Jista' il-Ministru jgħid huwiex possibbli li jitwaħħlu traffic lights u/jew pedestrian crossings f'dik il-parti ta' Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ 'l isfel mill-iskola tal-Garendon u l-istabiliment kummerċjali tal-SMW Cortis?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-pedestrian crossings ħdejn Garendon School qegħda fil-proċess li tiġi nstallata. L-Awtorita' dwar it-Trasport rċevit rikjesti biex issir pedestrian crossing oħra ħdejn l-istabbiliment SMW Cortis u bħalissa l-istess rikjesta qed tiġi studjata fid-dettal mill-
Awtorita'.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-post quddiem Bieb A fejn jitħallsu l-liċenzji tal-karozzi u li issa qed jintuża bħala garage, jistax isir użu aħjar minnu biex il-pubbliku jinqeda aħjar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-garage imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jintuża bħala store ta' l-Awtorita' wara li ġew żvojtati stores li kienu lokati f'postijiet oħra. Issa qed jintużaw mill-Awtorita' b'riżultat ta' frankar ta' flus.
Jista’il-Ministru jgħid jekk is-survey li ilu xhur sħaħ isir fuq it-traffic lights fir-roundabout f’tal-Kappara (magħrufa bħala fejn it-tankijiet tal-gass) tlestiex? Jekk iva, jista’ ipoġġi kopja fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk le meta ser jitlesta? Jista’ jgħid kemm se jdumu jteptpu dawk id-dwal li hemm mar-roundabout?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qed tikkoordina bejn id-Direttorati kollha sabiex tniedi pjan dwar x'jista' jsir f'dan il-perjodu transitorju sakemm jitlesta l-proġett finali ta' upgrading f'dan is-sit.
Rapport kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jispjega l-anomalija li teżisti fil-ħlas tal-liċenzji tas-sewqan għall-anzjani meta persuna sa 70 sena tħallas Lm12.00 għal għaxar snin u Lm2.50 administration charge (Lm1.45 fis-sena) filwaqt li persuna 'il fuq minn 70 sena tħallas Lm4.00 għal sentejn u Lm2.50 administration charge (Lm3.25 fis-sena)?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda anomalija fir-rigward ta’ l-imsemmija administration charge.
Din iċ-charge titħallas sabiex tkun tista’ tiġi proċessata il-ħruġ ta’ liċenzja ġdida. Dan il-proċess huwa simili għall-ħruġ tal-liċenzja valida għall-sena jew għaxar snin għalhekk l-administration charge hi l-istess.
Jista' il-Ministru jagħti l-lista ta' toroq residenzjali ġodda li nbnew matul din is-sena? Liema huma dawk it-toroq li qiegħed isir xogħol fuqhom bħalissa mill-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tammonta l-ispiża għall-bini mill-ġdid ta' proprjeta' privata li ġiet affettwata mill-bini u twaqqigħ ta' Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ, il-parti minn fejn ir-roundabout ta' Cortis sar-roundabout ta' ħdejn id-dħul ta' Ħaż-Żebbuġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinġħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża għall-esproprjazzjoni ta' art għall-bini ta' toroq permezz tal-protokoll Taljan, kull triq separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ispiża li ser tintefaq fuq l-esproprazzjonijiet li kienu effetwati waqt ix-xogħlijiet tal-Protokoll Taljan ser tiġi stabbilita wara li jsiru l-as built drawingsu jiġi vverifikat eżatt l-ammont ta' metri kwadri illi jkun ittieħed f'kull każ rispettiv. Dawn ir-riżultati jiġu mgħoddija għand il-Lands Department biex jiġu vverifikati l-ammonti tal-kumpens skond il-metri kwadri li jkunu ttieħdu. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun tista' tingħata meta l-proċess kollu jkun lest.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-kumpanniji li ssottomettew l-interess tagħhom dwar xogħol fil-Baċir nru. 1?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li meta għalaq iż-żmien għas-sottomissjonijiet tas-sejħa għal żvilupp f'baċir numru 1 kien hemm żewġ offerti li tnejn minnhom kienu validi.
Il-Bord maħtur biex jevalwa s-sottomissjonijiet qiegħed għaddej bil-proċess ta' din l-evalwazzjoni, u meta jkun spiċċa dan il-proċess inkun nista' nagħti d-detttalji mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet id-diskussjoni bejn l-Omnibus pool u l-assoċjazzjoni tal-minibuses ħomor dwar iż-żieda fl-insurances u dan peress li ħafna sidien tal-minibuses ma jafx x'jagħmlu dwar il-polza tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Malta Financial Services Authority qegħda twettaq investigazzjoni biex tivverifika:
- li l-proċeduri ta' l-Omnibus Pool jikkonforma mall-mod stabbilit ta' kif joperaw il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni
- il-mod ta' kif ġew rappurtati u mħallsin claims lil terzi bejn is-snin 2001 u 2004
- jekk għal xi raġuni li tirriżulta mill-punti imsemmija hawn fuq, iż-żieda ta' 15% fil-premiums għas-sena 2005 għandiex bżonn tiġi aġġustata
Din l-investigazzjoni hija mistennija li titlesta għall-aħħar t'Ottubru 2005.
Fil-perjodu li fih qegħda ssir l-investigazzjoni, il-membri ta' l-assoċjazzjoni tal-minibuses ġew mogħtija estensjoni ta' l-assigurazzjoni fuq il-vetturi tagħhom.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14386 u jgħid għaliex waqaf ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' Triq in-Nassab f'Ħal Qormi? Jista' jgħid meta se jitkompla u jitlesta dan ix-xogħol minħabba t-trabijiet u l-inkonvenjent li qed ibatu minnu r-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħlijiet ta’ Triq in-Nassab kienu waqfu minħabba problema bil-livelli tal-bini eżistenti li jinstabu f’din it-triq. Il-livelli qegħdin jinħadmu mill-‘Land Survey Unit’ tal-MEPA, meta jitlestew u jkunu mmarkati l-livelli, x-xogħol ta’ konstruzzjoni ta’ Triq in-Nassab jkun jista’ jitkompla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu permessi ġodda tal-motor hearses fil-futur qarib?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-preżent, m’hemm l-ebda ħsieb li jinħarġu permessi ġodda tal-motor hearses. Madankollu, l-Awtorità dwar it-Trasport qegħda tistudja l-prattika eżistenti ta' kif jinħarġu l-permessi għal motor hearses.
Jista' il-Ministru jara li l-materjal kif ukoll l-imbarazz li tħalla mal-ġnub tat-toroq li nbnew bil-fondi tal-protokol Taljan jitneħħa peress li qiegħed jagħti dehra kerha ħafna lill-ambjent f'dawn l-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-debris u materjal ieħor tal-kostruzzjoni li setgħa tħalla minn uhud mill-kuntratturi li ħadmu fuq ix-xogħlijiet tal-Protokoll Taljan kien beda jitnehha minn ftit ġranet qabel ma nfetħu t-toroq għat-traffiku u dan il-proċess ser ikompli sakemm dan il-materjal jitnehha kollu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet li saru ta' toroq iffinanzjati mill-fondi tal-protokoll Taljan, kull triq separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-final bills of quantities tax-xogħlijiet tat-toroq iffinanzjati mill-Protokoll Taljan għadhom ma ġewx iffinalizzati u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun tista' tingħata meta l-proċess kollu jkun lest.
Jistgħu jittieħdu passi biex Trejqet Toni Fenech f'San Pawl il-Baħar issir b'mod diċenti għax tant hi mħarbta li hi ta' periklu għal min jgħix fl-inħawi u għal kull min jużaha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistqosija tingħata f'seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jghid meta se jingħata reserved parking lill-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li ilha bosta xhur li applikat u l-każ huwa wieħed urġenti u gravi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni hawn fuq imsemmija bin-numru 758 ma ġietx approvata mill-Bord għal reserved parking għal persuni b’diżabilità minħabba li kif infurmati mill-Kunsill Lokali rispettiv, l-applikant għandu garaxx u għalhekk ma jikkwalifikax għal reserved parking.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-rilokazzjoni ta' l-SMEs li hemm fis-sit fejn qed isir il-proġett ta' park and ride system? Jista' jgħid x'alternattiva ġiet offruta lis-sidien ta' dawn l-SMEs?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport issottometiet applikazzjoni għal żvilupp lill-MEPA għall-bini ta’ tliet workshops biex jintużaw mill-SMEs li bħalissa qed jokkupaw l-ispazju fis-sit maħsub biex jintuża għall-iskema park and ride. Is-sit li dwaru saret l-applikazzjoni lill-MEPA jinsab fl-inħawi magħrufa bħala Crown and Hornworks.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13776 u jgħid x'qed iżomm lill-ADT milli tibni underpass fi Triq is-Sebħ, (Mrieħal bypass), fejn seħħ inċident fatali riċentement, hekk kif kienet proposta fis-central zone Malta Local Plan mill-MEPA u wkoll wara diversi talbiet li kien ressaq il-kunsill lokali ta' Ħal Qormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 13896 li ngħatat fis-seduta numru 296.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaħħal mill-ġdid il-bus shelter li kien hemm ftit 'l isfel mill-KIA showroom fi Triq Imdina f'Ħal Qormi (direzzjoni lejn il-Belt Valletta) minħabba li dan kien inqala' waqt ix-xogħlijiet f'din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li dan il-Bus Shelter ser jerġgħa jitwaħħal fil-futur qarib.