Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-impjegati li appellaw quddiem il-Bord magħmul minn tribunal f'każi ta' dixxiplina min Marzu ,2000 s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kien hemm impjegat wieħed, fl-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, li appella quddiem il-Bord ta` l-Appelli minn deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-dixxiplina. Dan skond kif hemm provdut fil-ftehim kollettiv ta` l-istess Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid: (a) emm-il darba nbidlet il-pajnta ta' Triq il-Port Ruman, ġewwa Marsaxlokk u għal liema raġuni?
(b) Min kien responsabbli biex jiddeċiedi dwar deċiżjonijiet tekniċi rigward id-disinn tat-triq?
(ċ) Fuq liema kriterju ġie deċiż illi l-wisa' tat-triq jibqa' irregolari billi tinżamm bankina ta' 1.6 metri?
(d) Jista' l-Ministru jikkonferma jekk din id-deċiżjoni hiex konsistenti mal-pariri ta' l-esperti Ġermaniżi impjegati bħala konsulenti fid-Dipartiment tat-Toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Port Ruman qiegħda ġo BDA area li għal xi raġuni t-triq bejn id-djar f'ċertu postijiet hija dejqa aktar minn normal.
Hija policy segwita mid-Dipartiment li fejn ikun qed isiru proġetti ġodda kemm jista' jkun jinbnew service ducts biex jitqiegħdu s-servizzi ħalli t-toroq ma jerġgħux jinqalgħu. Dawn is-service ducts jinbnew barra mill-kaxxi tas-sufun, u għalhekk il-bankina ssir aktar wiesgħa. Għalhekk parti mit-triq il-Port Ruman kompliet tidjieq.
Fuq talba tar-residenti qed isiru modifikazzjonijiet f'din is-service duct. Dan f'xi postijiet ser jiġi fit-triq biex l-ispazju disponibbli jitħalla għall-karreġjata u għal parking. F'dawn il-postijiet il-bankina ser ikollha tkun ftit idjaq minn postijiet oħra fit-triq fejn l-ispazju għat-triq huwa ferm aktar wiesgħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-karozzi li għamli l-VRT s'issa?
Kemm minhom ma għaddewx minn dan it-test?
Liema huma dawk il-karozzi li fadal biex isirilhom it-test skond in-number plate?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16454, jien infurmat li dawk il-vetturi li għamlu t-test tal-VRT u dawk li weħlu fil-perjodu Mejju 2000 sa Ottubru 2000 huwa kif spjegat hawn taħt:
Xahar Nru. ta' Testijiet Nru. li weħlu
Mejju 6,709 849
Ġunju 6,852 756
Lulju 5,668 649
Awissu 6,619 738
Settembru 5,920 658
Ottubru 4,113 435
Jista' l-Ministru jinfurmana xi progress sar u cioe' meta se jiġu asfaltati t-toroq fil-Baħrija, Triq il-Qastan, Triq T. Xerri, Triq il-Kappella l-Qadima u Triq il-Ġdida fi Triq il-Lewż? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet sabiex ir-residenti jkollhom toroq aktar konvenjenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 17396.
Jista' l-Ministru jinfurmana meta se tiġi żviluppata l-pjazza li hemm fi Triq il-Qastan il-Baħrija?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' kif se tiġi żviluppata din il-pjazza li tinsab fejn il-knisja l-ġdida tal-Baħrija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20814. Id-Dipartiment tat-Toroq għadu ma rċeviex pjanta ta' kif il-Kunsill jixtieq jiżviluppa l-pjazza msemmija.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 963, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li r-rapport li kien sar rigward l-istat tat-triq Santa Liberata, l-Kalkara jiġi mwettaq billi hemm bżonn urġenti tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispezzjoni li saret mit-tekniċi tad-Dipartiment jirriżulta li t-triq hija wiesgħa wisq għall-bżonnijiet tal-lokal, u għalhekk ikun tajjeb kieku jsir pjan illi jiddetermina il-karreġjata għall-vetturi u joħloq spazju għall-bankini u wkoll xi cycle tracks għall-użu tal-pubbliku li jmur fil-lokalita' biex iqattgħu ftit ħin rekrejattiv fil-weekends f'dan il-post.
Jista’ l-Ministru jinformani kemm intnefqu flus mid-Dipartiment tat-Toroq matul l-1999 u din is-sena sabiex ġew irranġati t-toroq fir-Rabat, Malta?
Liema kienu t-toroq li ġew irranġati fil-fatt matul dan il-perjodu?
Jista' jara li fl-estimi tal-Budget li ġej iżid din is-somma sabiex jitranġaw aħjar it-toroq fir-Rabat u partikolarment fil-Baħrija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul is-sena 1999 u din is-sena saru dawn ix-xogħolijiet ir-Rabat:
Tkomplija ta' Triq Alfreski
Triq ġdida fi Triq Fidloqqom
Triq is-Siġar,
Triq Dun M. Callus
Triq Franton
Triq R. Saliba
Triq Mtarfa South Bound
Triq l-Għarreqin
Jien infurmat ukoll li s'issa tħallas l-ammont ta' Lm190,056, u hemm ippjanat li malli joħroġ il-permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jinbeda xogħol fuq it-tieni fażi tal-bypass filwaqt li xogħolijiet oħra fil-Baħrija u fir-Rabat jitkomplew skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.
Jista’ l-Ministru jinformani kemm intnefqu flus mid-Dipartiment tat-Toroq matul din is-sena u s-sena l-oħra sabiex ġew irranġati t-toroq tal-Mosta?
Liema kienu t-toroq fil-fatt li ġew irranġati matul dan il-perjodu?
Jista' jara li fl-estimi tal-Budget li ġej iżid din is-somma ħalli jkun jistgħu jittranġaw aħjar it-toroq tal-Mostin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul is-sena 1999 u din is sena id-Dipartiment ħadem mal-Kunsill Lokali tal-Mosta biex tinfetaħ Triq il-Ħtajriet, Mosta Ring Road, isir titjib li minn Tarġa Gap tagħti għar-Rabat, irranġar tal-Pjazza u easement għall-kostruzzjoni ta' culvert minn Triq il-Kbira.
Sejħiet għal offerti ġew ippubblikati għall-kostruzzjoni tar-Ring Road u titjib tat-triq tar-Rabat, u ser ikunu pubblikati sejħiet għal offerti għal asfaltar ta' toroq f'tax-Xkora u f'tal-Wey.
Fis-sena 1999 hu stmat li ntefqu mal-Lm12,000 f'xogħol ta' surveys mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar bi preparamenti għal dan ix-xogħol ta' irranġar ta' toroq.
Nerġa nsostni dak li għidt drabi oħra, ċioe' li qabel jiġi esegwit xi xogħol iridu jsiru l-preparamenti neċessarji għal xogħol bħal dan.
Jista l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flejjes intefqu fuq l-aħħar toroq li għadhom kemm ġew irranġati ġewwa r-raħal tax-Xgħajra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li riċentament kien qed isir xogħol f'toroq Mahoney, Tumbrell u Orlando li hu stmat li jiswa Lm52,000. S'issa tħallsu Lm15,000, filwaqt li l-kumplament tal-flus mistennija jitħallsu dan ix-xahar malli jitlesta l-kejl tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 20971, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jista' jgħid x'se jsir mill-flus li kienu allokati fil-budget 2000, li kellhom jintnefqu fuq il-proġett ta' Triq Hompesch fil-Fgura peress li għad ma beda xejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20983, jien infurmat li ser terġa toħroġ sejħa għal offerti biex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx iffurmati jew hemmx il-ħsieb li jiġu ffurmati, sezzjonijiet, units jew xorta ta' gruppi oħrajn fid-dipartimenti, soċjetajiet kummerċjali, segretarjati u entitajiet oħrajn kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jew li fihom il-gvern għandu xi forma ta' interess u li liema units, sezzjonijiet etc għandhom xogħol konness jew relatat mal-politika tal-Gvern li jsieħeb lil Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew fl-addozzjoni ta' l-aquis?
X'jisimhom jew x'ser ikun jisimhom dawn il-units etc?
X'tip ta' xogħol mistenni jew qiegħed isir min dawn il-units?
Kemm hemm nies jaħdmu f'kull wieħed min dawn il-units?
Min huma, kif intgħażlu u xi grad għandhom?
X'pagi, kundizzjonijiet u benefiċċji oħrajn igawdu minnhom persuni li huma ingaġġati ma' dawn il-units?
B'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema pożizzjoni tinsab l-aġġudikar u bidu tat-twettiq tat-Triq Hompesch, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minħabba li l-uniku tenderer li kien tefgħa l-offerta rrifjuta li jġedded il-Bid Bond bi ksur ta' regolamenti tat-tendering, il-Kumitat tal-Kuntratti ma setax ikompli bl-aġġudikazzjoni u ser ikollha terġa tiġi ppubblikata sejħa għal offerti.
B'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti numru 3334, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba r-rapport rigward l-istat tat-toroq ġewwa Ħaż-Żabbar fil-parti magħrufa bħala ta' San Pietru huwiex lest u x'direttivi u miżuri ttieħdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru l-inspections neċessarji iżda nstab illi għad hemm żvilupp xi jsir fil-parti magħrufa ta' San Pietru, u meta dan jitlesta jkun jista' jitwettaq ix-xogħol meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata Triq il-Kavallieri ta' Malta, Wied il-Għajn għax minkejja li hi ferm abitata għadha ft stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir fit-triq u għalhekk ix-xogħol jitwettaq skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, wara li jkun sar l-iżvilupp u jitqiegħdu s-servizzi kollha.
B'riferenza għall-mistoqsija nru. 19904, jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifra ta' kemm intefqu flus f'hospitality u jagħti breakdown ta' kif intefqu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-persentaġġ ikkwotat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19904 jirreferi għaċ-ċifra allokata għall-vot ta' hospitality fl-Estimi Ġenerali, u għalhekk huwa faċli għall-Onor. Interpellant li joħroġ iċ-ċifra li talab.
Dwar breakdown ta' kif intefqet iċ-ċifra m'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajtu għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19172 fuq l-istess suġġett.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex tneħħa s-sinjal tar-reserved parking li kien hemm fejn id-dar ta' l-anzjani Nikola Saura, Rabat?
Jista' jara li dan l-aċċess tal-parking jerġa' jiġi rimedjat immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sinjal ta' reserved parking li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tneħħa għar-raġunijiet ta' safety. Dan kien viċin wisq tal-Bus Stop u bus ħierġa mill-Bus Bay kellha toħroġ wrong side fi triq li hi dejqa u li minnha jgħaddi ħafna traffiku.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qiegħed f'kuntatt ma l-amministrazzjoni tad-Dar ta' l-Anzjani biex jingħata spazju alternattiv f'post fejn ma jinħoloqx periklu.