Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #12310 Sitting 202 2014-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — restawr fuq it-torri ta' Wignacourt

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiġi jiswa x-xogħol ta' restawr li qed isir fuq it-torri ta' Wignacourt, f'San Pawl il-Baħar? Kemm ilha, l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu taħdem biex dan it-torri jiġi restawrat mill-ġdid? Min qed jagħmel ir-restawr?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija ghat-Turiżmu qed timplimenta proġett ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja. Dan il-proġett jikkonsisti f’xogħol ta’ restawr tal-faċċati tat-Torri ta’ Wignacourt, kif ukoll ir-restawr tal-‘beachpost’ ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. L-istess Awtorità ħarġet tender għax-xogħol li ntrebaħ f’Lulju ta’ l-2014.
Leg 12 PQ #11057 Sitting 201 2014-11-18 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – mobile phones mħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #12021 Sitting 201 2014-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — xiri ta' biljetti tal-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, b’mod separat, liema kienu l-aġenziji tal-ivvjaġġar li mingħadhom inxtraw il-biljetti tal-ajru tal-Ministeru, id-Dipartimenti, l-entitajiet, l-aġenziji, il-koporazzjonijiet, l-awtoritajiet, il-kummissjonijiet, il-kumpaniji, u l-fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u kemm kien il-ħlas f’kull każ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għas-snin bejn l-2004 u l-2012, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tħallset kull aġenzija b’mod totali fis-snin indikati? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħlas sarx b’direct order jew le?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #12309 Sitting 201 2014-11-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — tkabbir

Question

Billi fit-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti ingħad li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex ikun jista' jsir użu mis-Selmun Palace Hotel, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-lukanda hux mistenni li tiġi mkabbra qabel ma toħroġ, mill-ġdid għall-bejgħ? X'tip ta' garanziji hu mistenni li jiġu mitluba għall-protezzjoni tat-torri/Palazz ta' Selmun?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-Gvern ser ikun qed jagħti d-dettalji dwar il-proċess kompetittiv li ser ikun qed ivara is-sena d-dieħla, meta jiġi biex jiġi varat dan l-imsemmi proċess. Dan il-proċess għandu l-għan li jimmasimizzza l-potenzjal tal-konċessjoni għal istess Gvern, kif ukoll li jkun jagħmel sens mil-att ta’ negozju għal min ser ikun qed jinvesti fih. Dan dejjem b'rispett lejn ir-regoli tal-ippjanar, kif ukoll lejn dak li hu ta’ valur storiku.
Leg 12 PQ #12084 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti Amerikani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda tat-turisti Amerikani f’dawn l-aħħar għaxar xhur meta mqabbla mal-istess għaxar xhur tas-sena 2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar statistika dwar in-numru ta’ turisti li ġew Malta maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tirreferi għall-perjodu Jannar sa Settembru 2014. Matul dan il-perjodu ġew 17,762 turist Amerikan. Dan ifisser żieda ta’ 14.3% meta mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li l-politika tal-Gvern illi jiftaħ rappreżentanza tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ġewwa New York fl-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex jinvesti aktar f’dan is- source market li għandu tant potenzjal għal pajjiżna hija politika tajba. Dan jikkontradixxi b’mod ċar il-kritika li ilha xhur għaddejja biha l-oppożizzjoni fejn jidħol dan l-uffiċċju ġewwa New York.
Leg 12 PQ #12095 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — promozzjonijiet

Question

Peress li nafu li ħaddiema gol Air Malta waqfu promotions li kienu se jinħarġu mill-General Workers' Union, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-GWU se toħroġ dawn il-promtions lil ċerti nies biss? Il-bord tad diretturi approva? Kien hemm indħil mill-Gvern?"

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa evidenti illi l-General Workers’ Union ma toħrog l-ebda promozzjonijiet ġewwa l-Air Malta.
Leg 12 PQ #12197 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — Kap tal-Ground Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ħareġ call for applications għal kap ta’ Ground Services, meta dan il-post kien ġie abolit?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed ikun skorrett meta jgħid li l-post ta’ Kap tal-Ground Services kien abolit. L-interpellant għandu jkun informat li għal perjodu temporanju l-post li qed jagħmel referenza għalih kien assuma r-responsabbilta’ tiegħu iċ-Chief Officer. Għaldaqstant, il-persuna li tagħha qed jgħaddi d-dettalji b’mod separat ħarġet sejħa għall-post ta’ Kap tal-Ground Services biex ikun jista’ jintela.
Leg 12 PQ #12198 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Inflight Magazine

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-kopji tal-ħarġa kurrenti tal-inflight magazine li jitqassam fuq it-tijiriet tal-Air Malta ġew miġbura lura u kopja ġdida ser tiġi mitbugħa u mqassma a spejjeż tal-kuntrattur? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li sar dan? Huwa minnu li dan sar peress li ried jinbidel xi artiklu partikolari?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-Air Malta tikkonferma li l-ħarġa kurrenti tal-inflight magazine ġiet miġbura u kopji ġodda ser jiġu mqassma għas-spejjes tal-kuntrattur. Dan minħabba li f’artiklu partikolari ġew espressi opinjonijiet minn kontributur li kemm l-Air Malta u kemm l-istess kuntrattur ma’ jaqblux magħhom. Il-kuntrattur talab apoloġija bil-miktub għal dan in-nuqqas u għamel l-arranġamenti kollha sabiex jikkoreġi dan kif ukoll xi żbalji oħra ta’ ortografija għas-spejjes tiegħu.
Leg 12 PQ #12070 Sitting 199 2014-11-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel – tmexxija mill-privat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-Gvern jagħti t-tmexxija tas-Selmun Palace Hotel lill-privat? Xi proċess hu mistenni li jintuża biex dan it-trasferiment isir?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant illi l-Gvern ser joħrog proċess kompettitiv is-sena d-dieħla fejn il-lukanda Selmun tingħata lill-privat b’rispett dejjem lejn il-prijoritajiet turistiċi ta’ pajjiżna. Dan il-Gvern hu determinat li ma jagħmilx bħall-amministrazzjoni preċedenti fejn is-soluzzjonijiet tagħha kienu li tagħlaq Selmun, tkeċċi lill-ħaddiema u tikkonduċi proċess biex terġa’ tiftaħ il-lukanda li falla mill-ewwel.
Leg 12 PQ #11041 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Lista ta' xiri ta' servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika sa liema data qed titlob l-informazzjoni. U dan għaliex ix-xiri ta’ servizzi u prodotti jvarja minn ġurnata għall-oħra.
Leg 12 PQ #11933 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għall-Turiżmu – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #11972 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #12059 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Fiera IMEX fl-Amerika – stand ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega d-deċiżjoni li kuntrarju għal dak li kien isir qabel, fejn Malta kien ikollha stand fil-fiera IMEX fl-Amerika qabel Malta kellha u bdiet tħallas għar-rappreżentanza Maltija fl-Amerika, din id-darba ma kienx hemm stand ta’ Malta meta, suppost morna biex inġibu dan is-suq lejn Malta? Vera li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, żaret il-fiera bħala roaming biss?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi kuntrarju għal dak li qed jallega, l-Awtorita’ Maltija għat-Turi¿mu ipparteċipat bi stand fil-fiera IMEX ġewwa l-Amerika għall-ewwel u l-unika darba fis-sena 2011. Din ir-rapprezentanza tal-Awtorita’ ġewwa New York, kellha sensiela ta’ laqgħat sabiex tkun tista’ tevalwa l-possibbilita’ illi fl-2015 Malta jkollha stand f’IMEX Amerika. Il-Ministru jaċċerta lill-Onorevoli Nterpellant li l-uffiċċju tal-Awtorita’ Maltija għat-Turizmu ġewwa New York qed jagħmel ħafna xogħol biex nattiraw turiżmu, anke turizmu tal-konferenzi lejn pajjizna.
Leg 12 PQ #12060 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – impjegati ġodda mit-tmien distrett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm emm mill-mijiet ta’ nies li ddaħħlu mal-Airmalta, full time u part time, b’kuntratt u mhux, minn April 2013 huma mit-tmien distrett?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi minn total ta’ mitejn u tnejn u sebghin persuna li ġew impjegati mal-Air Malta minn April 2013 sa Ottubru 2014, hemm total ta’ tmienja u tletin ħaddiem li huma mit-tmien distrett. Ta’ min jinnota wkoll illi fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, minn Jannar 2012 sa Marzu 2013 taħt ir-responsabbilita’ politika tal-Onorovoli Tonio Fenech li jiġi elett mit-tmien distrett daħlu tnejn u ħamsin impjeġat ġdid mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru.
Leg 12 PQ #12061 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – trainee pilots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trainee pilots li daħħlet magħha l-Air Malta din is-sena kienu żejda? Ġaladarba dawn spiċċaw fl-aħħar ta’ Ottubru, dawn kienu bi kuntratt? Peress illi l-ispejjeż tal-kors kienu jlaħħqu iżjed minn €20 000 kull pilota trainee, għaliex saret din in-nefqa żejda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

It-Trainee Pilots kienu produttivi matul is-Sajf 2014 u operaw l-istess ammont ta’ siegħat daqs dawk il-piloti li huma fuq kuntratt permanenti. Għaldaqstant, ir-risposta għal-mistoqsija hija: Le ma saritx nefqa żejda. Dawn kollha kienu fuq kuntratt definit li għalaq fil-31 ta’ Ottubru 2014. Billi issa t-Trainee Pilots kollha huma kkwalifikati fuq ajruplani A320, jistgħu jiġu msejħa biex jissuplimentaw lil dawk il-piloti permanenti meta jkun meħtieg. Huwa ta’ benefiċċju għall-Air Malta li ssib piloti lokali disponibbli faċilment f’perjodi ta’ fejn il-linja tal-ajru jkollha domanda għolja. Għalhekk, kuntrarju għall-amministrazzjoni preċedenti li l-flus fl-Air Malta kienet tonfoqhom f’CEO u f’persuni fil-management li jitħallsu mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’pagi u perkaċċi, kif ukoll f’konsulenzi inutli, l-Air Malta taħt din l-amministrazzjoni tinvesti fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin.
Leg 12 PQ #11411 Sitting 196 2014-11-05 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeu għat-Turiżmu — żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa quddiem il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #11557 Sitting 196 2014-11-05 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 12 PQ #11014 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġibet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 26812, 26813, 26814, 26815, 26816, 26817, 26818 u 26819 tal-Legislatura IX.
Leg 12 PQ #11396 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — bordijiet - chairpersons u membri

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-chairpersons u membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #11440 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Trasport Pubbliku — Rotta ta’ Marsalforn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bl-introduzzjoni tar-rotot l-ġodda hemmx il-ħsieb li tiġi estiża r-rotta li tipprovdi servizz ġewwa Marsalforn sabiex isservi wkoll lir-residenti li joqgħodu fil-parti hekk imsejħa “tax-Xwejni”?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minstru kkonċernat.