Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum kemm ittieħdu passi f'Għawdex dwar tfigħ illegali ta' radam fil-kampanja? F'liema postijiet twaddab dan ir-radam f'Għawdex? Kontra min ittieħdu dawn il-passi u meta f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena, il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti dwar rimi ta` materjal f`Għawdex. Wieħed dwar rimi ta` terrapien ġo Victoria u l-ieħor f`Għajnsielem. Dawn il-każi seħħew fit-12 ta` Jannar, u fit-12 t`April, rispettivament.
Ninsab infurmat ukoll li fit-22 ta` Mejju, ta` din is-sena, il-Pulizija flimkien ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar bdiet l-investigazzjoni ta` żewġ persuni, dwar tfiegħ ta` materjal fil-Munxar. Il-Pulizija ukoll qed tagħmel ronda f`postijiet l-aktar suxxettibbli għal dan it-tip ta` abbuż sabiex kemm jista` jkun dan ma jsirx.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema bajjiet ta' Malta u Għawdex ingħataw permessi għal ftuħ ta' fixed kiosks għas-sajf li ġej? Kemm hemm kiosks f'kull każ? Min huma s-sidien f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-operaturi li jingħataw permess sabiex joperaw l-kiosks tagħhom għal perijodu tas-sajf fil-bajjiet f`Malta u Għawdex huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nixtieq inżid li l-permessi għadhom qegħdin jitħallsu.
Jista' l-Ministru jgħid l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kemm għandha ħsieb li talloka postijiet għall-industrial garages f'Tal-Balal u separatament fiz-zona industrijali ta' San Ġwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-abbozz tal-Pjan Lokali għat-Tramuntana tal-Portijiet jidentifika żona ġenerali fejn jistgħu jiġu riallokati garage industries jew industrija distributiva, pero` ma jispeċifikax eżatt kemm ser jiġu allokati postijiet. Il-policy hija marbuta ma` kompilazzjoni ta` Development Brief li jidħol iktar fid-dettal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hux qed tikkonsidra attivament idea li jiddaħħal resident parking zones u tibda tiċċarġja lil viżitaturi talli jipparkjaw? Tikkonferma li hemm il-ħsieb li dan jibda jsir f'San Gwann?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Membru fis-6 ta` Mejju ġie varat l-abbozz tal-Pjan Lokali għat-Tramuntana tal-Portijiet (North Harbours). L-Awtorita` ta` l-Ippjanar bħalissa għaddejja minn proċess ta` konsultazzjoni pubblika. Għalhekk l-ebda proposta li hija mniżżla fil-pjan m`għandha titqies bħala finali.
Nikkonferma li hemm proposta fil-pjan għall-Residents Parking Zones f`San Ġwann u nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal proposta NHSG02 ta` dan il-pjan.
Fl-aħħarnett tajjeb li jiġi spjegat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tagħti direzzjoni permezz tal-Pjan Lokali iżda mhux bilfors hi timplimenta dawn il-proposti.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġi mmexxi l-pitch tal-boċċi ta' l-Imsida wara l-pjan tal-local plans biex iċaqilquh minn fejn hu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proposta fil-pjan lokali għat-Tramuntana tal-Portijiet biex tinbidel il-linja tat-triq arterjali ġo l-Imsida għadha mhix idettaljata biżżejjed biex inkun magħruf l-impatt fuq il-klabb tal-boċċi. Pero` jekk ikun hemm impatt, dan il-klabb jiġi riallokat fiż-żona pubblika li ser tintrebaħ bit-tibdil fis-sistema tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti se jsiru għall-istudenti universitarji għal parking wara li l-local plan qed jaħseb biex jirristrinġi l-parking, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-istaff?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proposta fil-pjan lokali li jkopri ż-żona li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant hija li jintużaw car parks ippjanati b`mod organizzat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun kbira l-public car park li hemm maħsuba flok l-istadium l-antik fil-Gżira?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Membru fis-6 ta` Mejju ġie varat l-abbozz tal-Pjan Lokali għat-Tramuntana tal-Portijiet (North Harbours). L-Awtorita` ta` l-Ippjanar bħalissa għaddejja minn proċess ta` konsultazzjoni pubblika. Għalhekk l-ebda proposta li hija mniżżla fil-pjan m`għandha titqies bħala finali.
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal proposti NHGT06 u NHGT07 ta` dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies mill-Pulizija mill-1990 sal-lum talli inqabdu iġelldu l-klieb? Meta tressqu l-qorti? Kemm-il raid għamlet il-pulizija kmieni filgħodu fl-inħawi tal-Ħandaq fuq allegat ġlied tal-klieb f'dawn l-aħħar 10 snin, jiġifieri mill-1990 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħwat ta' ħdejn l-għases tal-Pulizija li oriġinarjament kienu jinżammu mimlija bl-ilma għal stray dogs u stray cats ħafna minnhom illum jinsabu vojta u maħmuġa?
Jaħsibx il-Ministru li meta bħalissa hawn awareness kontra l-moħqrija ta' l-annimali, il-fatt li l-pulizija jieħdu ħsieb iżommu dawn il-ħwat mimlija bl-ilma, speċjalment issa li ġejjin ix-xhur sħan tas-sajf, ikunu qed juru eżempju?
Meta l-gvern se jemenda l-liġijiet biex jagħmel pieni aktar ħorox kontra l-moħqrija ta'l-annimali, jaħsibx li inizjattiva bħal din tagħmel ħafna sens?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7988, ninsab infurmat illi fejn hemm dawn il-ħwat, dawn għadhom jinżammu fi stat tajjeb.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-Local Plan li jkopri Marsascala?
X'inhi r-raġuni li fi Triq Santa Marija, Wied il-Għajn hemm blokok ta' bini residenzjali li ġew maqtugħa bil-linja tal-Limit of Development u b'hekk appoġġi u btieħi ta' wara ġew esposti fuq in-naħa ta' Rural Conservation Areas?
Jagħmel sens li dawn il-blokok ta' bini ma jitkomplewx jinbnew, jiġifieri jibqgħu miftuħin, sakemm il-Local Plan ta' Marsascala jitlesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-linji tal-Limit of Development ġew stabbiliti fl-1988 u adottati fil-Pjan ta` Struttura. Il-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta eventwalment jindirizza f`aktar dettal il-lokalita` li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant. Huwa stmat li l-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta ikun lest is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?
Jista' jgħid kemm minnhom irriżultaw pożittivi u kemm minnhom negattivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Mejju 2000, kien hemm 41 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dan in-numru ta` testijiet, 38 irriżultaw pożittivi u 3 kienu fin-negattiv.
Fil-housing estate tax-Xwieki hemm barriera mirduma li suppost kellha ssir ġnien, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minnha din l-area?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet ġiet akkwistata mill-Gvern in konnessjoni mal-proġett tal-Housing Estate tax-Xwieki. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm u liema huma l-kmamar tan-nar illiċenzjati fl-area tax-Xwieki?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-inħawi tax-Xwieki hemm żewġ kmamar tan-nar li huma rreġistrati mal-pulizija. Waħda hija ta` Santa Liena u oħra hija kamra tan-nar privata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-4 ta' Marzu, 2000 ġew ittowjati karozzi numri CAB 121 u CAI 558 meta dawn kienu qegħdin ipparkjati sew f'Imdina Road, Naxxar u ma kenux qegħdin f'towing zone?
Peress li diġa' tħallas l-ammont ta' Lm45 kull wieħed, jaħsibx il-Ministru li dawn għandhom jiġu rifonduti mill-aktar fis mingħand l-istess Kummissarju tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vetturi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, kienu ġew irmonkati skond kif provdut fl-Avviż Legali Numru 94 ta` l-1997. Jekk persuna ma taqbilx ma` deċiżjoni meħuda mill-Pulizija rigward il-provediment ta` l-imsemmi Avviż Legali, hi libera li tfittex il-parir legali meħtieġ kif isir f`każijiet simili oħra.
Peress li l-assistent kummissarju, is-Sur Brincat, stqarr pubblikament li ma kienx ta ordni biex jintefa' l-ilma fuq in-nies fil-logħba tar-Rothmans Trophy Final bejn Birkirkara u Sliema, jista' l-Ministru jgħid ġiex stabbilit min ta din l-ordni? Kemm weġġgħu nies u pulizija fl-inkwiet li nqala' waqt din il-logħba? Kemm saru arresti u kemm se jitressqu nies il-qorti u fuq liema akkużi? Peress li sar ħafna xogħol bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-football b'laqgħat kontinwi meta jkun hemm logħbiet jaħaqru, jista' l-Ministru jgħid għandhomx isiru lectures mill-pulizija lis-supporters biex aktar juru l-kruha tal-vjolenza fl-isport?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-każ qed jiġi investigat u jekk ikun il-każ jittieħdu dawk il-proċeduri skond kif jirriżulta mill-istess investigazzjoni.
Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ma kelliex rapporti li weġġgħu xi spettaturi, pero` kien hemm żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li sofrew xi feriti ħfief. Infurmat ukoll li fl-investigazzjoni ta` dawn l-inċidenti l-Pulizija żammet diversi persuni u huwa mistenni li jinbdew proċeduri kriminali kontra numru ta` persuni, skond l-eżitu ta` l-investigazzjonijiet, fuq ksur tal-bon ordni u ksur tar-Regolamenti dwar l-Ordni Pubbliku fil-Grounds ta` l-Isports.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija dejjem ipparteċipat meta kienet mistiedna f`seminars organizzati mill-M.F.A.
Japprezza l-Ministru li x-xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ qed jikber sew, u dan minn studju li sar minn diversi għaqdiet serji?
Peress li qed ikun hemm diversi lmenti, anke fil-gazzetti, li qed ikun hemm ħafna tfal taħt l-eta' legali (16-il sena) f'postijiet ta' divertiment, speċjalment f'Paceville matul tmiem il-ġimgħa li jikkunsmaw xorb alkoħoliku, jista' l-Minsitru jgħid x'kontroll qed isir mill-pulizija?
Mill-1 ta' Jannar kemm instabu persuni taħt l-eta legali fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment? Ittieħdu passi kontra sidien li qed iħallu tfal taħt l-eta' fl-istabbilimenti tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u ser tibqa` tagħmel spezzjonijiet fil-postijiet li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, sabiex kemm jista` jkun ma jsirux l-abbużi msemmija fil-Mistoqsija. Infurmat ukoll li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena ma kienx hemm persuni taħt is-sittax-il sena li nqabdu f`postijiet ta` divertiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx sospiżi mix-xogħol, jew se jittieħdu passi kontra tagħhom quddiem il-PSC, xi uffiċjali tal-ħabs li ma kenux fejn kienu dettaljati li jaħdmu, u cioe' fid-diviżjoni sitta tal-ħabs, dakinhar u dak il-ħin li ħarbu mill-ħabs erba' priġunieri fid-29 ta' Marzu, 2000? Jista' jikkonferma li uffiċjal tal-SRT li kien dettaljat li jaħdem fid-division 6 dakinhar, kien qiegħed jilgħab d-darts f'każin ġewwa Raħal Ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16223, ninsab infurmat li fid-29 ta` Marzu 2000, fil-ħin li ħarbu l-erba` priġunieri mid-Diviżjoni 6 ma kien hemm l-ebda uffiċjal ta` l-SRT li kien dettaljat f`din id-Diviżjoni.