Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Xogħlijiet fuq it-triq li tgħaqqad Triq il-Port Ruman ma’ Triq it-Tamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-parti tat-triq li tgħaqqad Triq il-Port Ruman ma’ Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet ħareġ. Abbażi li x-xogħol jiġi kuntrattat mingħajr problemi u abbażi tal-programm ta’ xogħlijiet li Transport Malta għandha għaddejjin u dawk li ghad iridu jibdew, jidher illi dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew għan-nofs is-sena li ġejja.

Buġibba – Water park – xelter temporanju

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-water park ta’ Buġibba jkun hemm xi forma ta’ xelter temporanju biex il-ġenituri li jakkumpanjaw lill-uliedhom f’dan il-park ikollhom fejn jistekennu mill-elementi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ħsarat fi Triq tal-Mużew Rabat- azzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex jiġi indirizzat l-istat ta’ Triq tal-Mużew fir-Rabat li qed iġġarrab ħsarat notevoli minn meta żdied l-użu tat-triq għall-finijiet ta’ trasport pubbliku u qed issir perikoluża għar-residenti li jużaw it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-risponsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Mellieħa — Bus Interchange

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13845, jista' l-Ministru jara li dak li ġie mwiegħed fl-istess risposta b'rabta mal-Bus Interchange tal-Mellieħa (żona fejn qabel kien il-Belleview) jidħol fis-seħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien ġie mwiegħed, il-karozzi tal-linja mhux ser jibqgħu jagħmlu użu mill-bus interchange ġewwa l-Mellieħa. Din il-bidla ser iseħħ meta jiġi mplimentat it-tibdil fir-rotot in konnessjoni man-network il-ġdid.

Ħal Qormi – Triq il-Bajjada – mina bla dawl

Question

Jista’ l-Ministru jara li peress li l-mina li minn Triq il-Bajjada f’Ħal Qormi u li tagħti għal Santa Venera ma tintużax għax tinsab bla dawl, , isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex tingħata d-dawl sabiex tkun tista’ tintuża mir-residenti tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Garaxx tal-Gvern ġie avżat biex jittieħdu l-passi neċessarji f’qasir żmien.

Ħal Qormi –- gandott

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi rranġat gandott li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi f’Ħal Qormi peress li mal-lejl qed ikun ta’ inkonvenjent lir-residenti bl-istorbju kull meta tgħaddi karozza minn fuqu? ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Transport Malta – L-Imqabba — Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Qrendi stallazzjoni ta’ crash barriers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f' Settembru 2014 Transport Malta approvat l-istallazjoni ta' crash barriers fl-area tar-roundabout ta' bejn Triq il-Konvoj ta' Santa Marija u Triq il-Qrendi, l-Imqabba, li hi triq arterjali, imma s' issa dawn il-crash barriers għadhom ma ġewx stallati fuq l-post?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li hemm numru ta’ cables għaddejjin mad-dawra tal-istatwa, ma setgħux jiġu nstallati l-crash barriers.

San Pawl il-Baħar — rranġar ta' bankina

Question

Billi l-bankina li twassal minn San Pawl il-Baħar sa Burmarrad għandha bosta partijiet minnha li huma mkissra, jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex jiġu rranġati dawk il-partijiet tal-istess bankina li huma mkissra, u dan biex jitnaqqas il-periklu li hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma nklużi fil-programm ta’ xogħlijiet li għandhom isiru skont il-prioritajiet u fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Reserved parking for disabled – kriterji għat-tneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex reserved parking for disabled li jkun hemm fi kwalunkwe triq jitneħħa? F’każ li jkun hemm iktar minn reserved parking for disabled wieħed fit-triq u ssir talba jew tittieħed deċiżjoni li jitneħħa wieħed minnhom, jista’ jgħid kif jintagħżel liema wieħed għandu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li parkeġġ riżervat għall- persuni b’diżabbilta’ jitneħħa għal raġunijet varji li jinkludu; meta l-persuna tiġi nieqsa, l-kundizzjoni medika tal-persuna b’diżabbilta’ taqleb għall-aħjar, f’kwalunkwe każ ta’ abbuż jew meta l-persuna tmur tgħix ġo xi dar kummunnali jew ma jkunx hemm aktar vettura bil-mutur jew sewwieq reġistrati fir-residenza tal-persuna b’diżabbilta’. Skont il-polza tal-Awtorita’ tat-Trasport, meta jigi approvat parkeġġ riżervat, tali jiġi mplimentat fil-kaxxa tal-parkeġġ li tinsab fl-eqreb post tar-residenza tal-persuna li tkun applikat għaliha. Għaldaqstant, meta titneħħa kaxxa tal-parkeġġ, tkun dik li tinsab fl-eqreb post tar-residenza tal-persuna b’dizabbilta’ li l-permess tagħha jiġi rtirat.

Transport Malta – Reserved Parking for Disabled – bord ta’ appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol ta’ Transport Malta fir-rigward ta’ reserved parking for disabled? Jista’ jgħid jekk Transport Malta għandhiex xi unit jew xi bord jew xi bord ta’ appell li għandu x’jaqsam ma’ kwalunkwe materja li tista’ tqum inkwantu ta’ reserved parking for disabled? Jekk iva, jista’ jgħid xi rwol u x’funzjoni għandu tali unit, bord jew bord tal-appell?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta tamministra s-servizz ta’ parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabbilta’. L-Awtorita’ għandha bord apposta li jevalwa l-applikazzjonijiet li jintbagħtu għall-parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabbilta’. Hemm ukoll Bord ta’ Appell li jiltaqa’ għand il-Kumissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’ fir-rigward ta’ materji relatati ma’applikazzjonijiet għall- parkeġġ riżervat għall- persuni b’diżabbilta li ma jiġux approvati mill-ewwel bord.

Ħaġar Qim u Għar Lapsi – xogħol ta’ bini ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-triq bejn Ħaġar Qim u Għar Lapsi? Kemm huwa stmat li se tiswa din it-triq u meta se titlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed nifhmu li qed jirreferi għal Triq Panoramika Qrendi / Siġġiewi. Din it-triq hija triq rurali li ser issir parzjalment iffinanzjata mill- Unjoni Ewropeja. Din it-triq hija stmata li ser tiswa: · Triq Panoramika Siggiewi : € 300, 501.92 · Triq Panoraimka Qrendi : € 264, 315.29 Bħalissa t-tenders qiegħdin fi stadju ta’ award. Ix-xogħol irid ikun lest sa Ottubru 2015.

Road marking u sinjali tat-toroq — rranġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sinjal tat-toroq (road sign) u kemm-il road marking kellhom jiġu rranġati bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015 wara li ndunaw li kellhom żbalji ta’ grammatika u ortografija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015 inbidlu żewġ tabelli (road signs) ġewwa x-Xatt ta’ tas-Sliema.

Transport Malta — parking policy

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta waslitx biex tinkonkludi l-pjanijiet tagħha għal dak li jirrigwarda l-parking policy li suppost li kienet qiegħda tfassal? Jekk iva, meta hu mistenni li din il-policy tiġi mħabbra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk din il-policy hux se tinkludi wkoll żoni speċifiċi li fihom ir-residenti tad-diversi lokalitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn konċessjonjiet partikulari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel abbozz tal-parking policy il-ġdida hekk kif imfassal minn Transport Malta ġie konkluż. Fil-preżent l-istess proposti qed jiġu diskussi fid-dettal u b’mod lokalizzat minn Interministerial Committee li twaqqaf għal dan il-għan. Wara li dan il-proċess jiġu konkluż, id-dokument se jiġi emendat skont ir-reviżjonijiet li jistgħu joħorġu mill-imsemmi Interministerial Committee, u sussegwentament tigi finalizzata l-proposta tal-Gvern dwar il-Parking Policy.

Trasport Pubbliku — skeda tat-trasport pubbliku għax-xhur tas-sajf

Question

Billi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16207 ingħad li Transport Malta se tinsisti biex l-isekda ta' trasport pubbliku għas-sajf kienet se tidħol fis-seħħ, iżda ma ġiex speċifikat meta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se tidħol fis-seħħ din l-iskema, u jekk hux se jkun hemm bidliet mill-iskema tas-sena li għaddiet, b'mod partikulari minħabba l-fatt li f'vened bħal dik ta' Buġibba/Qawra, is-sena li għaddiet kienu esperjenzati bosta diffikultajiet għal persuni li jagħmlu użu mis-servizz tal-karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskeda tas-sajf ser tidhol fis-seħħ fit-12 ta’ Lulju 2015. Hekk kif kien ġie spjegat fit-tweġiba illi ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16377 hemm numru ta’rotot illi ser ikollhom il-frekwenza tagħhom miżjuda fl-iskeda tas-sajf. Fost dawn ir-rotot hemm dawk bin-numru 12, 45, 221 u 223, liema rotot joperaw mit-terminus ta’ Bugibba.

Waterpark ta’ Buġibba — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena qabel ma reġa’ nfetaħ il-waterpark ta' Buġibba, saritx manutenzjoni tiegħu? Fost l-oħrajnjista' jgħid jekk l-art tal-istess waterpark filfatt ġietx miżbugħa biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta' żlieq għat-tfal li jattendu f'dan il-park?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – skate park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew xi aġenzija/dipartiment li jaqa' taħt l-istess Ministeru, fasslitx xi skate park fl-inħawi ta' Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'kien ix-xogħol li sar, min iddisinja l-istess faċilità, min waħħal dawn l-injamiet li qed jissejħu skate park, min iċċertifikom li huma sew, u min qed jassigura li ma jinħoloqx periklu għal dawk li jużaw l-istess area? Meta ġew ordnati, u meta twaħħlu fuq il-post?

Response (MIZZI, JOE)

Le.

Persuna b’diżabilità – blue sticker – reserved parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għandha tagħmel persuna b’diżabilità li għandha l-blue sticker u li għandha problema ta’ mobilità sabiex tkun tista’ tapplika għal reserved parking for disabled fit-triq fejn toqgħod?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li biex persuna tapplika għall-Parkeġġ Riżervat għall-Persuni b’Diżabbilta’ quddiem ir-residenza tagħha trid timla formola għal dan il-għan u tibgħat id-dokumenti mitluba bħala parti mill-applikazzjoni lil Transport Malta. Tali applikazzjoni tista’ tinġabar mill-Kunsilli Lokali jew mill-uffiċini ta’Transport Malta fil-Marsa. Il-persuna b’diżabbilta’ tista’ ċċempel l-Awtorita’ u tintbagħat applikazzjoni d-dar tal-persuna b’diżabbilta’ jew tintbagħat permezz ta’email. Tali applikazzjonijiet huma jew bil-Malti jew bl-Ingliż.

Reserved parking for disabled — policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy jew direttivi dwar kemm għandu jkun hemm reserved parking for disabled f’kull triq? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-policy jew direttiva, jew inkella jagħti spjegazzjoni tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ma hemm l-ebda polza li tillimita l-ammont ta’ parkeġġi riżervati għall- persuni b’diżabbilta’ f’kull triq.

Transport Malta — kariga ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie impjegat ma' Transport Malta? Jista' jgħid kemm-il promotion ingħata l-individwu bejn Marzu 2013 u Ġunju 2015? Jista' jgħid x'inhi l-kariga u n-nomenklatura li jokkupa l-individwu fil-preżent fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-impjegat in kwistjoni ġie mpjegat ma’ li dak iż-żmien kienet l-Awtorita’ dwar it-Trasport (ADT) f’Novembru 2004. Bejn Marzu 2013 u Ġunju 2015 ingħata promozzjoni waħda wara sejħa għall-applikazzjonijiet għal grad ta’ Manager (EU Directives & Traffic Management Implementation).

Transport Malta — clamping zones

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17288, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġett tal-clamping, lill-Ministeru responsabbli mill-clamping? Jekk iva, meta saru u x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għaddiet l-ebda rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġett tal-clamping, lill-Ministeru responsabbli mill-clamping.