Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14058 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Sptar Monte Carmeli - Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli li qegħdin hemm sempliċement biex jingħatalhom post ta' abitazzjoni, jew agħar minn hekk bħala roundabout way biex jikkwalifikaw għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għal din il-mistoqsija trid xi ftit taż-żmien biex tinġabar, għalhekk ir-risposta tingħata aktar 'il quddiem.
Leg 9 PQ #14059 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Makni tal-ħasil ta' l-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw makni tal-ħasil ta' l-art fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm kienet l-ispiża u mingħand min inxtraw? Ħarġet sejħa għall-offerti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għar-risposti li tajt għad-Domanda Parlamentari Nru. 11145 u 11372 u 11631.
Leg 9 PQ #13977 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip — Kampanji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq id-dipartiment fuq kampanji ta' prevenzjoni kontra t-tipjip, mill-1989 sa l-1999 sena b'sena? Kemm intnefqu flus fuq l-ismoking cessation clinics minn meta twaqqfu, sena b'sena? Jista' jgħid ukoll il-kampanji ta' prevenzjoni lejn min qed ikunu ndirizzati, per eżempju, tfal, adulti, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

a) Infiq f'kampanji ta' prevenzjoni kontra t-tipjip:- 1989 - 1993 F'dan iż-żmien ma hemmx rekords li kienu jsiru kampanji nazzjonali kontra t-tipjip. 1994* approx. Lm3000 1995 approx. Lm2000 1996* approx. Lm5000 1997 approx. Lm2000 1998* bejn Lm2000 - Lm3000 1999 bejn Lm5000 - Lm6000 * f'dawn is-snin saret il-kampanija `Ieqaf u Irbaħ' b) Is-Smoking Cessation Clinics bdew fl-1991 u l-infiq sena b'sena kien kif ġej:- 1991 Lm320 1992 Lm968 1993 Lm504 1994 Lm1028 1995 Lm960 1996 Lm412 1997 Lm408 1998 Lm144 1999 Lm248 c) Il-kampanji ta' prevenzjoni huma mmirati lejn il-pubbliku ġenerali b'enfasi partikulari fuq iż-żgħażagħ u biex iħajru lil dawk li jpejpu biex jieqfu.
Leg 9 PQ #14052 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu mobile phones dan l-aħħar fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm qamu flus kull wieħed u ta' liema ditta huma? Lil min ingħataw? Dawk li ngħataw set għandhom ukoll il-pager?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġejt infurmat li dan l-aħħar inħasset il-ħtieġa li jitqassmu ħames `mobile phones` jippermeti kuntatt iktar fil-pront f`każ ta` bżonn urġenti. Erbgħa minnhom huma tad-ditta Siemens li swew LM99.50 il-wieħed. L-ieħor hu tad-ditta Maxon li sewa LM66.55. Tħallset ukoll `connection fee` ta` LM 34.50 lill-Vodafone. Dawn ingħataw lill : Head Finance and Administration Director of Psychiatry Manager Nursing Services Operations Manager Social Workers Department Dawn kollha għandhom pager.
Leg 9 PQ #14054 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Sptar Monte Carmeli - Canteen

Question

Jaf il-Ministru li l-canteen ta' l-Isptar Monte Carmeli jagħlaq kuljum fit-3.00 p.m. u qed ikun ta' inkonvenjent kemm għal viżitaturi kif ukoll għall-istess pazjenti? Jikkonsidra l-Ministru li jitwal il-ħin tal-ftuħ jew jekk jingħatax ukoll lill-privat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-canteen ta' l-isptar Monte Carmeli ilu żmien twil jingħalaq fl-4.00 p.m. Fit-3.00 p.m. jingħataw it-te' dawk il-pazjenti li jkunu s-Social Centre. Għall-ħabta tat-3.30 p.m. dawn il-pazjenti jinħarġu mill-canteen ħalli matul l-aħħar nofs siegħa dawk li jmexxu l-canteen jagħmlu l-kontijiet tal-ġurnata u xi xogħol ieħor li jkun meħtieġ. Ma jinħassx il-bżonn li jittawwal il-ħin tal-ftuħ tal-canteen billi wara l-4.00 p.m. il-pazjenti jinġabru fil-Wards tagħhom biex fil-5.00 p.m. jitqassam l-ikel. L-iskop ewlieni tal-canteen hu li jaqdi l-pazjenti. Għal dan il-għan, il-prezzijiet jinżammu baxxi kif ukoll jingħata te' u xi ikel ieħor bla ħlas. Il-qliegħ li jsir mill-Canteen jintuża għall-bżonnijiet tal-pazjenti. Li kieku l-canteen kellu jingħata lill-privat, dan kollu jieqaf b'detriment għall-pazjent.
Leg 9 PQ #14055 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Sptar Monte Carmeli - Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti minn Għawdex qed jintbagħtu għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli meta suppost li f'Għawdex stess hemm sptar ġdid attrezzat għall-kura tal-mard mentali? Jista' jgħid għaliex qed isiru spejjeż żejda, speċjalment fit-trasport ta' l-istess pazjenti? Jista' jgħid kemm ġew trasferiti pazjenti f'dawn l-aħħar tlett xhur minn Għawdex għall-Isptar Monte Carmeli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minkejja l-fatt illi jeżistu servizzi ġo l-Isptar t'Għawdex, jibqa' l-fatt illi ċerti każijiet ikunu tant kumplessi illi jirrikjedu servizzi aktar intensivi li jistgħu jingħataw minn Malta biss. S'intendi f'dawn il-każijiet iżolati jkun hemm bżonn illi jintefqu l-ispejjeż tat-trasport. F'dawn l-aħħar tlett xhur pazjent wieħed ġie trasferit minn Għawdex għall-Isptar Monte Carmeli.
Leg 9 PQ #12548 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment ta' l-Ambulanzi — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment ta' l-Ambulanzi mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma jeżistix Dipartiment ta' l-Ambulanzi imma jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-Sezzjoni tal-Garaxx tal-Ambulanzi ninfurmah li ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mis-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000.
Leg 9 PQ #12971 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni b'influwenza

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm iddaħħlu persuni l-isptar minħabba l-influwenza u/jew komplikazzjonijiet tagħha mill-bidu tas-sena 'l hawn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni fuq persuni li ddaħħlu l-Isptar San Luqa din is-sena għada qegħda tiġi pproċessata.
Leg 9 PQ #13969 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Kartuna roża/safra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-budget, dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa kartuna roża u safra, inbediex? Jekk inbeda, x'qiegħed isir? Jekk għadu ma nbediex meta se jinbeda? Kif beħsiebu l-gvern jagħmel dan l-eżerċizzju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jiena nfurmat li l-ewwel fażi ta' l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-Budget dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa Kartuna Roża w Safra li jintitolaw persuna għal għoti ta' mediċini b'xejn inbeda. F'dan l-istadju ġie mwaqqaf kumitat fid-Dipartiment tas-Saħħa, u li fuqu hemm rappreżentant tad-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Dan il-kumitat għandu l-kompitu li jiġbor l-informazzjoni eżistenti dwar it-tħaddim ta' din is-sistema, il-punti tajbin u d-difetti. Jien infurmat li r-rapport ser ikun iffinalizzat fi żmien qasir. Dan iservi bħala bażi biex it-Task Force ikun jista' jagħmel ir-reviżjonijiet meħtieġa.
Leg 9 PQ #14011 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Sptar Boffa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ġewwa l-Isptar Boffa fil-Furjana, bil-lejl ma hemmx persuni li jagħmlu xogħol li meta jmut pazjent iġorruh fil-kamra mortwarja, b'riżultat li l-mejjet jagħmel sat-8.00 a.m. fis-sala? Jekk iva, hemm il-ħsieb li din il-problema tissolva?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Meta fl-isptar Boffa jkun meħtieġ li jiġi trasportat kadavru minn ward għall-kamra mortwarja matul il-lejl u fl-Isptar Boffa ma jkunx hemm staff li skond il-grad tiegħu jista` jagħmel dan ix-xogħol, qed tinġieb l-għajnuna ta` staff mill-Isptar San Luqa.
Leg 9 PQ #12545 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Isptar Monte Carmeli mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwesjtoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000 ġie mpjegat ħaddiem wieħed biss fl-Isptar Monte Carmeli. Dan ġie mpjegat fuq bażi każwali sakemm is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal mili ta' postijiet fuq bażi permanenti, tiġi pproċessata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Fil-fatt is-sejħiet għall-applikazzjonijiet ħarġu mid-Diviżjoni tas-Saħħa fil-Gazzetta tal-Gvern indikat hawn taħt: Gazzetta tal-Gvern _______________________ Speech Therapist 1 23.07.99
Leg 9 PQ #12965 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Twelid ta' trabi b'congenital abnormalities

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal matul is-sena li għaddiet "with congenital abnormalities? X'tip ta' abnormalities kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li sal-31 ta` Jannar 2000 ġew reġistrati 134 tarbija li twieldu matul is-sena 1999 b`anomalija konġenitali waħda jew iżjed. Dawn l-anomaliji kienu mqassma kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Ir-Registru tal-Anomaliji Konġenitali ta` Malta jiġi aġġornat kontinwamet, u kull anomalija li tinstab sakemm it-tarbija tagħlaq sena tiġi registrata. Għalhekk, qabel l-aħħar tas-sena 2000, meta kull tarbija li twieldet fis-sena 1999 tkun għalqet sena, wieħed ma jistax jikkonkludi l-istatistika ta` kemm twieldu trabi b`anomaliji.
Leg 9 PQ #12966 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni b'overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu persuni l-isptar minħabba overdosages matul is-sena 1999 u kemm mietu persuni minħabba dan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis jirriżulta li mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Settembru 1999 iddaħħlu fl-Isptar San Luqa 176 każ ta' avvelenament. It-terminu ``avvelenament'' jew ``overdose'' jinkludi dawk aċċidentali, intenzjonat jew inkella fejn l-intenzjoni ma kenitx stabbilita. L-avvelenament jista' jkun bi drogi, medikamenti, sustanzi bijoloġiċi, kimika u sustanzi noċivi (poisoning by drugs, medicaments, biological substances, chemicals and noxious substances: ICD-10 codes X40 - X49, X60-X69 and Y10-Y19). In-numru ta' persuni li mietu fl-1999 minn avvelenament kien ta' 10.
Leg 9 PQ #12970 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Indafa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa huwiex sodisfatt bil-livell ta' ndafa fl-iSptar San Luqa dawn iż-żmenijiet? Jekk le, x'qed jagħmel id-dipartment biex l-affari tiġi korretta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma għandi xejn aktar xi nżid ma dak li rrispondejt, diversi drabi, kemm fid-domandi parlamentari u kemm f'dawk supplementari preċedenti dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #13920 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post ta' principal health inspector li huwa kap ta' sezzjoni tas-sanita' ta' Għawdex huwiex vakanti? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu vakanti u meta hemm il-ħsieb li jimtela' dan il-post?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant li jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #13953 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Bone density machine

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha wieqfa l-bone density machine fl-Isptar San Luqa? Għaliex? Meta hu maħsub li terġa' tkun in working order?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Bone Density Unit għamlet żmien wieqfa fis-Sajf u mbagħad reġgħet kienet bil-ħsara għal xi ġimgħatejn f`Diċembru. Bħalissa qiegħda taħdem regolarment. Qed tiġi proċessata ordni sabiex tinxtara Bone Density Unit oħra biex is-servizz ilaħħaq mal-ħtiġijiet ta l-isptar kollu u mhux biss tal-maternita`. Fl-istess waqt tiġi mnaqssa l-waiting list eżistenti anke jekk dan it-test qatt ma jkun ta` natura urġenti.
Leg 9 PQ #14018 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Żebbuġ — Farms - Inspections

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13868, liema kienu l-farms (irziezet) li ġew spezzjonati: 11 fis-sena 1998; 12 fis-sena 1999 u tlieta f'Jannar 2000? X'kien jisimhom il-farms? Min huma s-sidien li ntalbu biex issirilhom l-ispezzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru hi ta` natura kunfidenzjali lest li ngħaddiehlu b`mod personali.
Leg 9 PQ #14022 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Irziezet — Sumps

Question

Jista' l-Ministru jagħtini informazzjoni dwar meta ġew spezzjonati is-sumps ta' l-irziezet fl-areas ta' Wied Qirda, Wied il-Baqqiegħa u Wied il-Kandlora f'Ħaż-Żebbuġ f'dawn l-aħħar sitt xhur (Awissu sa Jannar 2000)? Kemm instabu li mhux qegħdin jiffunzjonaw? X'passi ttieħdu meta dawn is-sumps ma kenux qegħdin joperaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġejt infurmat li mhux fil-kompitu tad-Dipartiment tas-Saħħa li jispezzjona s-sumps (fossos) ta` l-irziezet indikati. Il-fossos jiġu ttestjati min dan id-dipartiment meta jkun ikkonstatat li hemm xi difett strutturali, jew meta l-individwu jagħmel l-applikazzjoni oriġinali, sabiex iżomm fossa. Azzjoni tista tittieħed mid-Dipartiment tas-Saħħa meta dawn il-fossos jithallew ifuru. Billi t-tbattil tal-fossa jista jsir mid-Dipartiment tad-Drenaġġ nitlob l-Onor. Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċċernat meta jkun mitlub, jkun aktar opportun li tali mistoqsijiet dwar il-funzjonament ta` dawn il-fossos, jiġu rreferuti lil Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #14024 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Żebbuġ — Wied Qirda - Ilma kkontaminat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi kienu ttieħdu mill-Health Inspector ta' Ħaż-Żebbuġ wara l-ittra tiegħi data 4/12/99 (qed nibgħat separatament kopja ta' din l-ittra) dwar ilma kontaminat f'Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ? Min kienu d-dipartimenti l-oħra li ġew kkonsultati dwar din il-materja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġejt infurmat li l-ilment qiegħed jiġi investigat minn Spettur tas-Saħħa. Min spezzjonijiet li saru fil-lokalita` ma nsabu l-ebda provi dwar l-ilment in kwistjoni u għalhekk ma setgħet tittieħed l`ebda azzjoni. Iżda, l`investigazzjoni qiegħda titkompla, mil-istess Spettur tas-Saħħa, biex ikollna nformazzjoni kompleta dwar l-irziezet kollha ta` din il-lokalita`. Meta din l-investigazzjoni tiġi ffinaliżżata, huwa maħsub li l-Awtorita` ta` l-Ippjannar, id-Dipartiment ta` Agrikoltura, d-Dipartiment ta` l-Ambjent, id-Dipartiment tad-Drenaġġ, il-Water Services Corporation, il-Kunsill Lokali kif ukoll, il-Kummissarju tal-Pulizjia jiġu ikkonsultati, dwar din il-materja.
Leg 9 PQ #14029 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tas-Saħħa

Pazjenti b'mard mentali — Respite care centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ xi respite care centre għall-ħteġijiet tal-familji ta' pazjenti b'mard mentali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F`dan l-istadju ma jeżistux pjanijiet biex tinfetaħ xi respite care centre għall-ħtiġijiet tal-familji ta` pazjenti b`mard mentali.