Billi skont tweġiba għal mistoqsija parlamentari 123, waħda mid-diretturi fil-bord tal-Wasteserv kienet titħallas benefiċċju bħala residenti f’Għawdex u billi skont il-website tagħha stess ilha żmien tiddikjara li tgħix f’Birkirkara Malta, jista’ l-Minsitru jgħid hix se tigi mitluba tirrifondi dawn il-benefiċċji li jidher li ma kinitx intitolata għalihom, kif jiġri fil-każ ta’ nies li jieħdu benefiċċji soċjali li ma jkunux intitolati għalihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li qabel xejn tajjeb li jiġi stabbilit għalxiex ġejna nfurmati li kienet intitolata l-persuna kkonċernata. Mill-ewwel tweġiba li tawna l-WasteServ, jirriżulta li din l-allowance kienet ‘travelling allowance’ u mhux għaliex residenti minn Għawdex. Fi stadju ulterjuri ġejna nfurmati minn għandhom li dan il-ħlas u l-onorarja ma kienux regolati min ebda’ kuntratt iżda kienu skond linji gwida għall-ħatriet approvati mill-Gvern preċedenti. Skond il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv dan il-ħlas sar b’żieda mal-onorarja tal-persuna konċernata u għaldaqstant nikkwota “is therefore understood to have been issued by the then CEO on the basis of the additional work that was expected by the said Director”.
Fl-ebda stadju ma ġie stabbilit x’inhu ix-xogħol addizzjonali li għamlet jew setgħet ġiet mitluba tagħmel din id-Direttriċi. Li ġie stabbilit żgur huwa li minkejja li ngħatajna x’nifmhu li d-Direttriċi kellha xogħol addizjonali, skond informazzjoni miksuba mil-Chief Financial Officer tal-WasteServ, is-Sur Marvic Fenech Adami, jirriżulta li fis-sena 2012 min 11 il-laqgħa, d-Direttriċi attendiet Bord meeting wieħed biss u ġiet skużata f’10 okkażżjonijiet. Dan fl-istess waqt li dis-sena minn 2 Bord meetings, skont s-Sur Fenech Adami din id-Direttriċi m’attenditx ebda laqgħa. Ta’ min wieħed jinnota li fl-istess jum, meta mitluba jgħidulna x’kien ir-rekord ta’ attendenza ta’ din il-persuna fuq il-Bord, l-uffiċju tar-Riżorsi Umani tal-WasteServ qalulna bil-miktub li l-attendenza tagħha kienet regolari, ħlief għal meta ġiet skużata, xi ħaġa li tikkuntrasta bil-kbir ma li qalilna c-Chief Financial Officer.
Ninsab konvint li dawk kollha f’din il-Kamra, li bħalna żgur jemmnu fit-trasperenza u kontabilita’ jingħaqdu miegħi meta ngħid li dan l-aġir, minn diversi nies ta’ responsabbilita’ fil-kumpanija WasteServ mhux wieħed aċċettabli u jservi biss biex jiġġustifika għaliex ġie awtorizzat li jsir l-istħarriġ neċċesarju fl-operat kollu tal-kumpanija. Hija xi ħaġa ta’ għib illi dan il-Ministeru kellu jitlef tant ħin biex jinkiseb dan it-tagħrif mill-WasteServ li kien jikkonċerna persuna waħda biss.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Fuel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għall-provvista ta' fuel tal-karozzi kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn l-1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-nefqa tal-Ministeru għall-provvista ta' fuel tal-karozzi tal-Ministru u segretarjat privat flimkien, għall-perijodu bejn l-1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013, laħħqet is-somma ta' €8,130 maqsuma kif ġej: €3,479 għall-ammont ta’ 2,524 litri fuel għall-karozza tal-Ministru u €4,651 għall-ammont ta’ 3,107 litri fuel għall-karozzi għal użu tas-Segretarjat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 436, jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-proġetti li kisbu l-istess punti taħt il-Miżura 121, ġew klassifikati bħala awarded u oħrajn bħala on reserve?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Bord tal-Għażla uża żewġ kriterji biex jiġu klassifikati applikazzjonijiet għal proġetti li spiċċaw bl-istess punteġġ. L-ewwel kriterju kien ibbażat fuq id-data ta’ meta l-applikant beda jopera fis-settur. F’każijiet fejn applikazzjonijiet reġgħu spiċċaw bl-istess punteġġ, intuża kriterju ulterjuri bbażat fuq l-ogħla fatturat annwali fis-settur relevanti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2012? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ngħatax b’direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewlna, it-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabella ‘A’.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunellaġġ tal-iskart tal-borża sewda li l-WasteServ Malta Ltd ircieviet, kunsill b'kunsill kull xahar f'din l-aħħar sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tunellaġġ totali tal-iskart tal-borża s-sewda għas-sena 2012 huwa ta’ 132,074.75. Id-dettalji, kunsill b’kunsill, xahar b’xahar, huma hekk murija fit-Tabella ‘A’ li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
WasteServ — ħlas mill-kunsilli lokali minħabba skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-WasteServ Malta Ltd iċċarġjata kull xahar lil kull kunsill lokali għal din l-aħħar sena għar-rimi tal-iskart tal-borża sewda fl-impjanti/landfills tagħha?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għas-sena 2012, il-WasteServ iċċarġjat lill-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex is-somma ta’ €2,778,998.70 inkluz il-VAT, għar-rimi ta’ l-iskart tal-borża s-sewda. Id-dettalji, kunsill b’kunsill, huma hekk murija fit-Tabella ‘A’ li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 575 u ċjoè: B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 26738 u 28661 tal-XI-il Leġiżlatura fejn kien ġie kkonfermat li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali approva li jsir, u finalment jitħallas, ammont konsideroveli ta’overtime u li jammonta għal madwar €12,000 fuq medda ta’ tliet snin biss lil persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħtaw separtament, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta' overtime li tħallas lil din il-persuna fil-perijodu ta’ bejn Ġunju 2011 u Marzu 2013?
Peress li kien hemm kunflitt ċar ta’ interess fejn uffiċjal pubbliku japprova li jsir u jitħallas
overtime
lil din il-persuna u peress li minn dawn ir-risposti li kienu ngħataw dak iż-żmien is-Segretarju Permanenti ma rreferiex dawn it-talbiet lis-Segretarju Permanenti Prinċipali għall-approvazzjoni tiegħu li b’hekk kien ikun evitat dan il-kunflitt ta’ interess, x’passi dixxiplinarji ttieħdu jew se jittieħdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinvestiga kif taħt it-tmexxija ta’ dan is-Segretarju Permanenti, din il-persuna ngħatat diversi promozzjonijiet u saħansitra nħolqot kariga ġdida minnu stess, li t-titlu tagħha qed jintbagħat ukoll separatament, biex b’hekk din il-persuna setgħet tapplika, u finalment ingħatat din il-kariga fi skala ferm ogħla minn dik li kellha?
Jikkonferma jekk fl-aħħar xhur ta’ qabel l-elezzjoni, dan l-istess Segretarju Permanenti reġa' ħoloq kariga ġdida oħra fl-istess Ministeru li kien responsabbli tiegħu, saru l-intervisti u din il-persuna reġgħet ġiet l-ewwel fl-intervista?
Peress li jidher li hemm lok ta’ abbuż ta’ poter mill-ex Segretarju Permanenti, jista' jikkonferma jekk il-Pulizija qattx kienet mitluba li tinvestiga, bħalma għamlet f’każ ferm anqas gravi minn dan meta mitluba mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali xi snin ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant ili l-każ qiegħed jiġi investigat.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 739 li fiha ntqal li twaqqaf Derogation Management Board bil-għan li jkun hemm biżżejjed infurzar, jista' l-Ministru jgħid jekk, in vista tar-rapporti li kien hemm ksur qawwi ta’ liġijiet li jirregolaw il-kaċċa, huwiex sodisfatt bix-xogħol li sar minn dan il-bord?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li d-Derogation Monitoring Bord li twaqqaf mal-bidu tal-Legistratura preżenti beda x-xogħol tiegħu mmedjatament qabel fetaħ l-istaġun tar-Rebbiegħa. Fuq dan il-Bord, b’Chairman u Segretarju maħtura mill-Gvern, hemm rappreżentati l-FKNK, il-Birdlife Malta, l-ALE, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-MEPA. Dan il-Bord iltaqa’ b’mod regolari tul il-perjodu tad-deroga u għin sabiex jiġu ddentifikati dawk l-inħawi fejn kien hemm bżonn ta’ aktar sorveljar u nfurzar.
Tul il-perjodu tad-Deroga, il-Pulizija tal-ALE rrapurtaw 48 każ ta’ ksur ta’ liġi kif gej:
· 5 każi ta’ persuni li kellhom aktar minn żewġ skrataċċ fil-kompartiment tas-senter
· 3 każi ta’ kaċċa llegali
· 8 każi ta’ persuni li ma kellhomx dokumenti fuqhom (on the spot)
· 3 każi ta’ kaċċaturi li ġarrew snieter ikkargati fil-pubbliku u mhux mgħottija bil-cover
· 3 każi ta’ persuni li kellhom fuqhom arma mhux reġistrata
· 7 każi ta’ persuni li kienu qed jikkaċċjaw mingħajr permess meħtieġ għall-kaċċa fir-Rebbiegħa
· 10 każi ta’ persuni li kienu qed jikkaċċjaw f’anqas minn 200 metru l-bogħod mill-abitat
· 4 każi ta’ kaċċa fil-ġranet jew ħin mhux permess (nhar ta’ Ħadd jew wara it-3.00pm)
· 3 każi ta’ kaċċa llegali ġewwa Foresta 2000
· 2 każi ta’ kaċċa llegali fuq għasafar protetti
Il-Bord, grażżi għall-kontribut ta’ kulħadd involut, għamel xogħlu u dan il-kumitat għandu jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-Servizz Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies ingaġġati minn barra s-Servizz Pubbliku huwa ta’ 12-il persuna li minnhom persuna waħda kienet qiegħda tirreġistra għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti agrikoli (f'dawk li huma marbuta ma' micropropagation) hu nvolut preżentement id-dipartiment ikkonċernat? Kemm ilhom li nbdew dawn l-istess proġetti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentement fil-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti hemm għaddejja l-esperimentazzjoni li bdiet fl-2008 fuq it-tneħħija ta’ mard minn varjetajiet antiki taċ-ċitru, bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u Malta, bil-għan li ssir produzzjoni ta’ pjanti ta’ larinġ u lumi mingħajr mard, għall-konservazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li regolarment isiru numru ta’ proġetti minn studenti mill-Università ta’ Malta bhala parti mit-teżi tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żvilupp qed iseħħu bħalissa fil-kwestjoni tar-riforma tal-Pitkalija? Meta hu maħsub li din ir-riforma titwettaq u jekk intlaħaqx xi ftehim mal-Pitkala dwar din ir-riforma?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li minkejja għaddew diversi snin minn meta tħabbret ir-riforma fil-Pitkalija, fir-realtà jidher li s’issa sar ftit li xejn sabiex din titwettaq għal ġid tas-settur agrikolu u taċ-ċittadin. Fil-fatt, fl-2004, f’dokument ippubblikat mill-PPCD (Planning and Priorities Co-ordination Division) tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġew ikkwotati flejjes mill-Unjoni Ewropea allokati għal dan il-għan.
Waqt li kulħadd jaqbel li r-riforma hija ferm importanti u għandha ssir fl-iqsar żmien possibli, jidher li ma kienx hemm dak l-impenn mill-amministrazzjoni preċedenti u għadna ferm il-bogħod milli jintlaħaq ftehim. Saru bosta diskusjonijiet fejn ġew preżentati diversi pjanti, madanakollu m’hemm l-ebda qbil bejn il-bdiewa, il-pitkala u x-xerrejja kif ser taħdem din ir-riforma.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu, inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — vakanzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 u jagħmel referenza għal kull sejħa separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-vakanzi li mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 kien ilaħħaq 57 ruħ kif jidher fil-lista mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabella ‘A’ .
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il marshall ġie ngaġġat sabiex jissorvelja l-kaċċa waqt ir-rebbiegħa? X'taħriġ ingħataw dawn il-marshalls? X'wassal il-Gvern sabiex jibgħat membri tal-Forzi Armati ta' Malta sabiex jassistu lill-Pulizija u l-marshalls fil-kontroll tal-kaċċa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ebda marshall ma ġie ngaġġat sabiex jassisti fl-issorveljar waqt l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
Mill-bidu ta’ din il-leġġistratura twaqqaf
Derogation Monitoring Board
bil-għan li jkun hemm biżżejjed infurzar li jitwettaq minn membri tal-Pulizija tal-ALE u Kuntistabbli oħra, flimkien ma’ Membri tal-Forżi Armati ta’ Malta, bħal ma sar fi snin oħra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru ? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 26738 u 28661 tal-XI-il Leġislatura fejn kien ġie kkonfermat li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali approva li jsir, u finalment jitħallas, ammont konsideroveli ta’overtime u li jammonta għal madwar €12,000 fuq medda ta’ tliet snin biss lil mara tiegħu stess, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta' overtime li tħallas lil din il-persuna fil-perjodu ta’ bejn Ġunju 2011 u Marzu 2013?
Peress li kien hemm kunflitt ċar ta’ interess fejn uffiċjal pubbliku japprova li jsir u jitħallas overtime lil mara tiegħu stess u peress li minn dawn ir-risposti li kienu ngħataw dak iż-żmien is-Segretarju Permanenti ma rreferix dawn it-talbiet lis-Segretarju Pemanenti Prinċipali għall-approvazzjoni tiegħu u b’hekk kien ikun evitat dan il-kunflitt ta’ interess, x’passi dixxiplinarji ttieħdu jew se jittieħdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinvestiga kif taħt it-tmexxija ta’ dan is-Segretarju Permanenti, il-mara tiegħu ngħatat diversi promozzjonijiet u saħansitra nħolqot kariga ġdida minnu stess (Manager – Naturalment Malti) biex b’hekk il-mara tiegħu setgħet tapplika, u finalment ingħatat din il-kariga fi skala ferm ogħla minn dik li kellha?
Jikkonferma jekk fl-aħħar xhur ta qabel l-elezzjoni, dan l-istess Segretarju Permanenti reġa' ħoloq kariga ġdida oħra fl-istess Ministeru li kien responsabbli tiegħu, saru l-intervisti u l-mara tiegħu reġgħet ġiet l-ewwel fl-intervista?
Peress li jidher li hemm lok ta’ abbuż ta’ poter mill-ex Segretarju Permanenti, jista' jikkonferma jekk il-Pulizija qattx kienet mitluba li tinvestiga bħalma għamlet f’każ ferm anqas gravi minn dan meta mitluba mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali xi snin ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 388, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar talabx li jinqalgħu xi siġar minn postijiet pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk iva, meta u minn fejn? Fejn tħawlu s-siġar li nqatgħu minn fejn kienu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Kif tħabbar ġimgħat ilu waqqaft kumitat ad hoc ta’ esperti fil-qasam tal-masġarija - bla ebda ħlas - sabiex iservu ta' kumitat konsultattiv ta' esperti fis-suġġett ħalli fil-ġejjieni qrib jiġi ndirizzat l-istupru ta' sigar minn żbir selvaġġ.
Fondi tal-Unjoni Ewropea — Sussidju lill-Bdiewa u Raħħala
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-bdiewa u r-raħħala se jieħdu s-sussidju minn fondi tal-Unjoni Ewropea li ġie mwiegħed lilhom mill-amministrazzjoni preċedenti u li lanqas tħallas qabel l-elezzjoni? B’mod partikolari nistaqsi meta se jiġu mhallsa dawn is-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorita tat-Tmexxija Għall-Iżvilupp Rurali ser tippreżenta talba lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġu trasferiti fondi mhux utilizzati taħt miżuri oħra tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali, għal fuq il-Miżura 121, biex jintużaw għal dawk il-proġetti li ġew ikklassifikati bħala eliġibbli iżda li ma kienx hemm biżejjed fondi għalihom.
Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom intbagħtu separatament, ġiet meqjusa eliġibli għall-fondi u skond ir-riżultat ġiet ikklassifikata fis-sebgħa post. Madankollu, bħalissa kif intqal diga, m’hemmx biżżejjed fondi biex l-applikazzjoni tiġi kkuntrattata f’dan il-waqt.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati fid-diversi setturi li jaħdmu fid-dipartimenti tal-agrikultura u s-sajd? X'xogħol jagħmlu dawn il-ħaddiema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati fid-diversi setturi li jaħdmu fid-Dipartimenti tal-Agrikultura u s-Sajd ilaħħaq tlett mija u erbgħin (340). Ix-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema taħt id-diversi setturi jinsabu elenkati fil-listi mehmuża li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabelli ‘A’, ‘B’ u ‘Ċ’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux impjegati li huma mħarrġa fir-restawr ta' postijiet storiċi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat li taħtu jaqa’ ix-xogħol ta’ restawr ta' postijiet storiċi.