Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – għalliema għal revision courses
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx biżżejjed għalliema għall-istudenti kollha li applikaw għal revision courses tas-SEC fil-Malti, Ingliż, Matematika u l-Fiżika taħt l-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva. Hemm għalliema biżżejjed biex jipprovdu l-ammont ta’ sigħat meħtieġa għal kull student li applika f’kull suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nbagħtet ċirkulari mal-għalliema tal-Gvern dwar l-ingaġġ ta' għalliema taħt l-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ għar-revisjoni tas-suggetti tas-SEC? Jista' jgħid meta nbagħtet din iċ-ċirkulari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva. Bi proċedura normali ħarġu żewġ sejħiet għal Espressjoni ta’ Interess mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. L-ewwel sejħa ħarġet fl-14 ta’ Mejju bin-numru HR/99/2014. It-tieni sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ħarġet fil-11 ta’ Lulju bin-numru HR/130/2014.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jsiru l-lezzjonijiet tar-reviżjoni tas-SEC tal-Ingliż, Malti, Matematika u l-Fiżika tal-Iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-lezzjonijiet se jsiru f’dawn it-tliet postijiet:
L-iskola sekondarja tas-subien, il-Ħamrun (Liċeo)
L-Istitut tax-Xjenza Applikata, MCAST, Kordin
L-iskola sekondarja tas-subien, ir-Rabat, Għawdex
Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – Numru massimu ta’ żgħażagħ fil-klassijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun in-numru massimu ta' żgħażagħ fil-klassijiet tar-reviżjoni tas-SEC fil-Ingliż, Malti, Matematika u l-Fiżika fl-Iskema tal-Garanżija taż-Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru massimu ta’ studenti f’kull klassi se jkun ta’ ħmistax (15).
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati l-ġodda ta' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 li bdew jaħdmu mal-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi ma għaddewx mill-process ta' screening biex jaħdmu mat-tfal skont kif stabbilit fil-liġi skont Kap 518 il-Protezzjoni tal-Minuri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-koordinaturi taċ-ċentri kienu kollha intervistati u huma kollha ħaddiema fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Il-Playworkers u ċ-Child Support Workers li ġew ingaġġati sabiex jaħdmu fi Klabb 3-16 / Skola Sajf huma jew impjegati fl-iskejjel tal-Istat, jew tal-Knisja jew Indipendenti u għalhekk ikunu approvati minn qabel mid-direttorati.
Fil-każ tal-istudenti tal-MCAST jew tal-Universita’ dawn il-persuni applikaw mal-iStudents’ Maintenance Grants Board. Dawn l-istudenti ma kinux intervistati la din is-sena u lanqas fi snin preċedenti.
Impjegati oħra li qed jaħdmu f’dan is-servizz ġew intervistati u għaddew mill-proċedura tar-reklutaġġ.
Learning Support Assistants trasferiti minn Malta għal Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid bejn Settembru 2013 u Ġunju 2014 kemm kien in-numru ta' Learning Support Assistants li minn Malta ġew ittrasferiti lejn Għawdex u f’liema skejjel ġew trasferiti f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għalliema sekondati ma' Ministeri, segretarji privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm-il għalliem ġie seconded ma' Ministeri, segretarjat privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet mill-bidu tal-leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din d-domanda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ għalliema li ġew seconded ma’ Ministeri, segretajat privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum hu ta’ ħmistax.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ għalliema f’Għawdex u kif inhuma maqsumin f’kull skola, kemm dawk primarja, sekondarja, sixth form kif ukoll dawk l-iskejjel bhal dik ta' drama, tal-mużika u MCAST?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant rigward l-iskejjel tal-istat f'Għawdex hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li l-għadd ta' lecturers fl-MCAST Għawdex huwa ta' 26.
Għawdex – skejjel — numru ta’ Learning Support Assistants
Question
Jista’ l-Ministru kemm hu n-numru ta’ Learning Support Assistants f’Għawdex u kif inhuma maqsumin f’kull skola, kemm dawk primarja, sekondarja, sixth form, kif ukoll dawk l-iskejjel bħal dik tad-drama, tal-arti, tal-mużika u MCAST?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant rigward l-iskejjel tal-istat f'Għawdex hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li ġewwa l-MCAST fiċ-Ċentru għal Għawdex (MCAST, Gozo Centre) hemm żewġ Learning Support Assistants.
Għawdex – skejjel — xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'kull skola f'Għawdex liema xogħol ta' manutenzjoni jew estensjoni sar minn Marzu 2013 sal-aħħar ta' Ġunju 2014? F'kull każ, jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq dan ix-xogħol ta' manutenzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li x-xogħol ta’ manutenzjoni jew estensjoni li sar f’kull skola f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2014 u n-nefqa fuq dan ix-xogħol kienu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista ma tinkludix ix-xogħol ta’ natura minuri li jinqala’ minn jum għal jum.
Għawdex – skejjel – allokazzjoni ta’ fondi għall-manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena skolastika, ċjoè dik bejn Settembru 2013 u Ġunju 2014, kemm kienet l-allokazzjoni li ngħatat kull skola f'Għawdex biex tintnefaq fuq l-bżonnijiet ta' kuljum u manutenzjoni ta' natura ordinarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-allokazzjoni li ngħatat kull skola f’Għawdex biex tintnefaq fuq il-bżonnijiet ta’ kuljum u manutenzjoni ta’ natura ordinarja kienet kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni għas-snin 2013 u 2014 qed jingħataw separatament għaliex il-fondi jiġu mqassma għal sena kalendarja.
Jista' l-Ministru jgħid bejn Settembru 2013 u Ġunju 2014 kemm kien in-numru ta' għalliema li minn Malta ġew trasferiti lejn Għawdex? Liema suġġetti jgħallmu dawn l-għalliema u f’liema skejjel ġew ittrasferiti f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Stqarrija tad-DOI — grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10214, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri li kienu jiffurmaw il-grupp indikat fl-istqarrija tad-DOI (140445) li skont l-istess risposta dan kien ġie xolt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-membri kienu: Andrew Decelis, Xandru Grech, Charlene Attard, Alessandra Pace u Paul Debattista.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li attendew l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju matul is-sena skolastika li għaddiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ għalliema u Learning Support Assistants fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u f’dawk indipendenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju matul is-sena skolastika li għaddiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li tgħix Raħal Ġdid u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha bżonn ta' psychologistgħal wild tagħha ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mal-persuna indikata minnu fejn ġie spjegat lilha l-proċedura f'dawn iċ-ċirkostanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tibdil li qed jiġi ppjanat jekk se jkun hemm xi tibdil għas-sena d-dieħla fl-Alternative Learning Programme? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet futuri ta' dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għas-sena skolastika 2014-15, se jkun hemm żewġ bidliet ewlenin minn kif sar il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali matul is-sena 2013-14:
- Fl-għażla tal-istudenti.
- F’wieħed miċ-Ċentri li fihom hemm maħsub li jsir il-programm. Il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali li kien sar fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) issa se jsir fl-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Raħal Ġdid. L-istaff kollu Amministrattiv, Professjonali, Tekniku, Klerikali u Ġenerali ser jintgħażel mid-Direttorat għas-Servizzi tal-Istudenti.
Il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali huwa programm ad hoc maħsub għal studenti tal-ħames sena vulnerabbli ħafna li kienu ser jispiċċaw mill-iskola tal-obbligu mingħajr kwalifiċi ta’ xejn u għalhekk f’riskju li ma jibqgħux fis-sistema edukattiva. Huma studenti li għandhom diffikultajiet serji fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi – l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika.
It-triq ’il quddiem għal dawn l-istudenti vulnerabbli huwa l-programm il-ġdid ta’ tagħlim prattiku - li ddaħħal għall-ewwel darba matul is-sena skolastika 2013-14 bl-isem ta’ Core Curriculum Programme – għall-istudenti li kienu fit-tielet sena tas-sekondarja fil-Kulleġġi kollha tal-istat u li waqgħu lura ħafna fil-programmi kurrikulari. Dan huwa programm ta’ tagħlim mifrux fuq tliet snin – mit-tielet sal-ħames sena tal-iskola sekondarja u li jwassal lill-istudenti għal Ċertifikat ta’ livell 1 fuq il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Matul is-sena skolastika li jmiss, 2014-15, dawn l-istudenti jkunu fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Matul is-sena skolastika ta’ wara, 2015-16, dawn l-istudenti jitilgħu fil-ħames sena u allura mhux maħsub li jkun hemm bżonn programm alternattiv ta’ tagħlim ieħor għalihom.
Alternative Learning Programme – għażla ta’ studenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-istudenti mill-ħames sena sabiex jipparteċipaw fl-Alternative Learning Programme? Għalfejn ċertu studenti li xtaqu jieħdu sehem f'dan il-programm, ma ingħatawx ċans li jipparteċipaw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2013-14, għall-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali ntgħażlu l-istudenti kollha tal-ħames sena li ma kinux ser joqogħdu għal ebda eżami fil-livell tas-SEC - studenti vulnerabbli ħafna li kienu ser jispiċċaw mill-iskola tal-obbligu mingħajr kwalifiċi ta’ xejn u f’riskju li ma jibqħux fis-sistema edukattiva. Uħud minn dawn l-istudenti kellhom storja ta’ assenteiżmu u kienu ilhom ma jmorru l-iskola.
Għas-sena skolastika 2014-15, għall-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali ntgħażlu l-istudenti li telgħin fil-ħames sena tas-sekondarja fil-Kulleġġi tal-istat u li d-Dipartiment tal-Kurrikulu jqis li għandhom diffikultajiet serji fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi – l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika. Dan abbażi tal-marki tagħhom fl-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fi tmiem it-tielet sena u ta’ matul ir-raba’ sena. In-numru tagħhom ilaħħaq it-356 student.