Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16542 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Droga - Apparat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ħabs huwiex jintuża xi apparat speċjali li jimmarka l-preżenza tad-droga fuq persuna? X'inhu eżatt dan l-apparat, meta u minn fejn inxtara u kemm jiswa? Liema droga kapaċi jimmarka dan l-apparat? Min u fejn ġie mħarreġ biex juża dan l-apparat? Jista' jgħid dan l-apparat jintużax biss fuq il-priġunieri u jekk l-apparat huwiex jintuża x'imkien ieħor minbarra l-ħabs? Xi proċeduri kontra l-priġunieri jew il-familjari tagħhom ittieħdu dawn l-aħħar ġimgħat abbażi ta' dak li indika dan l-apparat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 1998 kien inxtara apparat magħruf bħala DRUGS DETECTION KIT mingħand id-ditta Ingliża 'Global Technical Limited' għall-prezz ta` Lm8,229.93c. Dan l-apparat jindika l-preżenza tad-droga kokaina, eroina, cannabis, D-Meths u amfetamini, kif ukoll jindika l-preżenza ta` esplussivi bħal Kinetek, C4, dinamite u TNT. Membri ta` l-SRT kienu ġew imħarrġa kif jużaw dan l-apparat minn rappreżentanti ta` l-istess kumpanija mnejn inxtara. Ninsab infurmat ukoll li dan l-apparat jintuża fil-ħabs biss meta u fejn ikun hemm bżonn. Kien hemm okkażjonijiet fejn dan l-apparat intuża waqt li l-uffiċjali jkunu deħlin għax-xogħol fil-faċilita`. Meta dan l-apparat jintuża fuq xi familjari tal-priġunieri u jagħti indikazzjoni ta` preżenza ta` droga, il-persuna konċernata issirlha strip search. Jekk ma jinstab xejn fuqha, din il-persuna titħalla tagħmel il-viżita mall-priġunier fil-preżenza ta` uffiċjal . F`każ li tinstab xi droga, ovvjament tiġi infurmata l-pulizija biex tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Leg 9 PQ #16564 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' major projects li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qegħda tikkonsidra bħalissa inkluż l-lokalita', numru ta' applikazzjonijiet, deskrizzjoni tax-xogħol propost u l-isem tal-perit/ditta li issottometta l-applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li parti mit-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma nemminx li hemm ħtieġa li nagħti l-isem tal-perit/ditta kif ukoll in-numru tal-applikazzjoni.
Leg 9 PQ #16565 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi għal agricultural store

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' permessi għal agricultural store maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-1 ta' Jannar 1999 sal-lum, inkluż in-numru ta' applikazzjoni u lokalita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16584 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Mosta — Triq il-Wied

Question

Jista' l-Ministru jindaga x'infringements qegħdin isiru fil-wied tal-Mosta, partikolarment Triq il-Wied? X'possibbilta' teżisti li dan il-wied jiġi scheduled, kemm minħabba l-karatteristika tiegħu kif ukoll minħabba l-preservazzjoni ta' ammont ta' siġar tal-ħarrub?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li jidher li minn ilmenti oħra, inklużi ritratti li waslu l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, 'l-infringements li qegħdin isiru fil-wied tal-Mosta, partikolarment Triq il-Wied', jirreferu għal parti minn din it-triq li bħalissa qegħdha tiġi żviluppata. Ninsab infurmat ukoll li wara spezzjoni li saret f`din it-triq irriżulta li fadal plot vojta (kantuniera) u fiha ntefa` fdal ta` materjal tal-bini b`riżultat li qiegħed ikerrah l-ambjent. Minn naħa ta` l-Enforcement Unit ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qegħdin isiru nvestigazzjonijiet biex jiġi identifikat is-sid ta` din il-plot, ħalli jkun avżat ineħħi huwa stess dan il-materjal. Fin-nuqqas ta` dan jittieħdu passi skond kif tipprovdi il-liġi. Il-Wied tal-Mosta huwa wieħed mill-iktar importanti fil-Gżejjer Maltin għal raġunijiet ambjentali, ekoloġiċi, agrikoli, kulturali, kif ukoll minħabba r-riżorsi ta` l-ilma. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar beħsieba tipproteġi il-kumpless ta` widien li minnu jagħmel parti il-Wied tal-Mosta billi tiskedah hekk kif jiġu ffinalizzati l-istudji kollha. S`issa, parti sostanzjali ta` dan il-kumpless ta` widien ġiet mistħarrġa. L-eżerċizzju ta` l-iskedar jieħu ħsieb li jipprovdi protezzjoni lill-elementi kollha ta` importanza, mhux l-inqas lil ħafna siġar tal-ħarrub u ta` tipi oħra li jikbru fil-wied.
Leg 9 PQ #16585 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fleur de Lys - Patrols

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru patrols mill-mobile section tal-pulizija lejn in-naħa ta' Fleur de Lys, B'Kara viċin l-iskola ta' Santa Monica, għaliex qed jiġi rappurtat ħafna serq mill-karozzi u djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-lokalita` li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm patrol mis-sezzjoni tal-Mobile tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #16622 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu l-isnack bar li d-dettalji tiegħu jidhru separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-permessi fil-Liċenzja eżistenti tal-Pulizija fuq il-ħanut li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, huma għall-bejgħ ta` l-inbid, birra u xorb alkoħoliku, ilma, sigaretti, confectionery, pastizzi, ċikkulata u gallettini, pre packed snacks u ħelu, kif ukoll sabiex iħaddem freezer.
Leg 9 PQ #16625 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bars

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija, meta l-bar, li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament, jibqa' miftuħ wara l-ħinijiet normali tal-permess, u li b'konsegwenza qed joħloq disturb lir-residenti tat-triq? X'passi qed jittieħdu mill-pulizija fir-rigward ta' parking bl-addoċċ li jsir f'din l-istess triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tissorvelja l-ħanut li rrefera għalih l-Onor. Interpellant sabiex ma jkunx hemm abbużi. Infurmat ukoll li kull meta rriżulta li kien hemm xi ksur ta` liġi, il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kemm kontra sid il-ħanut kif ukoll persuni oħra, inkluż drivers ta` vetturi.
Leg 9 PQ #16655 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pulizija li jkunu għaddew board fuq mard u jkunu jixtiequ jerġgħu jidħlu fis-servizz wara ħelsien mill-mard, jistgħux jagħmlu dan? Jista' jgħid kemm daħlu pulizija wara li kienu ġew boarded out, sena b'sena, mill-1980 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija numru 14556. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 1980 Xejn 1981 Xejn 1982 Xejn 1983 Xejn 1984 Xejn 1985 Xejn 1986 Xejn 1987 19 1988 3 1989 2 1990 4 1991 3 1992 Xejn 1993 1 1994 3 1995 1 1996 4 1997 Xejn 1998 Xejn 1999 Xejn 2000 Xejn
Leg 9 PQ #16466 Sitting 306 2000-05-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sewqan - mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu u jużaw il-mobile phone din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din is-sena, sa l-24 ta` Mejju, kien hemm 222 persuna li nqabdu mill-pulizija jużaw il-mobile phone waqt li jkunu qed isuqu vettura bil-mutur.
Leg 9 PQ #16467 Sitting 306 2000-05-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Diving accidents

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru diving accidents, sena b'sena f'dawn l-aħħar 10 snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mir-records disponibbli taħt forma kompjterizzata, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif ġej : 1997 1998 1999 2000 (minn April) (sa April) 2 4 5 2
Leg 9 PQ #16468 Sitting 306 2000-05-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaċċaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi jiksru l-liġi din is-sena u x'regolament kisru kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u s-27 ta` Mejju tas-sena 2000, il-Pulizija qabdet 126 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali; u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Leg 9 PQ #16429 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Irziezet tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapporti li saru f'dawn l-aħħar sentejn għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-impatt ambjentali ta' l-irziezet tal-ħut fuq l-ibħra ta' Malta, Għawdex u Kemmuna?

Response (BORG, TONIO)

Peress li d-dokumenti mitluba huma relatati ma` applikazzjoni għall-żvilupp, skond l-artikolu 35 tal-Att tal-1992, pjanti dettaljati huma aċċessibli biss lil dawk il-persuni li jkunu detenturi tal-warrant ta` ċivili, u f`kull każ ma jinħarġux kopji ta` dawn id-dokumenti, iżda jistgħu jiġu biss spezzjonati fir-Reġistru tal-Awtorita` tal-Ippjanar. L-EIA`s mitluba jinkludu pjanti dettaljati u jaqgħu taħt l-artikolu fuq imsemmi.
Leg 9 PQ #16431 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mobile Telephone - Antenni

Question

Jista' l-Ministru jagħtini lista ta' l-indirizzi kollha tal-postijiet fejn s'issa nħarġu permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jitwaħħlu l-antenni għas-sistema tat-trażmissjoni tat-telephone mobile?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s`issa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet 7 permessi sabiex jitwaħħlu l-antenni għas-sistema tat-trasmissjoni tat-telephone mobile. Id-dettalji mitluba dwarhom hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16345 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn xi dipartiment tal-gvern għal twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' postijiet? Liema huma l-postijiet u toroq involuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni waħda biss (PA 4450/98) li tikkonsisti fit-twqqigħ u bini mill-ġdid ta` postijiet residenzjali 53-42 Triq il-Wied, c/w Triq Garċin, Msida.
Leg 9 PQ #16457 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Karozzini — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom permess għall-karozzini llum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hawn 87 persuna li għandhom permess tal-pulizija għall-karozzini.
Leg 9 PQ #16340 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li plots, li għalihom inżamm il-permess tal-bini iżda qegħdin imissu ma' plot mibni, jiġi kkonsidrat li jingħataw il-permess tal-bini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-linji ġenerali li timxi bihom l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, f`każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant hi li ma jingħatawx permessi. Iżda jista` jkun hemm sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-impatt viswali ta` appoġġi mikxufin ma jkunx aċċettabbli u għalhekk jinħareġ permess biex tingħalaq l-iskema ta` l-iżvilupp bl-aħjar mod possibli.
Leg 9 PQ #16341 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Structure Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħroġ structure plan għan-naħa ta' isfel ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir?

Response (BORG, TONIO)

Pjan ta` Struttura jsir fuq livell nazzjonali iżda livell lokali jsir pjan lokali. Għalhekk ma hemmx Pjan ta` Struttura għan-naħa t`Isfel ta` Malta, u lanqas hemm il-ħsieb li jkun hemm wieħed. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tfassal Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta, li jkopri 18-il lokalita`. Il-lokalitajiet huma : ix-Xgħajra, Ħaż Żabbar, Wied il-Għajn, il-Fgura, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Sta. Lucia, Ħal Luqa, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, is-Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ. Ninsab infurmat ukoll li hu mistenni li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tlesti x-xogħol fuq l-ewwel abbozz ta` dan il-Pjan sas-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #16401 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — San Pawl il-Baħar - Pescatore

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-Pescatore ta' San Pawl il-Baħar, mindu beda jintbagħtu pulizija filgħaxija biex ikun fil-bini fejn u waqt li jsir iż-żfin, qed jagħlaq fis-1.00 a.m. flok fil-11.00 p.m.? B'dan il-mod qed tiġi nfurzata l-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien minn nhar il-Ħadd 21 ta` Mejju 2000 li reġgħu bdew jintalbu żewġ pulizija għal extra duty fil-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant. Dawn naqsu li jinfurzaw il-liġi u kien wara intervent mill-Pulizija ta` l-Għassa tal-Qawra fuq rapport bit-telephone li l-mużika twaqqfet. Ninsab infurmat ukoll li ser jittieħdu proċeduri dixxiplinarji kontra ż-żewġ membri tal-Korp li kienu extra duty, filwaqt li ser jittieħdu proċeduri kriminali kontra s-sid. Il-Pulizija tad-Distrett ingħataw ukoll struzzjonijiet sabiex jiżguraw li ma jkunx hemm ripetizzjoni ta` dan l-abbuż.
Leg 9 PQ #16421 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rothmans Final Trophy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra player tal-football li waqt li l-pulizija fetħet l-ilma fuq il-partitarji biex tferrex il-pubbliku waqt inkwiet li nqala' waqt il-final tar-Rothmans Final Trophy f'Ta' Qali deher (anke fuq mezzi tax-xandir ) jaqla' pipe minn ma' ieħor b'konsegwenza li l-pulizija ma setgħetx tkompli b'ħidmietha?

Response (BORG, TONIO)

Il-każ qed jiġi nvestigat u jekk jirriżulta jittieħdu proċeduri kriminali kontra l-persuna/i involuta/i.
Leg 9 PQ #16448 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga din is-sena u x'tip ta' droga kienet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammont u t-tip ta` droga li nqabdet mill-Pulizija bejn Jannar u April tas-sena 2000 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.