Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu ma jsir medical check up fuq l-istaff tal-kċina ta' St. Vincent de Paule Residence?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-medical check-ups fuq l-istaff tal-kċina tar-Residenza ta' San Vinċenz isir skond il-policy dwar is-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-ġuvni li d-dettalji dwaru qed jidher under separate cover ilu sentejn li mietet ommu iżda baqa' mhux rikonoxxut bħala l-kerrej ta' l-appartment li ilu jgħix fih għal tant snin, jistax jsir dan mill-aktar fis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt il-każ lid-Direttur għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jinvestiga u jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li t-tankijiet li jformu l-ilma kollu lill-households tar-residenti li joqogħdu 'Fuq Verdala, Bormla, tnaddfu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanti li r-responsabbilita' ta' żamma ta' ndafa ta' partijiet komuni nkluż tat-tankijiet ta' l-ilma hija tar-residenti.
Jista' l-Ministru jgħid f'każ fejn kap ta' familja li kien jirreġistra u għax inqabad jaħdem ġie maqtugħ mir-reġistrar u qed jirreġistra fuq Part 2; il-mara tiegħu jkollha dritt tieħu xi tip ta' għajnuna soċjali? Jekk iva x'tip ta' għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuna fiċ-ċirkostanzi ndikati mill-Onor. Interpellant tista' tapplika għall-Għajnuna Soċjali skond il-provedimenti tal-Artikolu 30(5) ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Din l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata mill-Bord imwaqqaf apposta skond Artikolu 128 ta' l-imsemmi Att. Dan il-Bord jiddeċiedi jekk għandiex titħallas Għajnuna Soċjali, lil min u b'liema rata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' aċċidenti rappurtati fuq il-post tax-xogħol matul Jannar u Awissu ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu fatali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena ġew rappurtati 3,301 inċident fuq il-post tax-xogħol li erbgħa minnhom kienu fatali.
Jista' l-Ministru jgħid skond ir-record ta' l-ETC, kem fil-fatt kienu l-persuni li matul Jannar u Awissu ta' din is-sena ġew rakomandati mill-ETC biex isibu impjieg f'kumpaniji privati?
Kemm minnhom fil-fatt ġew aċċettati u sab impjieġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul Jannar u Awissu 2001 in-numru ta' persuni riferuti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għal impjieg ma' kumpaniji privati kien ta' 3,240 u 3,175 rispettivament. Minn dawn 135 sabu x-xogħol f'Jannar u 95 f'Awissu 2001.
Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule u fid-Dar ta' l-Imtarfa hu 675 u 205 rispettivament.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid hux minnu li f'Ward 9/10 Irġiel f'S.V.P.R. hemm l-ġrieden? Jekk fl-affermattiv, x'sar mid-dipartiment biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li San Vinċenz de Paule hu mdawwar b'ħafna ġonna, m'hix xi ħaġa mpossibbli u nspjegabbli li f'każi rari ħafna jidher xi ġurdien. Biss, id-Dipartiment jieħu l-azzjonijiet kollha mmedjati b'kollaborazzjoni mal-Pest Control Section tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ommijiet xebbiet li rċevew il-benefiċċju taċ-Children Allowance bejn Jannar u Awwissu ta' din is-sena?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-istess informazzjoni tas-snin 2000, 1999, 1998, 1997 serparatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma teżistix statistika speċifikament dwar kemm kien hemm ommijiet xebbiet li rċevew l-Allowance tat-Tfal bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena, u tas-snin bejn 1997 u 2000.
Minn statistika li toħroġ kull tlett xhur, fosthom fix-xahar ta' Lulju u li huwa l-eqreb xahar li qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant, toħroġ din l-informazzjoni:
In-numru ta' ommijiet xebbiet li rċevew l-Allowance tat-Tfal
F'Lulju 2001 kien ta' 1449
F'Lulju 2000 kien ta' 1075
F'Lulju 1999 kien ta' 992
F'Lulju 1998 kien ta' 760
F'Lulju 1997 kien ta' 590
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi spjegat lill-familja li d-dettalji qed jintbagħtu separatament kif qabel kienu jħallsu Lm 133 fis-sena bħal kera u issa din telgħet għal Lm 171 fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li r-reviżjoni tas-sussidju fuq il-kera tal-persuna ndikata inħadmet korrettement skond id-dħul tagħha matul is-sena 2000 u skond il-kuntratt li ffirmat fid-9 ta' Ottubru 1989.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt għaliex, persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament ma' rċivietx iċ-ċekk tal-pensjoni għax-xahar ta' Settembru? Jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex isir il-ħlas dovut lil din il-persuna? Jista jassigura li din ma' jiġiex ripetut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ċ-ċekk tal-pensjoni tal-15 ta' Settembru 2001, intbagħat fiż-żmien lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant. Għalhekk hi ġiet infurmata bil-miktub x'għandha tagħmel jekk għadha ma rċevietx dan iċ-ċekk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet ta' ċittadini Maltin u Għawdxin li għamlu talba lid-Dipartimenti ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali matul dawn l-aħħar snin, sena b' sena għall-akkomodazzjoni atlernattiva minħabba li jinsabu jgħixu f' post li huwa kundannat?
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' applikazzjonijiet ta' din ix-xorta li għandu quddiemu d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali illum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Irrid nippreċiża li dawn iċ-ċifri jindikaw in-numru ta' dawk li applikaw li qalu li għandhom il-periklu fil-post, u mhux il-każijiet li d-dipartiment fil-fatt ivverifika bħala ġustifikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' mpjiegi reġistrati fl-industrija lokali ta' l-proċessar ta' l-ikel matul l-ewwel 6 xhur ta' din is-sena f' Malta u Għawdex separatament?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika separata għal Malta u Għawdex dwar in-numru ta' mpjiegi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar in-numru globali ta' persuni li jaħdmu fl-industrija lokali ta' l-ipproċessar ta' l-ikel f'Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament tnaqqsitlu l-pensjoni b'46c2m miż-żieda ta' lira mogħtija fl-aħħar budget? Għaliex dan it-tnaqqis sar qabel ma ħa l-ewwel pagament? Għaliex sar bla konsultazzjoni miegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni li qed tirċievi.
Jista' l-Ministru jara li jitkompla jingħata s-servizz tal-Home Help lill-kopja anzjana fejn waħda mill-partijiet hija b' diżabilita? Jistgħu dawn l-anzjani jiġu infurmati bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-servizz twaqqaf fl-1 ta' Settembru 2001 wara tilwima bejn il-helper u t-tifel tal-persuna indikata. Ninsab infurmat ukoll li, wara laqgħat bejn dawk konċernati, ġie miftiehem li s-servizz jerġa' jibda jingħata meta tkun tista' tiġi allokata helper oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nisa li ħadu l-ġimgħa speċjali tal-maternita (l-erbatax il-ġimgħa mingħajr ħlas) minn Marżu ta' din is-sena sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg ma jżommx statistika ta' dawk in-nisa li jibbenifikaw mill-ġimgħa speċjali ta' leave ta' maternita'.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna indikata under separate cover li ilu jirreġistra fuq part 2 mill-bidu ta' Ġunju ta' din is-sena minħabba fid-diffikultajiet finanzjarji li jinsab fihom, jista' jagħti indikazzjoni dwar meta l-qagħda tiegħu tista' tiġi regolarizzata aktar u aktar billi mid-dipartiment tawh x'jifhem li għad baqagħlu xi xahrejn oħra x'jistenna qabel jibda jirċievi l-assistenza finanzjarja mitluba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata appellat quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol wara li ġiet maqtugħa mill-Ewwel Parti tar-Reġistru għax irrifjutat offerta ta' xogħol.
Infurmat ukoll li l-mara ta' din il-persuna applikat għall-Għajnuna Soċjali f'isimha. Din l-applikazzjoni ġiet eżaminata mill-Bord għall-Għajnuna Soċjali fit-23 t'Awissu 2001, li ddeċieda li jirrevedi l-każ wara d-deċiżjoni ta' l-appell mill-Awtorita' tax-Xogħol.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' tad-Djar jiġi installat lift fi Blokk H, Triq Jean Honel, Ta' Ġiorni għall-persuna b 'diżabilita' tingħata prijorita u tiġi mħaffa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni taħt Skema Numru 7 (Għajnuna Finanzjarja Għal Persuni b'Diżabilita' għall-Xogholijiet ta' Titjib Relatati mad-Diżabilita' tagħhom f'Residenzi Okkupati Minnhom) fit-8 t'Awissu 2001. Fil-preżent, l-applikazzjoni ġiet riferuta lill-Occupational Therapist biex jivverifika l-ħtieġa tal-persuna u jekk ikun il-każ jagħti parir lill-istess persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numra ta' persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol full-time, part-time u kemm minnhom instabilhom xogħol din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
1. Il-Korporazzjoni m'għandhiex reġistru tax-xogħol għal part-time;
2. In-numru ta' nies jirreġistraw għax-Xogħol sal-aħħar ta' Marzu, 2001 kien ta 6,591;
3. In-numru ta' persuni li nstabilhom xogħol mill-Korporazzjoni minn Jannar 2001 sal-aħħar ta' Marzu, 2001 kien ta' 499.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fis-sala St. Joseph S.V.P.R. hemm kamra li suppost tintuża minn koppja anzjani imma minflok qiegħda tintuża minn persuna weħidha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tar-residenti fil-kmamar ġewwa r-Residenza San Vinċenz isir skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tar-residenti nfushom bi qbil mal-kapijiet tal-post.