Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li qed insemmi separatament u li hija persuna b'diżabilita' b'kundizzjoni mentali hijiex intitolata għal xi forma ta' għajnuna soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk persuna tkunx intitolata ghal xi forma ta' għajnuna soċjali jew le jiddependi minn diversi fatturi minbarra l-kundizzjoni tas-saħħa ta' l-applikant. Għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, permezz ta' l-uffiċċju distrettwali, ser jagħmel kuntatt mal-persuna indikata biex jagħtiha l-parir meħtieġ dwar liema benefiċċju tista' tkun intitolata għalih.

Reviżjoni tal-Pensjonijiet — Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jirrimedja għall-anomalija l-nħolqot fir-rigward tal-ħlasijiet akkumulati b' riżultat tar-reviżjonijiet tal-pensjonijiet li tħallsu, peress li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni talab it-taxxi dovuti fuq is-somma globali, u mhux fuq bażi tas-snin li tirrapreżenta s-somma b' detriment li l-pensjonanti spiċċaw ġew intaxxati? Jekk b' affermativ meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jagħmel minn kollox biex fejn reviżjoni tal-pensjoni tkun dovuta, din tinħadem mill-aktar fis possibbli. Sfortunatament jibqa' jkun hemm każi fejn għal xi raġuni jew oħra reviżjoni trid issir bl-lura u b'hekk jkun hemm ħlasijiet akkumulati. Fejn hu fil-kontrol tad-Dipartiment qed isir minn kollox biex ir-reviżjoni ssir fis-sena fejn tkun dovuta. Iżda fejn ikun hemm per eżempju collective agreements li jkunu backdated għal snin preċedenti, jinħolqu arretrati akkumulati d-Dipartiment ma jkollux kontrol fuqhom.

Reserved Parking

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hija l-Awtorita' kompetenti u li għandha s-setgħa finali biex tiddeċiedi fuq l-għoti tal-faċilita' tar-reserved parking għal persuni b'diżabilita'? Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuna B'Diżabilita' jew il-Kunsill Lokali? Jista' kunsill lokali jinjora deċiżjoni tal-KNPD?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-reserved parking jingħata mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku lill-persuni li jsofru minn diżabilita' severa ta' mobilita'. Dan isir fuq il-parir tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' wara li din tikkonsulta mal-Kunsill Lokali konċernat. Il-Kummissjoni għandha Bord apposta biex teżamina applikazzjonijiet f'dan ir-rigward.

Aċċessibilta' — Anzjani u Persuni b'Diżabilita

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar u /jew x'qed isir riġward trasport pubbliku li jkun aċċessibli għall-anzjani u għall-persuni b'diżabilita? Sar xi ħaġa s'issa fir-rigward ta' tibdil ta' xarabanks għal xarabanks li jkunu low floor? Jekk sar ħarġu t-tenders? Jekk ma sarx x'se jsir u meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilita' ħadmet biex jiġi assigurat li l-karozzi tal-linja l-ġodda jkunu aċċessibbli għal kulħadd inkluż persuni li jużaw siġġu tar-roti. Ninsab infurmat li l-ispeċifikazzjonijiet maħruġa ftit ilu għall-karozzi tal-linja l-ġodda jirriflettu dan. Rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferihom lill-Ministru konċernat.

Reviżjoni tal-Kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema appartament tal-Gvern b'kera huma suġġetti għal reviżjoni tal-kera? Liema mhumiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-postijiet tal-Gvern li nkrew mit-13 ta' Marzu 1987 huma soġġetti għal reviżjoni tas-Sussidju fuq il-Kera kull sentejn. Dawk li kienu nkrew qabel, m'humiex.

Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali? Kemm hemm postijiet riservati għall-ipparkja ta' karozzi tal-impjegati msemmija? Fid-dawl tal-fatt li residenti f'Triq l-Ordinanza għandhom diffikultajiet kbar biex jipparkjaw il-vetturi tagħhom, jistgħu jitnaqqsu l-postijiet riservati għall-impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' impjegati fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, inkluż l-uffiċċji tas-Segretarju Parlamentari u s-Segretarju Permanenti hu ta' 45 u dak fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali hu ta' 386. Postijiet rizervati għall-parkeġġ ta' karozzi hemm 8 fi Triq l-Ordinanza u 6 fi Triq ir-Repubblika. In-numru ta' dawn il-postijiet hu l-minimu meħtieġ.

ETC — Ħaddiema Illegali

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28244?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, bejn Jannar 2000 u Awissu 2001, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ waslulha 3,752 rapport dwar ħaddiema illegali. Dawn ġew investigati u matul l-istess perijodu saru 2,846 spezzjoni konnessi ma' dawn ir-rapporti mill-uffiċjali tal-Korporazzjoni. L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi ta' natura kunfidenzjali u ma nħossx li għandha tiġi ppubblikata.

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28126?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba dwar impjegati ġodda ma' l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tiegħi. Rigward in-numru ta' mpjegati ġodda fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt l-istess dekasteru nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru f'Seduta 610.

Gallarija ta' Periklu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' azzjoni qed tittieħed fir-rigward ta' gallarija li qed tittfarrak u hi ta' periklu għat-tfal ta' l-iskola fi Victory Flats, Triq il-Vittmi tal-Gwerra, Isla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultax li l-post indikat mill-Onor. Interpellanti huwa tal-Gvern u għalhekk din it-talba ma tikkonċernax lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.

Ħobż fl-Isptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li r-ration tal-ħobż slice għal kull sala fl-Isptar Boffa hu ta' tnejn kulljum? Jikkonferma ukoll li kull nhar ta' Sibt jitqassmu 4 ħobżiet biex ikopru l-Ħadd ukoll? Jista' jgħid ukoll jekk hux minnu li nhar is-Sibt 29 ta' Settembru 2001, tqassmu biss 2 ħobżiet kull sala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Bordijiet u Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwards d-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.