Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-bdiewa tal-frott frisk f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onorevoli Inerpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 6815.
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-produturi tal-majjal f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sa fejn huwa magħruf minn dan il-Ministeru, ma hemm l-ebda produttur li huwa interessat biex jipproduċi prodott organiku
Jista' il-Ministru jgħid jekk policy Q011 li kienet proposta fis-Central Zone Local Plan public consultation draft dwar area fi Triq il-Bajjad, Qormi hijiex se tinbidel wara li l-kunsill lokali ta' Ħal Qormi kien ressaq oġġezzjoni għaliha u wkoll kien ippropona li din l-area titħalla bħala buffer zone sabiex jitnaqqas l-impatt industrijali f'din l-area?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħa nota ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill Lokali rigward l-area tal-Bajjada. Dan il-Pjan kif abbozzat għad irid jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Nitlob lill-Onor. Interpellant jeżamina jekk jarax li għandu kunflitt ta’ interess f’ din il-mistoqsija minħabba li l-oġġezzjoni saret meta huwa kien Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, u illum qed jagħmel mistoqsija dwar il-MEPA, u huwa wkoll impjegat ta’ l-istess MEPA.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6674 jgħid jekk il-MEPA ħaditx miżuri jew policies neċessarji fir-rigward tal-widien u l-areas li nħakmu mill-għargħar fil-15 ta' Settembru li għadda? Hemm ħsieb li jkun hemm xi pjan jew policy paper li tiggwida l-iżvilupp f'dawn l-areas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wahda mill-policies ta' l-abbozz tal-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta' Malta tirrigwarda il-kwestjoni ta' l-għargħar għaċ-ċentru ta' Birkirkara, u għall-Wied ta' Ħal Qormi. Il-Pjan jidentifika fejn żvilupp ma jistax isir minħabba din il-problema, u fejn żvilupp jista’ jsir imma soġġett għal ċerti kundizzionijiet li jiggarantixxu s-sigurta’ ta' l-iżvilupp u ta' l-okkupanti.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proġett li kien maħsub mill-Environmental Landscape Consortium biex tiġi rranġata r-roundabout ta' fejn l-Erbgħa Qaddisin f'Ħal Qormi kif hemm muri fis-site plan tar-roundabout li qed nibgħat separatament? Hemm xi ħjiel meta dan se jinbeda u meta se jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-roundabout imsemmija kienet ġiet imsebbħa mill-Gvern u mill Kunsill tul is-snin 2000-2002 qabel ma' ġie iffirmat il-Kuntratt ma' l-Environment Landscaping Consortium (ELC). Minn dak iz-zmien l-ELC għamlu diversi titjib u manutenzjoni f' din iż-żona sabiex illum din hija waħda mill-aħjar roundabouts fl-inħawi.
Jista' il-Ministru jinformani bil-pjan tiegħu għall-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola organika għal din il-leġislatura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Pjan tal-Gvern tiegħi għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Agrikola Organika huwa li titwaqqaf l-infrastruttura neċessarja, kemm leġislattiva kif ukoll amministrattiva biex kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi jkunu nfurmati b' dak kollu li huwa neċessarju biex ikollna produzzjoni agrikola organika li sservi ta' ġid għall-produttur u għall-konsumatur.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu uffiċjali fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f' dawn l-aħħar ħames snin uffiċċjali intbagħtu courses fuq diversi setturi, kemm f' Malta, kif ukoll barra minn Malta. Dan it-taħriġ wara jkun jista’ jiġi applikat fuq il-produzzjoni agrikola lokali. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu bdiewa fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi tal-majjal
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tal-majjal fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produtturi tal-majjali jingħataw tagħrif fuq it-trobbija tal-majjali minn żmien għal żmien, kif ikun meħtieġ. Kull każ jiġi trattat separat fuq il-ħtieġa tiegħu. L-iktar li jsir xogħol huwa fuq bini ta' rziezet, ventilazzjoni, maniġġjar ta' l-iskart etc. It=taħriġ li sar f’ dan il-qasam kien li għandu x jaqsam mal-ħarsien ta’ l-annimali. Dan sar waqt laqgħa ġenerali tal-produtturi. Ma jinżammux rekords ta' kemm jiġu imħarrġa produtturi.
Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi tal-ħalib
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tal-ħalib fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produtturi tal-baqar jingħataw tagħrif fuq kwalunkwe suġġett, jiġifieri, nutrizzjoni, bini ta' irziezet, maniġġjar ta' l-iskart, produzzjoni ta' magħlef, kwalita' ta' ħalib, u suġġetti oħra, kemm personalment kif ukoll fi gruppi. Infatti, dan l-aħħar inġiebu l-Għammieri anki sabiex jaraw x' miżuri jridu jittieħdu waqt il-ħlib. Saru spezzjonijiet fuq xi rziezet tal-baqar u tal-majjali biex jiġi rrakkomandat l-istrutturar tal-irziezet. Fil-fatt, bħalissa għaddej proġett biex jitjieb il-kwalita’ tal-ħalib u f’ dan il-proġett qiegħed isir taħriġ lil kull individwu fuq bażi personali.
Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi taċ-ċanga friska
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi taċ-ċanga friska fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li jsiru laqgħat ta' informazzjoni minn żmien għal żmien, skond il-ħtieġa, iżda m' hemm l-ebda programm ta' taħriġ fiss
Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba l-avviżi tal-MEPA sabiex jinnotifikaw lill-pubbliku li hemm applikazzjoni għall-iżvilupp u għalhekk jistgħu jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom, twaħħlu fuq sit żbaljat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Verifika ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġieli rċieva ilmenti dwar nuqqas ta’ twaħħil ta’ site notices. Il-parti l-kbira minnhom ikunu verbali, jew permezz ta’ e-mail, u jissolvew fi żmien qasir. Ma tinżammx statistika dwarhom.
Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew miċħuda jew rifjutati mill-MEPA applikazzjonijiet minħabba li l-applikant ma nnotifikax lis-sid tal-post jew minħabba li l-applikant ma kienx is-sid tal-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ebda statistika ma tinżamm f' dan ir-rigward.
Fl-aħħar sena, id-development control commission (DCC) kemm ħadet deċiżjonijiet li ma segwewx ir-rakkomandazzjonijiet tal-case officer ta' l-istess awtorita'? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi miċħuda u d-DCC approva? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi approvata u d-DCC ċaħdet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mill l-ewwel ta’ Lulju 2003 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp, fil-każijiet ta’ l-ewwel deċiżjoni, ħadet 943 deċiżjoni li jmorru kontra r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat. Minn dawn id-deċiżjonijiet kien hemm 94 applikazzjoni li rrakkomandaw approvazzjoni tal-permess u ġew rifjutati mill-Bord fil-waqt li kien hemm 849 applikazzjoni li rrakkomandaw rifjut u ġew approvati mill-Bord. Ta' min jinnota li f’ sena l-Awtortia’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirċievi madwar 7,000 applikazzjoni għall-pernmess ta’ żvilupp.
Jista' il-Ministru jara li titneħħa s-siġra tat-tin selvaġġ li hemm fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa (ħdejn il-garage ta' Salv Bezzina & Sons Ltd.) li minħabba fiha ma tistax tgħaddi minn fuq il-bankina għax qed tiżgombra l-bankina?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-siġra tat-tin imsemmija saret iż-żabra tagħha. Biex tiġi mneħħija trid tinqala' mill-għeruq u minħabba l-pożizzjoni fejn qegħda hi diffiċli. Din it-talba ser tiġi rriferuta lill-Environment Landscapes Consortium Ltd biex jinstab mezz li tiġi mneħħija.
Persuni li għandhom service station — Tyres qodma tal-karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li għandha tintuża għal dawk li għandhom service station u jkollhom numru ta' tyres qodma tal-karozzi biex jintremew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tyres jiġu aċċettati fl-Impjant Għat-Trattament ta' l-Iskart ta' Sant' Antnin f' Marsascala. Min ikollu kwantitajiet ta' tyres huwa mitlub li javża lil WasteServ Malta Ltd billi iċempel fuq il-freephone 80072200 qabel ma jiddisponi minn dawn it-tyres fl-Impjant.
Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Membru kun aktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta’ kuntratturi qed jirreferi
B'referenza għal proġett tax-Chalet tas-Sliema, jista' il-Ministru jgħid jekk ġietx sottomessa applikazzjoni lill-MEPA mill-iżviluppatur magħżul għal dan il-proġett? Jekk fl-affermattiv f'liema stadju wasal l-iproċessar ta' din l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni relattiva hija PA 486/02, u ġiet sottomessa f' Jannar 2002. Kif jista' japprezza l-Onor. Interpellant, l-iżvilupp propost hu f’ sit sensittiv, u n-negozjati ma' l-applikant għadhom għaddejjin.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla u jitlesta l-masġar taż-żebbuġ li hemm f'Garden Road, Żabbar? Billi jekk jiġi rranġat dan il-masġar ikun jista' jitgawda mhux biss miż-Żabbarin imma anke mill-komunita' tal-Kottonera, possibbli li jsir sforz biex dan jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-masġar jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali Żabbar. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Biljetti ta' l-ajru
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ħames snin kien hemm okkażjoni waħda meta sar użu mis-servizzi ta' l-aġenzija msemmija sabiex żewġ uffiċċjali, wieħed mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u l-ieħor mid-Dipartiment għall-Politika u Ippjanar, ipparteċipaw f' Konferenza tat-World Trade Organisation (WTO) f 'Settembru, 2003, li saret f' Cancun, il-Messiku. L-ammont kien ta' Lm 1,080.60. Din kienet l-iktar waħda vantaġġjuża minn fost kwotazzjonijiet li nġabru.