Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-Pulizija għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar 2004 u l-31 ta' Awissu 2005, ingħataw mill-Pulizija 111,263 (85,457 fl-2004; 25,806 fl-2005) ċitazzjoni dwar ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk instabux xi satellite phones u xi flus kontanti jew credit cards fuq klandestini li ġew Malta din is-sena? Jekk iva, kemm f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ħadd mill-immigranti irregolari li waslu Malta din is-sena ma kellu xi satellite phone jew credit cards, filwaqt li l-flus li nstabu kienu jikkonsistu f'77,117 dollaru Amerikan u 36,200 Euros.

Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux figuri fuq kemm mill-klandestini li ġew Malta din is-sena huma political refugees jew economic refugees?

Response (BORG, TONIO)

Skond il-Liġi dwar ir-Refuġjati, refuġjat ifisser min, minħabba f'biża' msejsa fuq ir-realta' li jista' jiġi persegwitat għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalita', sħubija f'xi grupp soċjali partikolari jew fehma politika, ikun jinsab barra minn pajjiżu. Il-persuni li jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jridu jkunu jissodisfaw il-kriterji ta' din id-definizzjoni. L'hekk imsejħin "economic refugees" ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni. Ninsab infurmat illi fis-sena 2005, f'Malta s'issa, kien hemm 25 persuna li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati skond il-Liġi dwar ir-Refuġjati.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Ġnien li ħareġ għall-offerti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ġnien li ħareġ għall-offerti permezz ta' Avviż nru. 170 fuq paġna 8747 tal-Gazzetta tal-Gvern bid-data tat-30 ta' Awissu 2005 f'ħarġa nru. 17811 hux maħsub għal użu pubbliku jew privat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sit ta' ċirka 10 metri kwadri li ħareġ għall-offerti permezz ta' Avviż Nru. 170 fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' Awissu 2005 biex jintuża bħala ġnien huwa għal użu privat. Kien hemm offerta waħda, u l-ftehim tal-kirja ġie iffirmat.

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14752 u jgħid kemm saru żwieġijiet ċivili din is-sena f'pajjiżna? Minn liema lokalita' kienu? X'kienet il-medja ta' l-eta' tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Settembru 2005 saru 495 żwieġ ċivili fir-Reġistru Pubbliku ta' Malta, filwaqt li f'dak ġewwa Għawdex saru 32 żwieġ ċivili. L-eta' medja kienet ta' 34 sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalitajiet mnejn kienu ġejjin dawn il-persuni.

Pulizija — Ripatrijazzjoni ta' persuni lejn pajjiżhom

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati lejn pajjiżhom persuni f'dawn l-aħħar erba' snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuni ta' nazzjonalita' barranija li ġew ripatrijati tul dawn l-aħħar erba' snin kienu kif jidher hawn taħt: 2002 1,199 2003 1,047 2004 704 2005 574

Pulizija — Reserved parking għall-persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jinformana kemm ħarġu ċitazzjonijiet lil vetturi li jipparkjaw fil-post riżervat għall-persuni b'diżabilita' fi Triq il-Parroċċa, San Pawl il-Baħar u jekk huwiex possibbli li di ħadd jieħu ħsieb biex din il-parking bay tibqa' riżervata għall-persuni b'diżabilita' biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kompjuterizzata mill-Pulizija tal-postijiet fejn jinħarġu ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku. Madankollu għaddejt l-ilment fl-aħħar parti tal-Mistoqsija, lill-awtoritajiet kompetenti. Għal dak li jirrigwardja ċitazzjonijiet maħruġa mill-Gwardjani Lokali, ninsab infurmat illi l-informazzjoni qegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pulizija — Użu ta' video u audio recording

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija qed tagħmilx użu minn sistemi ta' reġistrazzjoni ta' interrogatorji li jsiru (bħal video recording jew audio recording ), skond kif diġa’ jippostula l-Kodiċi Kriminali bl-emendi ta' l-2002? Jekk le, meta huwa maħsub li jibdew jintużaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel użu minn apparat ta' audio recording waqt l-investigazzjonijiet ta' reati kriminali ta' ċertu gravita`, bħal ma' huma każi ta' omiċidju.

Sta. Luċija — Għassa tal-pulizija

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jara li l-għassa ta' Santa Luċija tkun miftuħa regolarment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.

Qrati barranin — Estradizzjoni ta' ċittadini Maltin

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu t-talbiet għall-estradizzjoni ta' ċittadini Maltin minn qrati barranin f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 7 talbiet minn qrati barranin għall-estradizzjoni ta' ċittadini Maltin.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni rikjesta mhux qiegħda għad-dispożizzjoni tar-Reġistratur tal-Qrati Kriminali. Qiegħed isir sforz biex l-informazzjoni mitluba tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew sentenzjati nies il-ħabs din is-sena, għalkemm u għaliex? Kemm ingħataw probations u għaliex? Kemm ingħataw sentenzi sospiżi u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar persuni sentenzjati l-ħabs, dawk li ngħataw probation u dawk li ngħataw sentenza sospiża matul din is-sena, hu kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każ ta' residence permit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li l-file reference tagħha qed jintbagħat separatament, tingħata residence permit jew extension tal-visa biex din tiżżewweġ ċittadin Malti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-referenza tal-file mogħtija mill-Onorevoli Interpellant ma tikkorespondix għal xi file ta' l-immigrazzjoni. Għaldaqstant ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji tal-persuna kkonċernata sabiex inkun nista' nitlob it-tagħrif meħtieġ.

Pulizija — Każi ta' suwiċidji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru suwiċidji kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm saru overdosages fl-istess żmien? Kemm saru attentati ta' suwiċidju jew calls for help fl-istess żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1998. Minn dik is-sena sa’ l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena il-każi ta’ suwiċidju, attentat ta’ suwiċidju u overdose irrapurtati lill-Pulizija huwa kif jidher hawn taħt: 19981999200020012002200320042005* Suwiċidju1123212615182514 Attentat suwiċidju171263016302720 Overdose**156149217241244229245146 * Sat-30 ta’ Settembru. ** Dawn il-figuri minbarra overdoses ta' droga illegali, jinkludu ukoll overdoses minn mediċinali li joħorġu b'riċetta.