Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Bini ta' ħajt ma' plot privat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA ma' sid privat biex itella' ħajt mal-plot privat tiegħu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li dan qed ikun użat bħala miżbla b'inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pollution Prevention and Control Unit fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tinvestiga dan il-każ u tinstab fil-proċess li tidentifika s- sid ta' l-art. Ta’ min isemmui wkoll li l-Kunsill Lokali għandu wkoll id-dmir li jara li din il-proprjeta tinżamm nadifa.

MEPA — Applikazzjonijiet għall-bini ta' swimming pools

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellha applikazzjonijiet il-MEPA għall-bini ta' swimming pools fl-Imdina f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew milqugħa? F'liema residenza/residenzi kienu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), minn 01/01/1999 sal-lum kien hemm biss applikazzjoni waħda fl-Imdina għal "swimming pool". Din l-applikazzjoni tirreferi għall-applikazzjoni PA 6336/2002.

Paceville — Ġbir ta' skart separat

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabar skart separat mis-separation skips ta' taħt l-art li hemm fi Triq Elia Zammit f'Paceville?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Membru jsaqsi il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Importazzjoni ta' Annimali Velenużi

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk ġewx importati annimali li huma velenużi bħal sriep, brimb jew speċi simili? X'rettili oħra qegħdin jiġu importati barra dawn l-ispeċi? Qegħdin jiġu reġistrati b'xi mod peress li dawn l-annimali jinvolvu riskji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fir-rigward ta’ l-ewwel żewġ mistoqsijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant jindika d-data, jew snin, jew perjodu li fih ġew impurtati l-ispeċi li qed isemmi. Fir-rigward tar-reġistrrazzjoni ta’ l-annimali li jinvolvu riskji, id-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attivita’ Vetewrinarja ma tirrakkomandax l-importazzjoni qabel ma jkun hemm rakkomandazzjoni mill-Environment Protection Directorate (EPD) fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Fil-preżent, sistema ta’ reġistrazzjoni qed tkun kkunsidrata.

MEPA — Żvilupp ta' lukanda

Question

B'riferenza għas-sit indikat separatament, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-permessi neċessarji għal dan l-iżvilupp? X'permessi hemm fuq il-parking u meta nħarġu? Kemm-il applikazzjoni kien hemm quddiem il-MEPA u ma' l-ewwel applikazzjoni oriġinali reġax sar xi tibdil ieħor? Hemm parkingbiżżejjed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-iżvilupp indikat hu kopert bil-permessi meħtieġa. Il-permess PA 7622/03 nħareġ fit-13 ta' April 2004 wara li l-applikant ħallas is-somma ta' LM 22,500 bħala kontribuzzjoni għall-Commuted Parking Payment Scheme fit-2 ta' April 2004. Dan l-ammont ikopri n-numru ta' spazji rikjesti mill-iżvilupp il-ġdid inklużi l-estensjonijiet kollha approvati. Saru erba’ applikazzjonijiet lill-MEPA. Kien hemm permess li nħareġ għal estensjoni fuq il-bejt, kif ukoll estensjoni fuq in-naħa tal-Punent tal-lukanda li tikkonsisti f' fire escape staircase u ħmistax il-kamra oħra. Permess ieħor ikopri estensjoni ta' zewg sulari fuq il-permess outline. Ghaldaqstant it-total ta' sulari fuq Spinola Road approvati b' dan il-permess huwa ta' tmien sulari.

Bieb il-Belt — Tindif ħdejn il-monument ta' l-RAF

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jittieħdu passi biex jiġu mnaddfa l-inħawi ħdejn il-momument ta' l-RAF f'Bieb il-Belt li hu mitluq b'siġar mejta, pajpijiet imsadda u ħmieġ ieħor? Billi dan hu post ċentrali fejn ta' kuljum jgħaddu għadd ta' Maltin u turisti, possibbli jittieħdu passi mmedjati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma l-Onor. interpellant, li l-post imsemmi fl-inħawi tal-Monument tal-RAF, Furjana, qiegħed isir proġett li qiegħed fi stadju avvanzat kif jindikaw it-tabelli li hemm. Meta dan il-proġett ikun lest dan il-post jiġi mnaddaf kif jixraq.

Bormla — Masġar taħt l-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa bis-serjeta' sabiex l-area (masġar żgħir) taħt l-iskola primarja ta' Bormla tingħata dehra aħjar? X'inhi r-raġuni li latrina fl-istess area tkissret snin ilu sabiex illum saret miżbla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.

Dħul mill-Eco Tax

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul s'issa, fl-ewwel xahar mill-introduzzjoni ta' l-Eco Tax (inkluż id-dħul minn VAT fuq it-taxxa ta' l-Eco Tax)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat

Pembroke — Afforestation project

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex insalvaw ix-xogħol li ġie traskurat ta' "Afforestation Project" fl-entratura ta' Pembroke u li jerġa' jitnaddaf u jergħu jinżergħu is-siġar li mietu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il pjanijiet ta L-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent (MRAE) għal dan is-sit hu li jitkompla ix-xogħol aktar ‘il quddiem. Ix-xogħol li sar s’ issa kien sar fuq il-premissa li il-kunsill ta Pembroke kien ser jidħol fi ftehim u jkollu rwol li jieħu ħsieb dak li ġie żviluppat mill gvern ċentrali. Qabel ma l-Gvern ċentrali jkompli għaddej bil-proġett irridu nkunu ċerti li l-kunsill ser jieħu ħsiebhom. (inkella il-proġett ikun wieħed tal-gvern ċentrali biss u m' hux wieħed bi sħubija ma dan il-kunsill, kif kien intenzjonat oriġinarjament).

Pembroke — Separazzjoni ta' l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-proġett pilota ta' separazzjoni ta' l-iskart ġewwa Pembroke tkompla? Jekk iva, għaliex il-kunsill ġie mistoqsi jħallas għal 4 bring in sites u dan mill-Wasteserv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-użu tal-Bring-in sites ġewwa l-lokalita’ ta’ Pembroke irid jinkwadra ruħu fil-programm sħiħ ta’ separazzjoni tal-iskart li l-Wasteserv se taddotta f’ Malta u Għawdex fuq numru ta’ fażijiet, anke permezz ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-Wasteserv ħadet nota tal-punti mressqa mill-Kunsill Lokali u qablet li ma jkunx hemm tibdil għall-arranġament preżenti sakemm tinbeda l-implimentazzjoni tal-programm. Sadanittant, wieħed għandu jifhem li il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għandu jħallas ta’ l-inqas Lm 1,500 fis-sena li kull lokalita’ għandha tħallas għas-servizz ta’ Bring-in site. Dawn il-flus huma diġa allokati għal kunsill lokali li jkun qed jipparteċipa f’ qafas reġjonali ta’ użu ta’ Bring-in sites.

Ta' Qali — Crafts Village - tindif

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar tindif fil-Crafts Village, Ta' Qali u meta jekk sar, saru l-aħħar tiswijiet fit-toroq li hemm fl-istess Crafts Village?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żejtun — Triq il-President Buttigieg - skart goff

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-iskart goff (parts tal-karozzi) li hemm biswit l-istage tal-karozza tal-linja f'tarf ta' Triq President Buttigieg (in-naħa taż-Żejtun) fiż-Żejtun?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MEPA — Talba għal żvilupp fi Triq il-Buttar, Wied il-Għajn

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA rċevietx xi talba għal żvilupp ta' madwar erba' sulari fi Triq il-Buttar, Wied il-Għajn f'area li hi mmarkata white area? Jekk iva, x'tip ta' żvilupp se jsir u meta daħlet din l-applikazzjoni? Il-MEPA taf li hemm oġġezzjonijiet mir-residenti ta' l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x' aktarx l-Onorevoli Nterpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA 924/04 li ġiet sottomessa fit-18 ta' Frar 2004. L-iżvilupp propost hu għal sheltered housing, u jikkonsisti fi tliet sulari. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rċeviet oġġezzjonijiet fuq l-iżvilupp propost. Ta min igħid li l-applikazzjoni msemmija ġiet irtirata f' Lulju 2004.

MEPA — Permessi għal żvilupp ta' arei

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-areas mitluba għall-iżvilupp f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pjan Lokali Abbozz għaċ-Ċentru ta' Malta, maħruġ għall-Konsultazzjoni Pubblika f' Ġunju 2002, wera t-talbiet li kien jrċieva d-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jiddaħħlu diversi biċċiet ta' art fl-Iskema tal-Bini ta' Ħal Qormi. L-areas mitluba mill-pubbliku jidhru f' Mappa Nru. 89 f' dan il-Pjan.

MEPA — Applikazzjonijiet għal żvilupp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-MEPA għall-applikazzjonijiet għal żvilupp f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament (l-ISC għaliha)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Applikazzjoni għall-bini ta' beach rooms

Question

Jista' id-dipartiment tal-biedja jestendi l-appoġġ tiegħu fil-kwestjoni u cioe' għat-talba tar-residenti fil-Mellieħa li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li saru diversi diskussjonijiet u spezzjonijiet minn-naħa tad-Dipartiment tal-Biedja fuq is-sit b’ kunsultazzjoni mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex kemm hu possibbli r-raba maħdum ma jitteħidx għall-proġett tal-kmamar fil-Marfa, kif indikat fil-Pjan ta' Azzjoni.

Burmarrad — Raba tal-bdiewa

Question

Jista' il-Ministru jestendi l-għajnuna fil-każ li qed jintbagħat separatament, sabiex tiġi salvata r-raba f'Burmarrad tal-bdiewa ta' l-inħawi u taz-zona rurali? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza tad-dipartiment ta' l-agrikoltura dwar it-talba tiegħi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-art li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant hija meħtieġa sabiex isiru xogħolijiet biex jiġi ddevjat l-ilma tax-xita sabiex ma terġax issir ħsara fir-raba fl-inħawi, kif sar fil-maltempata tas-sena l-oħra. L-art intgħażlet bi qbil ukoll mal-uffiċjali tekniċi mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.

Burmarrad — Raba tal-bdiewa

Question

Jista' il-Ministru jara li d-dipartiment ta' l-ambjent jestendi l-għajnuna sabiex tiġi salvata r-raba f'Burmarrad li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 6919.

Bdiewa tal-ħaxix frisk

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6815, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istandards li l-bdiewa jridu jkunu konformi magħhom? Jista' jinformani min hu l-uffiċjal li jista' jiċċertifika li l-prodott huwa organiku? Jista' ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istandards stabbiliti għaċ-ċertifikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-istandards li jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma r-regolamenti stess li huma mniżżlin fir-regolament EC 2092 ta' l-1991 li jitratta l-agrikultura organika. Dan minnu nnifsu huwa Manwal ta' Produzzjoni fuq l-Agrikultura Organika li jiddiskrivi dak kollu li jista' u ma jistax isir fl-Agrikultura Organika. Bħala risponsabbilta' għaċ-ċertifikazzjoni, din taqa' taħt il-Malta Standards Authority, u għalhekk nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.