Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6778 u cioe' jista' jara li l-għalqa li hemm fi Triq Wied Glavan fix-Xgħajra titnaddaf u jinbena ċint skond il-liġi (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament)? Jaf li f'din l-għalqa qed jintrema' ammont ta' skart li qed joħloq inkonvenjent filwaqt li qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' l-istess triq? Jaf li għalkemm saru diversi ilmenti ma' l-awtoritajiet konċernati baqa' ma sar xejn u dan bl-iskuża li s-sidien ta' l-għalqa mhumiex magħrufa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s-sit indikat m’ huwiex għalqa iżda biċċa art żdingata, b’appoġġ ma bini eżistenti, u l-Kunsill Lokali għandu d-dmir li jara li din il-proprjeta’ tinżamm nadifa. Madankollu, ninsab infurmat ukoll li l-Spetturi ta' l-Ambjent mill-"Pollution Prevention and Control Unit" tad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigaw dan l-ilment u nbdew proċeduri biex jiġu mgħarufa min huma s-sidien legali tas-sit li fuqu qed jiġi mormi dan l-iskart. Dan biex jiġu avżati li jnaddfu l-post minnufih u jinbnew ċnut madwar is-sit biex iktar rimi ta' skart jiġi evitat.
Peress illi kien hemm ilmenti minn diversi produtturi tat-tadam fis-sens illi peress li l-kwoti ngħalqu mhux qed isibu l-bejgħ tal-bqija tat-tadam għaliex mhux kopert bis-sussidju, jista' il-Ministru jara kif din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata biex dawn il-produtturi jkunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f' ħafna każijiet l-ammont ta' tadam ikkuntrattat żdied b' massimu ta' 30 fil-mija fuq il-kwota skond kif inhu permess mir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea. Il-bdiewa sejrin jirċievu s-sussidju ta' 7ċ kull kilo għat-tadam kollu li biegħu lill-proċessuri, minbarra il-prezz minimu ta' 2ċ mingħand il-proċessuri.
MEPA — Permess għal tibdil ta' faċċata ta' dar fl-Imdina
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi nħarġu għat-tkissir u tibdil tal-faċċata ta' dar fl-Imdina li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament? Liema xogħol saret applikazzjoni għalih, minn min saret u meta?
Saru spezzjonijiet fuq il-post biex jiġi żgurat li jek hemm permess, ix-xogħol qed isir kif suppost?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq dan is-sit inħarġu tliet permessi, cioe:
PA 2209/03 fis-16 ta' Lulju 2003 għal alterazzjonijiet u estensjoni,
PA 4690/03 fit-12 ta' Dicembru 2003 għal estensjoni żgħira fl-ewwel sular u fil-livell tal-bejt, u
PA 1178/04 fit-12 ta' Lulju 2004 "
to trim hacked surface of masonry blockwork at ground floor level of existing house and replace with old stone cladding to merge with rest of facade in terms of colour, texture and course height, to add stone cladding around door of balcony at first floor level
"
.
Saru diversi spezzjonijiet mis-sezzjoni ta’ l-Infurzar ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u rriżulta li x-xogħol qiegħed skond dawn il-permessi.
Jogħġbu l-Ministru jindika x'sar mill-proġett li kellu jsir fix-Chalet f'Tas-Sliema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fir-rigward tal-proġett imsemmi, ġiet sottomessa applikazzjoni (PA 486/02) u d-diskussjonijiet ma' l-iżviluppaturi għadhom għaddejjin.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mit-Taqsima tal-Pollution Control fil-MEPA dwar diversi ilmenti persistenti li qed isiru minn residenti f'Ta' Farsina HE, Ħal Qormi minħabba tniġġiż u nugrufun li qed jiġi kkawżat minn stabbilimenti li qed joperaw fi Triq f'Tal-Ħlas (wara l-HE f'Ta' Farsina)?
Jista' il-Ministru jgħid x'monitoring qed isir minn din it-taqsima dwar dan l-ilment u jista' jikkonferma jekk sarux xi testijiet ta' l-arja f'dawn l-inħawi? Jekk saru dawn it-testijiet, jista' jgħid x'kien ir-riżultat tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha it-taqsima tal-Pollution Control fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), din irċeviet ilment wieħed biss minn din l-area li kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn. Għaldaqstant, dan il-każ ġie segwit u fuq istruzzjonijiet tal-MEPA saru anke xogħolijiet biex jitwaqqaf it-tniġġis u in-nugrufun.
Dan il-fatt kien ikkomunikat ukoll lill-Kunsill Lokali b' ittra datata 17 ta' April 2004. It-taqsima tal-Pollution Control ma rċeviet l-ebda ilment ieħor minn April 2004.
X'benefiċju għas-sistema idroloġika u ambjentali għandhom il-blokok tal-konkos mil-ġebel tas-sejjieħ li qed jinbnew flok ħitan tas-sejjieħ tradizzjonali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari nru. 6863.
Bioagri ta' Bologna — Iżvilupp tal-produzzjoni u ċertifikazzjoni agrikola organika
Question
B'referenza għall-kuntatti li Gvern Laburista beda ma Bioagri ta' Bologna għall-iżvilupp tal-produzzjoni u ċertifikazzjoni agrikola organika fl-1998, jista' il-Ministru jinfurmani għaliex il-Bioagri u ċioe' Dr Gozzo ma ngħata qatt appuntament sabiex jispjega l-proċess lill-Gvern Nazzjonalista mibdi mill-Gvern Laburista?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru ma rċieva l-ebda talba għall-appuntament mingħand id-ditta BIOAGRI u / jew Dott Gozzo.
L-għażla tal-konsulenti saret wara l-ħruġ ta' sejħa internazzjonali għall-offerti maħruġa f' 4 ta' Ġunju 2003.
Ma jirriżultax li d-ditta BIOAGRI u / jew Dott Gozzo għamlu xi offerti u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati.
Jikkonferma jew jiċħad il-Ministru li Bioagri dejjem kienet akkreditata mill-IFOAM sabiex tgħin lil pajjiżi tal-Mediterran li jridu jiżviluppaw il-produzzjoni u ċertifikazzjoni tal-agrikoltura organika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 4671 fis-seduta numru 68 ta' l-24 ta' Frar 1999.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6634, jista' il-Ministru jirrispondi dwar l-ammonti kollha ta' flus pendenti dovuti għal xogħlijiet u servizzi li saru/ngħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-informazzjoni li qed nipprovdi hawn taħt tirreferi għal dawk l-pagamenti dovuti fejn l-invoice tkun diġa waslet fil-Ministeru / Dipartiment u fejn il-pagament m' huwiex qed jiġi kkontestat.
Jien informat li l-ammont totali pendenti u dovut għal xogħolijiet u servizzi li saru jew ingħataw lill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bid-Diviżjonijiet tiegħu kien ta' Lm 15,863.58.
Il-flus pendenti dovuti minn Wasteserv Malta Limited għal xogħlijiet u servizzi li saru / ngħataw jammontaw għal Lm 762,663.89
Minn-naħa l-oħra, l-ammont kollu pendenti, dovuti għal xogħlijiet u servizzi li saru / ngħataw lill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, (MEPA) kif rappurtati sat-30 ta' Ġunju 2004, kien ta’ Lm 138,651.91
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-produtturi tal-ħalib frisk f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sa fejn hu magħruf minn dan il-Ministeru, ma hemm l-ebda produttur li huwa interessat biex jipproduċi prodott organiku.
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-produtturi taċ-ċanga friska f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija Parlamentari numru 6818.
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-produtturi tat-tjur f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija Parlamentari numru 6818.
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-produtturi tal-fniek f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni ta' fniek b' metodu organiku mhux imdaħħla fir-Regolament Ewropew 2092 ta' l-1991 fuq l-agrikoltura organika. Minħabba f' hekk, fniek imrobbija b' metodi organiċi ma jistgħux jingħataw ċ-ċertifikazzjoni li jkunu mrobbija b' metodi ta' produzzjoni organika.
X'ġara mill-kooperazzjoni li kienet bdiet matul l-1997 u 1998 mal-Bioagri ċert ta' Bologna u l-Ministeru tal-Biedja u Sajd sabiex tikkordina l-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola tal-gżejjer ta' Malta u Għawdex? F'każ li ġew abbandunati l-kuntatti mal-Bioagri, x'kienu r-raġunijiet? F'każ li ġew onorati, x'kienu l-iżviluppi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li jirri¿ulta li ma kien hemm l-ebda ¿vilupp fuq iċ-ċertifikazzjoni ta' produzzjoni agrikola organika f' Malta mad-ditta BIOAGRI Coop ta' Bologna
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tat-tjur fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li għalkemm m’ hemm l-ebda program ta’ taħriġ fiss, l-produtturi tat-tjur jingħataw tagħrif fuq it-trobbija tat-tjur kif ikun meħtieġ. Kull każ jiġi ttrattat separat fuq il-ħtieġa tiegħu. L-iktar li jsir xogħol huwa fuq bini ta' rziezet, ventilazzjoni, maniġġ ta' l-iskart etc. Kien sar kors lill-Produtturi tat-Tjur fit-2002. Ma jinżammux rekords ta' kemm jiġu produtturi għal pariri.
Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi tal-frott frisk
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tal-frott frisk fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid x'forom ta' protezzjoni qed jingħataw il-bdiewa tal-ħaxix frisk f'Malta u Għawdex separatament li jipproduċu b'metodu u/jew qed iħejju biex jipproduċu b'metodu organiku?
X'forom ta' sussidji qed jingħataw?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus ivvutata speċifikament għal dawn in-nies tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bdiewa ta' ħxejjex u frott li jipproduċu b' metodu organiku jistgħu japplikaw taħt il-Pjan ta' Żvilupp Rurali għall-għajnuna finanzjarja ta' 600 Euro kull ettaru ta' art li qegħda taħt produzzjoni organika. Biex jikkwalifikaw għal din l-għajnuna l-produtturi jridu jiksbu iċ-ċertifikati meħtieġa, mill-Awtorita’ Maltija ta’ l-iStandards. La darba jkollhom din iċ-ċertifikazzjoni dawn il-bdiewa jkunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom fuq is-suq bi prezz ogħla minn ta' prodotti imkabbra b' mod konvenzjonali. Fl-istess ħin, biċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jikkompetu ma’ prodotti organiċi barranin.
Din l-għajnuna qed tingħata kemm lill-bdiewa li jkunu fil-proċess ta' konverzjoni, kif ukoll lill-bdiewa li jkunu ċċertifikati bħala produtturi organiċi. F' Malta, minħabba li għadu kif beda dan il-proċess ta' ċertifikazzjoni, il-bdiewa kollha jridu jgħaddu mill-proċess ta' konverżjoni ta' sentejn, imma xi wħud minnhom li ilhom jipprattikaw l-agrikultura organika, tista' titnaqqsilhom iż-żmien għal sena biss.