B'rifernza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 1645, jista' l-Ministru jgħid jekk l-għotja b'direct order ta' kuntratt ta' konsulenza lil Perit Richard England ta' madwar Lm2 miljun għax-xogħol konness mal-masterplan għal Bieb il-Belt immurx kontra r-regolamenti tal-gvern?
It-tinda proviżorja li tqegħdet f'naħa waħda ta' Misraħ il-Palazz, Valletta se tibqa' hemm b'mod permanenti? Jikkonsidra l-Ministru li din tiġi trasferita għal taħt is-siġar biswit il-Konkattidral ta' San Gwann? (man-naħa ta' Triq ir-Repubblika)
Jaħseb il-Ministru li f'dan il-post jiġu protetti kemm iż-żwiemel mix-xemx/xita kif ukoll iċ-ċittadini mid-droppings ta' l-għasafar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta bħalissa qed iħejji rapport dwar din il-materja. Il-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant se tiġi kkunsidrata flimkien ma' proposti oħrajn li daħlu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22 (Seduta Nru. 4) dwar l-estensjoniiet tad-drenaġġ fil-Baħrija, jista' l-Ministru jinformani meta se jibda l-istudju li rrifera għalih u meta huma maħsuba li jsiru x-xogħlijiet fil-futur qarib, ċioe' f'liema xahar u sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ bi ħsiebu jissottometti studju preliminari, għall-approvazzjoni, lill-Komunita' Ewropea sabiex din tiffinanzja l-imsemmi proġett taħt waħda mill-iskemi provduti fi ħdana għat-titjib ta' l-ambjent. B'hekk l-istudju finali jkun jista' jinbeda meta t-talba mressqa mid-Dipartiment tad-Drenaġġ tiġi milqugħa.
Naturalment ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew biss, wara li l-istudju jiġi konkluż u d-disinn tas-sistema finalizzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23 (Seduta Nru. 4) ċioe' dwar xogħlijiet fuq estensjonijiet li hemm bżonn isiru fit-12-il distrett, jista' l-Ministru ġentilment jinformani triq triq meta huwa pprogrammat li l-kuntratturi jibdew ix-xogħlijiet?
Min huma l-uffiċjal responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet u ma' min jistgħu jikkomunikaw ir-residenti kemm-il darba jkollhom bżonn iressqu x'ilmenti dwar dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi dawn il-kuntratti huma maħsubin għall-bidu tas-sena li ġejja.
Il-persuni nkarigati huma l-periti u l-uffiċjali tekniċi tad-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Ministru ta' l-Ambjent — Laqgħat jew kuntatti mal-Perit Dom MIntoff
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux laqgħat jew kuntatti ma' l-ex Deputat Dom MIntoff mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Il-laqgħat jew kuntatti imsemmija li kellu, jekk kellu: (1) fuq liema livel saru; (2) meta saru u fejn; (3) x'suġġetti politiċi nazzjonali u internazzjonali ġew diskussi?
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex tiġi kkalkolata l-air pollution fl-irħula u l-ibliet, b'mod partikolari f'dawk li jinsabu ħdejn jew f'zoni industrijali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent lesta studju preliminari fuq il-kwalita' ta' l-arja f'żoni urbani. Dan l-istudju sejjer jiġi mifrux biex ikopri aktar zoni, kif ukoll biex ikopri aktar parametri. Għal dan il-għan għadu kemm ingħata tender għax-xiri ta' makkinarju ta' monitoraġġ, kif ukoll kienet ippublikata sejħa għar-reklutaġġ ta' Uffiċjal Ambjentali biex jaħdem fuq il-monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja.
Jistgħu jittieħdu passi biex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jitħalla jagħmel ix-xogħol tant meħtieġ li kien qed jagħmel fl-iskola sekondarja Lily of the Valley, fil-Mosta fejn ġie ttrasferit mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet fix-xhur li għaddew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar din il-persuna partikolari.
Billi l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipparteċipat bil-filmat tat-twettieq tal-proġett tar-riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa f'kompetizzjoni barra l-pajjiż, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-riżultati miksuba?
Jikkonsidra l-Ministru li d-Dipartiment jipparteċipa b'filmat fuq il-produzzjoni organika għall-istaġun li ġej ħalli jsir aktar riklam għall-biedja fil-gżejjer tagħna mal-pajjiżi parteċipanti? Fil-fatt kemm kien in-numru ta' pajjiżi oħra li ppreparaw filmat għal din il-kompetizzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-mument mhux isiru programmi tal-hands-on fishing meta t-temp ippermetta daqstant f'dawn l-aħħar ġimgħat? Fil-fatt l-APS Bank għadhom l-isponsors uffiċjali?
Min huma l-membri tal-bord tat-tmexxija ta' dan il-programm u kemm-il darba ltaqgħu u xi żviluppi approvaw?
Billi dan il-proġett huwa ta' ġid għall-edukazzjoni ta' wliedna, jista' l-Ministru jara li jitkompla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni illi kellhom l-art tagħhom esproprjata mill-gvern f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm huwa l-ammont ta' flus dovut lil dawn il-persuni li għadu ma tħallasx? Jista' l-Ministru jagħti breakdown taż-żmien illi ilhom ma jitħallsu? Meta jitħallsu, dawn jingħataw imgħax?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi ħsieb li jsir proġett fl-area magħrufa bħala White Rocks? Jekk fl-affermattiv, fiex jikkonsisti dan il-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
F'din l-area l-Gvern għadu bi ħsieb li jsir proġett turistiku.
Billi s-sistema tal-gabjuni u l-materassa użat fil-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa hija x'aktarx l-aħjar waħda vantaġġjuża biex tiġi applikata għal manuntenzjoni flok bini ta' ħitan bil-ġebla tal-franka f'żoni rurali fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-konsiderazzjonijiet tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet mhix kontra l-użu tal-gabjuni u l-materassa, b'danakollu l-Onorevoli Interpellant japprezza li kull proġett għandu l-karatteristiċi tiegħu u jitwettaq dejjem skond il-mertu partikolari tiegħu.
Għal dan il-għan u biex il-Peritit li hemm fit-Taqsima tax-Xogħlijiet ikunu jafu iżjed l-użu u l-vantaġġi ta' din is-sistema, it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed torganizza flimkien ma' fornitur tas-sistema wirja tal-prodotti din il-ġimgħa stess.
Jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' xogħlijiet kordinati ma' dipartimenti oħra governattivi sabiex issir manutenzjoni bħat-tindif, bini ta' ħitan tas-sejjiegħ, irranġar ta' bozoz, toroq, arbli, eċċ fil-villaġġi rurali tat-12-il distrett bħal Baħrija, Bidnija, Binġemma, Landrijiet-Selmun, Mtaħleb Kunċizzjoni, Misraħ Suffara, Żebbiegħ, eċċ? Jekk iva, min hi l-persuna li se tkun responsabbli minn dan il-kordinament? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi qed jittieħdu passi biex titwaqqaf unit li tispeċjalizza fil-bini u r-restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ, fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Rigward l-affarijiet l-oħra msemmija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata ta' f'liema fażi wasal il-proġett ta' kostruzzjoni ta' Triq il-Ġdida li mid-daħla ta' Pembroke tagħti għal ħdejn il-lukandi ta' San Ġorġ?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni msemmija flimkien mal-pjanti relatati skond kif approvati mid-dipartimenti konċernati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi solvuta l-problema ta' Sqaq 1 u Sqaq 2, f'Xintill Street, Tarxien, li wara ħalba xita jispiċċaw kważi jegħrqu għax is-sistema tad-drenaġġ mhix tlaħħaq mad-domanda ta' l-ilma tax-xita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie nnotat u se jsiru investigazzjonijiet sabiex din il-problema tkun riżolta.
Fin-negozjati li għaddejjin mal-konsorzja li huma interessati fil-Cottonera Waterfront Project, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkonsidra li jagħti art tal-gvern b'ċens għal numru ta' snin? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'timeframes qed jiġu ppjanati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-diskussjonijiet fuq dan il-Proġett għadhom qegħdin isiru u informazzjoni tingħata meta jkun il-waqt.
Possibbli li l-iStorm Water Division tara ftit x'jista jsir fi Triq Xrob il-Għaġin, iż-Żejtun fejn f'kull xita li tagħmel qed jinġabar ħafna ilma (aktar minn żewġ piedi ilma) bil-konsegwenza li qed jieqfu għadd ta' karozzi?
Billi din it-triq tgħaqqad iż-Żejtun u Wied il-Għajn ma' Tas-Silġ, Delimara u Marsaxlokk, possibbli l-Ministru jinformani x'xogħol hu meħtieġ li jsir biex din il-problema tissolva u jgħid ukoll meta hu maħsub li jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-problema imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet diskussa mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u Marsaxlokk rispettivament.
Minn studju li sar l-unika soluzzjoni vijabli li hemm hija illi tinbena sistema ta' ġbir ta' ilma mill-post indikat għal Marsaxlokk.
Għadhom qegħdin isiru surveys minn fejn trid tgħaddi din is-sistema u x'impatt jista' jkun hemm sabiex ma tinħoloqx problema fejn tispiċċa din is-sistema.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1123 li tirrigwarda l-golf courses?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-'policy paper' approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet maħsuba sabiex tistabilixxi linji gwida ġenerali dwar l-iżvilupp ta' 'golf courses' fil-Gżejjer Maltin. Minn naħa l-oħra, il-proposti għall-iżvilupp ta' 'golf courses' mresqa minn diversi żviluppaturi jirrikwardaw proġetti speċifiċi. Aħna infurmati li, preżentement, dawn il-proposti qed jiġu eżaminati mill-Ministeru għat-Turiżmu. Għalhekk, nissuġerixxu li l-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1230, jista' l-Ministru jgħid x'inhu stmat li hu l-valur tal-fee professjonali li se jitħallas lil perit Michael England għax-xogħol li se jagħmel konness mal-Masterplan għal Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol konness mal-Master Plan għal Bieb il-Belt ma jistax jiġi iżolat mill-kumplament tax-xogħol fuq in-National Arts Centre propju u ta' l-inħawi u għalhekk li wieħed jitkellem fuq fee direttament konnessa mal-Master Plan mhix korretta. Il-Proġett kollu huwa stmat li jqum 'il fuq minn Lm30,000,000. (tletin miljun lira) u għalhekk huwa faċli li wieħed jasal għal kalkulazzjoni tal-fee dovuta lill-Perit jekk dan jagħmel ix-xogħol kollu inkluż taħt it-Tariffa K li jinkorpora disinni dettaljati u superviżjoni fuq ix-xogħol.
Finalment dan kollu qiegħed jingħad jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal Perit Richard England u mhux Michael England kif hemm imniżżel fil-Mistoqsija Parlamentari.
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1328, jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar tat-tweġiba hux qed jgħid li ż-żewġ parks nazzjonali l-oħra se jingħataw prijorita' fuq il-Park Nazzjonali f'Delimara? Saru xi talbiet jew applikazzjonijiet sabiex l-art imsemmija jew dik ta madwarha jiġu żviluppati f'xi ħaġa oħra li mhux Park Nazzjonali? Fil-każ li iva, x'tip ta' applikazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Hu maħsub li t-tliet parks nazzjonali ser jingħataw prijorita' l-istess.
Iva, fir-rigward tas-sit f'Delimara saret applikazzjoni separata, għar-rigward ta' parti mis-sit.
Din hija 'outline application', biex bini eżistenti, ex-Deutshewelle, jiġi trasformat f'bini residenzjali u biex parti mill-art ta' l-inħawi tinbidel f'art agrikola.