Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Proġett ta' riċerka

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi rwol ingħata l-ex brigadier fil-proġett ta' riċerka mill-uffiċċju tal-Prim Ministru? X'awtorizzazzjoni kellu l-ex brigadier biex jitkellem f'isem il-Gvern Malti fuq dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Membru jkun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.

Kawża fil-qorti ta' Colorado

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid il-Gvern Malti ddaħħalx fil-kawża fil-qorti tad-distrett ta' Colorado bejn Kathryn L. Profitt u Bob Cornuke riċerkatur bibbliku? Fil-każ li iva, meta u kif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba hija fin-negattiv.

Dokumentarju dwar in-nawfraġju ta' San Pawl

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid il-Gvern Malti talabx li jiċċensura ktieb u dokumentarju dwar in-nawfraġju ta' San Pawl imħejji minn Bob Cornuke? Jekk iva, meta u min iffirma l-ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tiegħi huwa infurmat li skond rapport f’ġurnal lokali d-Dipartiment ta’ l-Arkeoloġija fl-Universita’ ta’ Malta kien ġie kkonsultat dwar ktieb fuq in-nawfraġju ta’ San Pawl. Għalhekk nitlob lill-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Popolazzjoni f'Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni attiva ekonomikament u kemm kienet ir-rata ta' parteċipazzjoni f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Din l-istatistika bdiet tinġabar mis-sena 2000 ‘l quddiem.

Għawdex — proprjeta' privata

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħtini l-aktar tagħrif riċenti ta' kemm hemm djar, appartamenti, flats u proprjeta' oħra ta' residenza privata f'Għawdex, lokalita' lokalita', li mhumiex abitati? Jista' jagħtini dan it-tagħrif skond it-tip ta' proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jiġbor it-tagħrif li talab l-Onorevoli Membru fiċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar u għalhekk it-tagħrif li jeżisti bħalissa huwa taċ-Ċensiment ta’ l-1995. Din l-informazzjoni qegħda tingħata fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Naturalment tagħrif aġġornat jittieħed fiċ-ċensiment li jmiss f’Novembru li ġej.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Servizz Pubbliku — Impjegati bħala general hand

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u job description tal-ħaddiema li huma mpjegati fis-servizz pubbliku bħala general hand?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description, bil-kundizzjonijiet tax-xogħol, għall-grad ta’ General Hand fis-Servizz Pubbliku.

Paris club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13617, jista' il-Prim Ministru jgħid s'issa x'irriżulta wara t-talba li għamlet Malta lill-Paris Club biex tiġbor il-flus li għandha tieħu mir-Russja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi peress li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, ma nħossx li hu prudenti li nagħti aktar tagħrif f’dan l-istadju.

OPM — Ikliet/riċevimenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14657 u jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150? Min kienu l-persuni li għalihom tħallsu dawn l-ikliet/riċevimenti, u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nistax nifhem x’utilita’ jista’ jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista’ jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14631 u 14630, jista' il-Prim Ministru jgħid: 1. Liema tibdiliet saru fil-liġi tat-taxxa fuq l- income mill-1975 fejn jikkonċerna entitajiet ekklesjastiċi - bħal djoċesi, parroċċi, komunitajiet reliġjużi, eċċ.; 2. X'tispeċifika t-taqsima tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma' l-Att ta' l-1998 dwar taxxa fuq il-valur miżjud fejn jikkonċerna s-servizzi reliġjużi; 3. Liema huma l-kundizzjonijiet li joħorġu mill-Att dwar it-Taxxi li jeżentaw mill-ħlas tat-taxxa lill-għaqdiet kulturali, każini tal-banda, u għaqdiet simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-taqsima tnejn tal-ħames skeda li tinsab ma’ l-Att l-1998 dwar taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-parti li tikkonċerna s-servizzi reliġjużi hija l-partita 4 (1) u din tispeċifika li servizzi reliġjużi huma eżenti mingħajr kreditu. Għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tat-Taxxi Interni: Qabel l-1975 l-entitajiet ekklesjastiċi kienu eżenti mit-taxxa u kien bl-Att XLII ta’ l-1975 li dawn saru taxxabbli mis-sena ta’ stima 1976. Il-liġi tiddistingwi bejn (a) entitajiet – istituzzjonijiet li l-iskop ewlieni tagħhom huwa l-osservanza reliġjuża – per eżempju djoċesi, parroċċa, komunità ekklesjastika, provinċji ta’ ordnijiet reliġużi; (b) impriżi anċillari – dawk l-impriżi li kieku f’idejn il-lajċi kienu jkunu kummerċjali u taxxabbli, per eżempju skola jew stamperija; u (c) istituzzjonijiet ta’ natura reliġjuża, per eżemju konfraternita’ jew fondazzjoni. Il-mod kif jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa l-għaqdiet kulturali, każini tal-banda eċċ huwa regolat mill-artikolu 12(1) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l- Income . Każin tal-banda jkun eżenti mit-taxxa kemm-il darba jkun bona fide każin tal-banda u bil-kundizzjoni li jkollu post reġistrat mal-pulizija biex jintuża bħala tali u li jintuża kuljum mill-membri. F’każ ta’ sports club tingħata eżenzjoni meta l-ebda parti mid-dħul tiegħu ma titħallas jew tkun disponibbli għall-benefiċċju personali ta’ xi membru. Każini politiċi huma eżenti mit-taxxa. Imma l-eżenzjoni tista’ titgawda xorta waħda meta – minkejja li ma jkunx jikkwalifika taħt l-ebda waħda minn dawn, il-klabb jew każin eċċ ikun organizzat u mmexxi esklussivament għall-ġid soċjali, titjib ċiviku, divertiment jew rikreazzjoni u l-ebda parti mid-dħul tiegħu ma jkun disponibbli għall-benefiċċju personali ta’ xi membru u dan il-klabb jew każin ma jkunx jitqies li qed imexxi negozju skond l-artikolu 4 ta’ l-Att. Eżenzjoni fil-każijiet imsemmijin hawn fuq ma tingħatax b’mod indefinit u tingħata kemm-il darba l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jkun sodisfatt li dawn il-kundizzjonijiet ikunu osservati. Għalhekk l-ebda każin, klabb, eċċ ma hu eżenti milli jissottometti l-formola tat-taxxa għax huwa mill-fatti kif joħorġu mill-formola tat-taxxa li l-Kummissarju jista’ jasal għall-konklużjoni dwar jekk il-klabb jew każin ikunx issodisfa l-kundizzjonijiet jew le. Barra dan, il-liġi taħseb għal eżenzjoni oħra, taħt l-artikolu 12(1)(e). Din toħroġ mill-Ministru tal-Finanzi lil dawk l-għaqdiet li huwa jqis bħala filantropiċi. Dawn l-għaqdiet ikunu jridu jissemmew mill-Ministru f’Avviż Legali. L-eżenzjoni tibqa’ diment li ma tiġix irtirata mill-Ministru. Hawn ukoll, minkejja li jkunu eżenti, dawn l-għaqdiet jibqgħu obbligati xorta waħda li jissottomettu l-formola tat-taxxa ta’ kull sena.

Ex ħaddiema tal-BOV — Arranġamenti speċifiċi dwar il-ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 3764 tad-19 ta' Jannar, 2004 dwar ex ħaddiema tal-Bank of Valletta, jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-arranġamenti speċifiċi maqbula mal-unions dwar dawn il-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14485 tat-12 ta’ Ottubru 2005.

Għaqdiet mhux Governattivi — għoti ta' flus

Question

B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk:- id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.? Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella ‘A’ li turi l-informazzjoni mitluba għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tiegħi. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi bejn is-sena 2000 u 2004, it-total tal-flus mogħtija lill-NGO’s kien ta’ Lm590,917.78. Kienu biss il-Borża ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-Awtorità dwar Lotteriji u l-Logħob li taw għajnuna lill-għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi kif jidher fit-Tabella ‘B’.

OPM — Diretturi u chairpersons

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi.

Helpline no. 153

Question

Jista’ il-Prim Ministru jindika l-ammont medju ta' telefonati li jidħlu kuljum fuq il-helpline tal-Gvern bin-numru 153?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru medju ta’ telefonati li daħlu fuq il-Freephone 153 f’kull ġuranta tax-xogħol, mill-bidu tas-sena kurrenti kien ta’ 220.

AFM — Ċentri ta' detenzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm qegħdin jinżammu persuni li qegħdin ifittxu l-ażil f'ċentri ta' detenzjoni tal-brigadier tal-forzi armati ta' Malta? Jista' jagħti breakdown tan-numru, ċentru ċentru b'indikazzjoni taċ-ċentru fejn jinsab?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm 1226 persuna f’ċentri ta’ detenzjoni tas-Servizz ta’ Detenzjoni li jinsabu f’żewġ barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn il-persuni huma mqassmin kif ġej: - 631 fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ġo Safi Barracks, Ħal Safi – 142 B Block Compound, 244 MT Compound (tents), 245 Warehouse 1, - 595 fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ġo Lyster Barracks, Ħal Far – 409 Hermes Block Compound, 186 Football Ground (tents).

Depożitanti tal-BICAL

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11616 ta' l-4 ta' April, li tagħha nirringrazzjak, u filwaqt li nerġa' nuri x-xewqa tad-depożitanti tal-BICAL dwar is-saldament finali tal-kredituri ta' l-imsemmi bank, nistaqsi jekk hemmx xi żviluppi ġodda wara l-imsemmija mistoqsija parlamentari, in vista li minn dik id-data għaddew 'il fuq minn ħames xhur? Rigward it-tieni parti tad-domanda, u cioe' jekk hux possibbli wara li jsir l-aħħar pagament, li nħoss li m'għandux jieħu ħafna aktar żmien, isir xi forma ta' pagament f'forma ta' somma waħda biex tagħmel tajjeb għall-imgħax li ntilef, meta wieħed iżomm f'moħħu li dan il-każ ilu jkaxkar għall-aktar minn 33 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jkunx għaqli li issa isiru distribuzzjonijiet oħra qabel it-tqassim finali. Qegħdin isiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex din il-likwidazzjoni tiġi konkluża fi żmien qasir. L-ammont li jiġi distribwit fuq tali likwidazzjoni u lil min ikun jiddependi mit-tħejjija tal-pjan ta’ distribuzzjoni.

Ex-ħaddiema tal-Bank of Valletta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3764 tad-19 ta' Jannar 2004 dwar ex-ħaddiema tal-Bank of Valletta, jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-"arranġamenti speċifiċi maqbula ma' l-unions dwar dawn il-ħaddiema skond ma ġie kkwotat fil-mistoqsija hawn fuq imsemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim milħuq mal-Union konċernata kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

Komunitajiet reliġjużi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14631.

Għaqdiet Kulturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili, humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 14630.