fil-biedja u fis-sajd b'mod informali, il-figuri ta' qabel l-1994 ma jistgħux jitqabblu ma ta' wara. In-numru ta' bdiewa part-time skond iċ-ċensiment tal-biedja tal-1991 kien 13,807 u n-numru tas-sajjieda part-time f'Settembru 1998 skond ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sajd kien 1,490.
Leg 9 PQ #6246 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajd u l-Akwalkultura — Direttur

Question

Peress li issa hemm direttur ġdid għad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwalkultura, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema kriterji tneħħa l-aġent direttur preċedenti? Jista' l-Ministru, issa li għandu direttur ġdid, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy tad-dipartiment?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif ifisser l-istess titlu, Aġent Direttur huwa appuntat għal żmien temporanju sakemm tiġi appuntata l-persuna l-aktar addattata għal dak il-post. Tant hu hekk li kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal post ta' Direttur tas-Sajd u Akwakultura fit-30 ta' Marzu 1998 jiġifieri meta l-Onor. Noel Farruġia kien Ministru tal-Agrikoltura u Sajd. Skond il-proċeduri normali ntgħażlet dik il-persuna li dehret l-aktar kwalifikata għal dan il-post. Ma narax għaliex għandha tinbidel il-policy ta' Dipartiment sempliċiment għaliex ġie appuntat direttur ġdid.
Leg 9 PQ #6248 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Żejtun — Wied Ġebel Abjad - Ilma

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex fl-inħawi ta' Ġebel l-Abjad, il-wied taż-Żejtun u nħawi oħra, il-bdiewa ilhom 18-il jum bla ilma? Jista' l-Ministru jara li jirrimedja immedjatament għal dan il-bżonn tal-bdiewa fl-inħawi msemmija? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-provista ta' l-ilma waqfet milli tasal għand il-bdiewa mill-inpjant ta' Sant Antnin minħabba numru ta' ċirkostanzi li waqfu l-produzzjoni fosthom: Qtugħ ta' l-ilma tad-drenaġġ mill-Marsa li kien jissuplixxi l-impjant ta' Sant Antnin għal purifikazzjoni, intlaqat main ta' l-ilma minn kuntrattur waqt li kienu qed isiru xi xogħolijiet, waqfien fl-impjant minħabba ħsarat. Dawn il-ħsarat issa issewwew u l-provista tad-drenaġġ mill-Marsa qed tiġi għan-normal. Il-produzzjoni ta' l-ilma għandha tiġi għan-normal fi żmien qasir sakemm ma jinqalgħux kumplikazzjonijiet oħra.
Leg 9 PQ #6239 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala — Prezz tal-patata

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo għall-bidwi għall-prodott tal-patata, f'Malta matul l-1995, 1996, 1997 u 1998, u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant għandu japprezza li fl-istess ġurnata ta' l-istess xogħol, il-bidwi jġib prezzijiet differenti skond għand liema pitkal ikun ħa l-prodott tiegħu. Għalhekk id-domanda tal-Onor. Interpellant hija pjuttost komplessa u tirrikjedi ħafna ħin sabiex tkun tista' tinġabar. Madanakollu fit-tabella t'hawn taħt qed nurik għas-snin 1996, 1997 u 1998 (minn meta l-pitkalija marret fuq il-computer) l-ammont ta' patata li daħlet fil-pitkalija ta' Malta, il-prezz medju li ġabet kull kilo. Kwantita' (Kgs) Lm Average 1996 4,226,279 608,503 14.40 1997 4,831,011 396,788 8.21 1998 4,018,868 486,941 12.12 Il-prezzijiet tal-patata fl-UE ivarjaw minn suq għall-ieħor, minn lokalita' għall-oħra, minn ħin għall-ieħor, minn varjeta għall-oħra u minn daqs għall-ieħor.
Leg 9 PQ #6240 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Prezz tat-tadam

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz minimu għall-bidwi għal kull kilo tadam għall-ipproċessar f'Malta, matul l-1996, 1997 u 1998? Jista' l-Ministru jinformani wkoll bil-prezzijiet, matul l-istess perjodu, għall-istess prodott tal-pajjiżi membri ta' l-EU?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-prezz minimu għall-bidwi għat-tadam għall-ipproċessar f'Malta fis-snin indikati kien stabbilit hekk: Prezz minimu kull kilo: għat-tadam għall-produzzjoni tal- Kunserva Pelat u Polpa 1996 7 cents 9 cents 1997 7 cents 9 cents 1998 7 cents 9 cents Id-Dipartiment tal-Ministeru m'għandux statistika tal-prezzijiet fil-pajjiżi ta' l-E.U. Madanakollu, l-Onor. Interpelant għandu jkun jaf li l-prezz minimu fl-Unijoni Europea jiġi stabbilit skond ir-regolament tal-Kunsill No. 2201/96 a bażi ta' a) il-prezz minimu stabbilit is-sena ta' qabel b) il-prezzijiet ġenerali tal-ħxejjex u frott c) is-suq għall-prodott Għaldaqstant il-prezz ivarja minn żona ta' produzzjoni għall-oħra skond kif jiġi miftihem. Skond l-istess regolament miżuri speċjali għal xi lokal jew reġjun partikolari. Mhux il-kas li wieħed iqabbel prezzijiet minimi mingħajr ma wieħed jikkonsidra il-fatturi kollha.