Legislature:
Category:
Reset
Active:

Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħlu klandestini kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Kemm hemm illum miżmuma mill-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tad-domanda tinsab għand il-Pulizija, u peress ukoll li minn Awissu ’l hawn iċ-Ċentri kollha ta’ Detenzjoni magħrufa bħala “Closed Centres”, inklużi dawk fl-Armata, bdew jiġu amministrati minn Uffiċjal għoli maħtur mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Intern, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.

AFM — Suldati li korrew fuq ix-xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu suldati din is-sena waqt il-qadi ta' dmirijiethom konness ma' xogħol fuq klandestini? Xi ġralhom kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li din is-sena, sat-30 ta’ Settembru 2005, weġġgħu tmien suldati waqt xogħol konness ma’ immigranti irregolari, kif jidher hawn taħt: Wieħed sofra ġrieħi fuq siequ x-xellugija b’daqqiet ta’ ġebel Wieħed sofra ġrieħi fuq il-polz tax-xellug Wieħed sofra ġrieħi fuq idu l-leminija Tnejn sofrew ġrieħi ħfief f’diversi partijiet tal-ġisem permezz ta’ ġebel Wieħed sofra ġrieħi f’rasu b’daqqiet ta’ ġebel Wieħed sofra ġrieħi fl-għaksa x-xellugija fi ġlieda bejn żewġ immigranti Wieħed sofra grif u tbenġil f’għonqu

Debt servicing

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu d-debt servicing illum u kemm kien kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-imgħaxxijiet fuq dejn lokali u barrani mill-1995 hu skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eco-tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li fuqhom trid titħallas eco-tax? Kemm ġabar il-gvern fuq kull kategorija din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti kollha li jattiraw EKO-Kontribuzzjoni huma kif elenkati f’Avviż Legali 312 ta’ l-2005. L-EKO-Kontribuzzjoni miġbura skond id-dikjarazzjoni fid-denunzji għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2005 u sottomessi sal-15 t’Awissu 2005 hija kif indikata fit-tabella mehmuża.

MCST — Ristrutturazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslet ir-ristrutturazzjoni tal-MCST? Jaħseb il-Ministru li l-MCST hija importanti biex f'pajjiżna jinġiebu programmi u fondi mill-Unjoni Ewropea għar-riċerka? Jaħseb il-gvern li l-qasam tar-riċerka pura, issa li dħalna fl-Unjoni Ewropea, kiseb importanza akbar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li r-ristrutturazzjoni tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija waslet fl-aħħar fażijiet tagħha. Twaqqaf Management Board ġdid u ġie appuntat CEO ġdid li beda jaqdi d-dmirijiet tiegħu mill-1 t’Ottubru 2005. L-MCST issa taqa’ fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-MCST ser iżżomm ir-responsabbilità tal-ko-ordinament tas-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Demostrazzjoni (FP6). F’dan ir-rigward, l-MCST kellha suċċess kbir u mill-2002 s’issa aktar minn 380 proposta li fihom kien hemm mill-inqas sieħeb Malti, intefgħu fl-FP6 u minn dawn intagħżlu 79 li jsarrfu f’total ta’ aktar minn 6.5 miljun ewro għal entitajiet Maltin, fosthom kumpaniji privati. L-MCST diġà qed tħejji ruħha sabiex tkun tista’ tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa għal meta jibda l-Programm ta’ Qafas li jmiss (FP7). Waqt li l-Gvern huwa ta’ l-opinjoni li kemm ir-riċerka pura kif ukoll ir-riċerka applikata huma ta’ importanza kbira għall-futur ta’ Malta fil-ġejjieni, l-għan ewlieni ta’ l-MCST huwa li tiffoka r-riċerka lejn il-prijoritajiet ekonomiċi tal-pajjiż.

IPSL — Ex-ħaddiema tarzna

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14451 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm ħaddiema ex-tarzna li jagħmlu parti mill-IPSL? Fejn qed jaqdu d-doveri tagħhom, jiġifieri ma' liema dipartimenti qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema li kienu qabel jaħdmu t-Tarzna u l-Malta Shipbuilding u li issa jagħmlu parti mill-IPSL, qed jaqdu d-doveri tagħhom fid-Dipartimenti u Entitajiet tal-Gvern kif jidher fit-tabella annessa.

Infiq tal-familji Għawdxin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-familji f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-lum fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000? Kif kienet maqsuma din in-nefqa fuq ikel, ilbies, rikreazzjoni, akkomodazzjoni, saħħa, safar, eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali tal-familji kif miġbura mill-NSO mhix maqsuma bejn dak li jintefaq f’Malta u dak li jintefaq f’Għawdex u għalhekk id-data mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma teżistix. Skond l-obbligi li Malta għandha mal-Eurostat, l-uffiċċju ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-iStatistika, in-nefqa tal-familji għandha tiġi rrappurtata għall-pajjiż kollu u mhux skond ir-reġjun.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-gvern minn Jannar sa Settembru 2005? Kemm kien hemm minnhom li ngħataw xi forma ta' kuntratt għal perijodu definittiv? Fil-każ ta' dawk li ġew ingaġġati b'kuntratt temporanju (inkluż konsulenti), jista' il-Prim Ministru jgħid fejn ġew impjegati, iż-żmien li għalih ġew impjegati u x'rimunerazzjoni għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Servizz Pubbliku — Tiġdid ta' appointments

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw jew ġew imġedda appointments ta': a) Permanent Secretary, b) Direttur Ġenerali, c) Direttur u d) Assistent Direttur minn Jannar sa Settembru 2005? Lil min ingħataw jew ġew imġedda dawn l-appointments? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi impjegati li kellhom kariga minn dawn imsemmija hawn fuq li l-kuntratt li kellhom ma ġiex imġedded? Min kienu dawn l-impjegati u x'kienet ir-raġuni li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Qorti ta' Colorado

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tal-Prim Ministru awtorizzax lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tħejji affidavit biex tkun preżenti fil-qorti tad-distrett ta' Colorado fil-kawża bejn Kathryn L. Profitt u Bob Cornuke?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-affidavit kien sar biex jiġi salvagwardjat l-isem tal-Forzi Armati ta’ Malta u ta’ l-uffiċjali tagħha, peress li dawn ġew ikkwotati ħażin fil-pubblikazzjoni ta’ Bob Cornuke.

Popolazzjoni f'Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni attiva ekonomikament u kemm kienet ir-rata ta' parteċipazzjoni f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Prodott gross domestiku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-prodott gross domestiku ta' Għawdex kull sena mill-1999 sal-lum fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000? Kemm kien ras għal ras fl-istess snin u fl-istess prezzijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ Għawdex fi prezzijiet tas-suq u kemm hu ras għal ras hu kif indikat fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għalfejn ix-shift tas-suldati stazzjonati mal-klandestini f'Ħal Far u Safi barracks inbidlilhom minn shift ta' day/night/rest/off għal dak li jissejjah 3shift cioe' li s-suldati jiddaħħlu ġimgħa sħiħa night shift, ġimgħa sħiħa mornings u ġimgħa sħiħa afternoons? Ma jidhirlux li dan iċ-ċaqlieq qiegħed diġa' ħafna inkonvenjenti għal dawn is-suldati u l-familjari tagħhom? Jista' il-Prim Ministru jara li ma jiġux stazzjonati klandestini eżatt biswit l-armerija ta' l-armata, peress li jekk dawn jirnexxilhom jaħarbu jista' ikollhom aċċess aktar faċli għal dawn l-armamenti, speċjalment meta huwa fatt magħruf li bħalissa qed ikun hemm shifts fejn mijiet ta' klandestini jkunu qegħdin ma' madwar ħames suldati biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li t-tibdil fix-xift ta’ dawk li jagħmlu għassa ma’ immigranti irregolari kien meħtieġ minħabba l-influss kbir ta’ dawn l-immigranti f’dawn l-aħħar ġimgħat. It-tibdil fix-xift ippermetta li n-numru ta’ suldati li jagħmlu għassa jiżdied sabiex ikun jista’ jlaħħaq ma’ aktar postijiet fejn qegħdin jinżammu dawn in-nies. Is-sitwazzjoni rigward il-bżonn tax-xift preżenti tiġi riveduta minn żmien għall-ieħor, u jekk jinstab li m’għadx hemm bżonn ta’ dan ix-xift (cioé dak imqassam fuq tliet ġimgħat), is-sistema ta’ xift imqassam fuq erbat ijiem terġa’ tiġi mħaddma. Fir-rigward ta’ stazzjonar ta’ immigranti irrgolari ħdejn l-armeriji ta’ l-Armata, jien infurmat li dan ma jistax jiġi evitat fiċ-ċirkostanzi preżenti, u li l-Armata qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex dawn l-armeriji jiġu protetti.

Rifusjoni ta' taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' rifusjoni ta' taxxa li l-gvern għandu jħallas lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont dovut sas-sena ta’ stima 1998 huwa ta’ Lm16,607,299 filwaqt li mis-sena ta’ stima 1999 sal-lum huwa stmat li l-ammont dovut huwa ta’ Lm3,024,092.

Paris club

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk pajjiżna huwiex membru tal-Paris club ta' nazzjonijiet li għandhom jieħdu flus mir-Russja? Malta għamlet xi talba biex tiġbor xi flus li kellha tieħu għall-bini ta' vapuri lir-Russi, wara li dan l-aħħar ir-Russja ħallset $US 15biljun f'dejn li kienet għamlet l-Unjoni Sovjetika u li tħallsu lill-pajjiżi membri tal-Paris club?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm Malta mhix membru tal-Paris Club ta’ nazzjonijiet li għandhom jieħdu flus mir-Russja, Malta xorta waħda għamlet talba lil dawn il-pajjiżi biex jgħinuha tiġbor il-flus li għandha tieħu mir-Russja.

Dipartiment tat-taxxi interni — Taxxa fuq il-bejgh ta' ħaxix u frott

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformana kemm kien id-dħul tad-dipartiment tat-taxxi interni mit-taxxa l-ġdida ta' 3% li introduċa l-gvern fuq il-bejgħ tal-ħaxix u frott frisk lokali li jdaħħlu l-bdiewa fil-pitkalija ċentrali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammonti ta’ taxxa finali ta’ 3% li nġabret mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni huma kif ġej: Lm158,177.67 matul is-sena 2004 Lm201,873.95 sa l-aħħar ta’ Settembru 2005

Għaqdiet kulturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14553 u jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili, humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-partita 4 (2) tat-Taqsima Tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma’ l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud il-provvista ta’ dawk is-servizzi kulturali u oġġetti marbuta fil-qrib magħhom hekk kif jistgħu jiġu approvati mill-Ministru huma eżenti mingħajr kreditu. Skond l-Atti dwar it-Taxxi, għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa kemm-il darba l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jkun sodisfatt li dawn jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li joħorġu mill-liġi. Naturalment f’dawn il-materji, il-Gvern tal-ġurnata dejjem jitkellem fil-preżent. Iżda wieħed iżid li llum fil-moħħ tal-Gvern preżenti m’hemmx ħsieb li l-affarjiet jinbidlu. Għar-rigward tat-trattament fuq kontijiet ta’ Utilities, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Komunitajiet reliġjużi

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14552 u jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-partita 4(1) tat-Taqsima Tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma’ l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud servizzi reliġjużi huma eżenti mingħajr kreditu. Entitajiet ekklesjastiċi (bħal djoċesi, parroċċi, komunitajiet reliġjużi eċċ) ilhom taxxabbli mill-1975. L-artikolu 30 ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jipprovdi għal kif dawn għandhom ikunu ntaxxati. Naturalment f’dawn il-materji, il-Gvern tal-ġurnata dejjem jitkellem fil-preżent. Iżda wieħed iżid li llum fil-moħħ tal-Gvern preżenti m’hemmx ħsieb li l-affarjiet jinbidlu. Għar-rigward tat-trattament fuq kontijiet ta’ Utilities, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Staff personali fil-ministeri

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fl-istaff personali tal-ministri u segretarji parlamentari li huma membri f'xi bord governattiv jew xi entita' oħra governattiva jew li l-gvern għandu l-maġġoranza ta' l ishma? F'każ fl-affermattiv, min huma dawn l-impjegati u x'qegħdin jingħataw bħala kumpens għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru dwar l-istaff personali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li huma wkoll membri f’entitajiet governattivi, tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward ta’ impjegati li huma membri ta’ l-istaff personali tas- Segretarji Parlamentari li jaqgħu taħt il-Prim Ministru r-risposta hija Nil.

OPM — Ikliet/riċevimenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150? Min kienu l-persuni li għalihom tħallsu dawn l-ikliet/riċevimenti, u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.