Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sta. Luċija — Arblu tad-dawl

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28109 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tara li jitneħħa arblu li jinsab fit-triq bejn Trejqet iż-Żahar u Post il-Gladjoli, Sta. Luċija fejn qed nibgħat separatament petizzjoni li saret mir-residenti ta' dan il-lokal?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Ġustizzja u Intern — Nefqa fuq petrol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, ta' l-uffiċjali biss, (eskluż l-użu ġenerali) separatament matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jgħid liema uffiċjali huma ntitolati għal petrolimħallas mill-gvern fl-istess perijodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni rrappurtati nieqsa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa din is-sena u x'eta' kellhom? Kemm minn dawn instabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena s'issa ġew irrapurtati nieqsa 244 persuna li wara instabu kollha, għajr għall-tlieta ta' nazzjonalita' barranija. L-iżgħar fost il-persuni irrapurtati nieqsa kien ta' seba' snin u l-akbar kien ta' seba' u tmenin sena.

Bomb hoaxes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' bomb hoaxes din is-sena u fejn saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, il-Pulizija kellha tletin rapport ta' bomb hoax, kif jidher hawn taħt:- Balzan 1 Pieta’ 3 Valletta 8 Fgura 1 Rabat 1 Xagħra 1 Gżira 2 San Ġiljan 2 Żabbar 1 Kirkop 1 Santa Venera 1 Żejtun 1 Mosta 1 Sliema 1 Pembroke 1 Swieqi 3

Sewwieqa taħt l-influwenza tax-xorb

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sewwieqa li nqabdu jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Fl-istess żmien kemm twaqqfu sewwieqa u ġew mitluba jagħmlu l-breathalyzer test?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru 2007, kien hemm 70 persuna li nstabu li kienu qed isuqu vettura taħt l-influwenza tax-xorb, filwaqt li b'kollox kien hemm 111 sewwieqa ta' vetturi, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv.

Queen's Head Pub

Question

Qed jaslulna diversi lmenti minn residenti fi Triq it-Tamar u tal-madwar fuq bar bl-isem, Queen's Head Pub. Allegatament, dan il-bar qed jibqa' miftuħ wara s-siegħa ta' filgħodu u barra mill-istorbju li jiġġenera barra bħal dan, qed ikun hemm mużika amplifikata qawwija li qed tkun ta' inkonvenjent u dwejjaq lir-residenti msemmija. Jidher li saħansitra nkitbu ittri lill-Prim Ministru (18-9-06) u lill-Kummissarju tal-Pulizija (9-3-07) dwar dan. Jista' l-Viċi Prim Ministru għalhekk jinfurmani x'passi ttieħdu s'issa u x'passi ser jittieħdu fil-futur qrib biex sid dan il-bar jinġieb konformi mal-liġi u ma jkunx aktar ta' inkonvenjent għal dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27569.

Inħawi ta' Buġibba — Moskeja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawli l-Baħar hemmx xi post reġistrat mal-pulizija biex jintuża bħala moskeja għat-talb? Jista' jgħid jekk il-pulizija qattx irċeviet ilmenti minn ġirien ta' post li jintuża għalhekk f'ħinijiet differenti tal-ġurnata? Jista' jgħid x'passi konkreti ħadet il-pulizija dwar dawn l-ilmenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma tirreġistrax postijiet sabiex jintużaw bħala postijiet għat-talb. Infurmat ukoll illi dan l-aħħar saru lmenti mal-Pulizija illi fi flat ġewwa Buġibba kienu qed jiltaqgħu persuni ta' nazzjonalita' barranija sabiex jitolbu. Is-sitwazzjoni qed tiġi monitored, ħalli jekk ikun hemm ksur ta' liġi, jittieħdu l-passi meħtieġa.

Ġustizzja u Intern — Taxxi, tariffi u miżati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2007? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja d-dekasteru tiegħi ninsab infurmat kif ġej:- Għar rigward tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, ġie ppublikat Avviż Legali (A.L. 83 ta' l-2007) li permezz tiegħu id-Dipartiment jista' jitlob ħlas għall-produzzjoni ta' mappa ta' xi lokalita' kif ġej: a) ħlas ta' Lm17 għal kull mappa żejda (jiġifieri barra minn dik li tingħata bla ħlas lill-Kunsill meta jsir l-inventarju tiegħu) mitluba minn Kunsill Lokali; b) ħlas ta' Lm43 għal kull mappa mitluba minn xi Dipartiment tal-Gvern jew xi entita' tal-Gvern; u c) ħlas ta' Lm86 għal kull mappa mitluba minn kull entita' privata oħra.

Schengen (SISII)

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li wara li ġiet imported l-istop list tas-Schengen (SISII) qegħdin jinqalgħu problemi tekniċi li bihom qegħda teħel is-sistema tal-computers fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bil-konsegwenza li l-passiġġieri ta' pajjiżi terzi mhux qegħdin jinqdew b'effiċjenza?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega fi tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, is-sistema SIS II għadha ma ġietx introdotta. Din ser tkun lesta sa l-aħħar ta' Diċembru 2008. Pero', ninsab infurmat illi mill-1 ta' Settembru li għadda, bdiet titħaddem is-sistema SISoneforAll. Sa fejn huwa magħruf din is-sistema qed taħdem pjuttost tajjeb. Pero' ġie identifikat difett tekniku fl-apparat li qed tkun indirizzat. Ma jirriżultax li qed ikun hemm xi dewmien għall-passiġieri ta' pajjiżi terzi.

Schengen — Software

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern Taljan offra s-sistema kompleta tas-software tax-Schengen b'xejn iżda l-Gvern għażel li jixtri s-sistema mingħand il-Portugiżi bi ħlas? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa s-sistema?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sistema magħrufa bħala SISoneforAll ingħatat mingħajr ebda ħlas mill-Gvern Portugiż lill-pajjiżi kollha li qed jaspiraw li jidħlu fiż-żona Schengen fit-tkabbir li jmiss, ovvjament inkluża Malta. Apparti s-software inniffsu, kull pajjiż ingħata wkoll għajnuna teknika mill-Gvern Portugiż biex jiġi assigurat li din is-sistema taħdem sew. Il-Gvern Taljan ta lill-Korp tal-Pulizija sistema totalment separata, relata max-xogħol ta’ dak li hu magħruf bħala SIRENE Office li ġie mwaqqaf dan l-aħħar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kif ukoll is-sistema l-oħra magħrufa bħala N.SISII. Dawn iż-żewġ sistemi wkoll ingħataw bla ħlas.

Każ umanitarju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-talba dwar każ umanitarju ta' anzjan b'diżabilita` mill-Birgu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jħallas bin-nifs kont pendenti minħabba li m'għandux meżżi soċjali u finanzjarji biex iħallas il-kont kollu f'daqqa', tigi milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jindikali għal liema tip ta' kont qed jirreferi.

Msida — Triq C. De Brockdorff

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatajt mill-Ministru Mugliett dwar art fi Triq C. De Brockdorff, Msida jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li tiġi esproprijata l-art in kwestjoni, u jekk iva meta mistenni jsir dan?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta' l-Artijiet jesproprija art meta jkollu talba biex jagħmel dan minn xi Dipartiment jew Entita' tal-Gvern. Ninsab infurmat illi fil-preżent id-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu l-ebda talba pendenti biex jesproprija art fi Triq C De Brockdorff, Msida.

Visas — Ċittadini mis-Senegal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' visas li ħarġu matul dawn l-aħħar snin sena b'sena għal ċittadini mis-Senegal f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli l-informazzjoni mitluba hi kif jidher hawn taħt:- Sena 2004 2005 2006 2007* Numru ta' visa 7 7 9 2 *sat-30.09.07

Persuni minn Senegal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Senegaliża li fil-preżent huma residenti f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju Elettorali illi fil-preżent hawn tlett persuni ta' nazzjonalita' Senegaliża li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap. 258).

Refuġjati minn Senegal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Senegaliża li fil-preżent jinsabu refuġjati f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru tan-nies li qalu li huma mis-Senegal u li applikaw għall-status ta' refuġjat mill-1 ta' Jannar 2002 sat-18 ta' Ottubru 2007 hu ta' sitta. Ħadd minn dawn ma ġie rikonoxxut bħala refuġjat jew ingħata protezzjoni umanitarja.

Ċentru ta' detenzjoni — Senegaliżi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Senegaliża li fil-preżent jinsabu fiċ-ċentru ta' detenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li jinsabu f'ċentri ta' detenzjoni u li ddikjaraw li kienu ta' nazzjonalita' Senegaliża mal-wasla tagħhom f'Malta hu ta' 21

Senegaliżi f'Kordin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Senegaliża li fil-preżent jinsabu fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fid-19 ta' Ottubru 2007 ma hemm l-ebda priġunier ta' nazzjonalita' Senegaliża ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin.

Ġustizzja u Intern — Repair and upkeep

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża separatament għal repair and upkeep li saret mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Moħqrija ta' annimali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies l-qorti fuq moħqrija ta' annimali din is-sena? X'kienet l-abbuż u x'weħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, il-Pulizija ressqet għaxar persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' moħqrija fuq annimali. Minn dawn, każ wieħed ġie deċiż fejn il-persuna instabet ħatja u ġiet immultata Lm100. Il-każijiet l-oħrajn għadhom pendenti.