Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' għas-saħħa u s-sigurta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq li sar matul is-snin 2002 u 2003 mill-awtorita' għas-saħħa u s-sigurta' u kif inhu ppjanat li jintnefaq il-vot ta' Lm290,000 għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u ser tkun parti mir-rapport annwali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li kopja tiegħu ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif jitlesta.

Lukandi — Ħaddiema

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex jitħarsu ħaddiema f'lukandi fejn m'hemmx unions li ilhom ix-xhur ma jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg jagħmlu spezzjonijiet regolarment fuq postijiet tax-xogħol biex jivverifikaw li jkun qed jiġu osservati l-provedimenti tal-liġi dwar l-Impieg u r-Relazzjonijiet Industrijali. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ speċifiku ta’ ħaddiema li ilhom ma jitħallsu, nitolbu jgħaddili din l-informazzjoni, anki b’mod kunfidenzjali, biex id-Dipartiment imsemmi jkun jista’ jinvestiga.

Aġenzija Appoġġ — Għajnuna lil nies bi problemi ta' separazzjoni

Question

Jidhirlu l-Ministru li mhux sew li l-aġenzija Appoġġ tidderiġi nies fi kwestjonijiet ta' separazzjonijiet għal xogħol privat lill-avukat tagħha? Jidhirlu l-Ministru li jekk il-liġi tal-familja tgħaddi kif proposta barra li nkunu qed inreġġgħu l-arloġġ lura sekli, dan l-abbuż jista' jiżdied? Xi provvedimenti beħsiebu jieħu biex jassigura li dan ma jseħħx? Ma jidhirlux il-Ministru li għandu jorbot lill-avukati ta' l-appoġġ jew id-ditti ta' fejn jaħdmu li me jieħdux xogħol privat f'dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija Appoġġ qatt ma tirreferi klijenti għal xogħol privat għand xi avukati speċifiċi wisq anqas għand l-avukati tagħha, iżda tħalli dan il-ġudizzju strettament f’idejn il-klijent. Ninsab infurmat ukoll li l-avukati li jagħmlu xogħol ta’ l-Aġenzija qatt ma jkunu nvoluti f’xogħol privat relatat mal-qasam ta’ ħidma soċjali li tipprovdi l-istess Aġenzija.

Appartamenti tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tħallas il-kera ġusta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna kkonċernata fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Ta' Xbiex — Appartament tal-gvern - Stallazzjoni ta' lift

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-lift fi block C2, Qasam tal-bini tal-gvern, Ta' Xbiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-lift biex jiġi nstallat fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ġie ordnat u fil-5 ta’ Novembru 2003 nħarġet l-ordni biex jinbeda x-xogħol.

Sigurta' Soċjali — Persuna li sofriet minn inċident

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiġi nvestigat mill-injury board peress li din il-persuna żviluppat ħsara fix-xewka ta' daharha wara inċident u xogħol repetittiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Persuna b'diżabilita' — Reserved parking

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir reserved parking quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-persuna in kwestjoni, li għandha blue sticker, ma tistax timxi fit-tul u żewġha wkoll huwa marid serjament??

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, u li għandha inqas minn Lm6,000 il-bank u hija miżżewġa u qed tistenna tarbija, mhux qed tingħata relief u lanqas għajnuna tal-mard, meta din ma taħdimx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Equal partners foundation

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid x’għajnuna ngħatat lill-Equal partners foundation li taħdem ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk hu jew xi ħadd mill-Ministeru tiegħu kellhomx xi laqgħat ma’ din l-istess Fondazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-diskussjonijiet bejn uffiċċjali tal-Ministeru u l-Equal Partners Foundation dwar ftehim ta’ għajnuna għal din il-Fondazzjoni jinsabu fi stat avvanzat. Meta dawn ikunu konklużi, nkun f’pożizzjoni li nagħti dettalji ta’ l-għajnuna lill-Fondazzjoni marbuta ma’ dan il-ftehim.

Appartamenti tal-gvern — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid dawk il-persuni li joqogħdu ġo flat tal-gvern bil-kera u dawk li xtraw flat tal-gvern x'perċentwal tal-valur tal-lift iridu joħorġu meta dan jiġi stallat ġol-blokk tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ tad-Djar ma titlob ebda ħlas għal installar ta’ lift taħt Skema V mill-inkwilini tal-blokk li jkunu b’kera. L-inkwilini fil-blokk li jkunu sidien ta’ l-appartament tagħhom jintalbu jħallsu 50% tal-ammont tas-sehem tagħhom. Dan is-sehem ikun parti waħda minn numru ta’ appartamenti fil-blokk (1/Nth).

Awtorita' tad-djar — Ħsarat f'appartament

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jintbagħtu persuni biex jaraw jistgħux jiġu rranġati xi ħsarat li żviluppaw ġewwa flat mikri mingħand il-housing li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ghaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar ghall-azzjoni mehtiega.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-wens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, twaqqfitilha l-pensjoni tal-wens meta din kienet għadha ħajja u kienet tieħu ħsieb ommha; inkluż tamministralha l-mediċini billi kienet għamja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Organizzazzjonijiet volontarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huwa ppjanat li jiġu mogħtija appoġġ mill-fondi vvotati fil-Budget għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-bidu ta’ kull sena jinħatar Kumitat apposta biex jagħtini parir dwar l-allokazzjoni tal-fondi provduti fl-Estimi Ġenerali għall-organiżżazzjonijiet volontarji wara li jikkunsidra l-project documents sottomessi minn dawn l-organiżżazzjonijiet. Għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid liema huma l-organiżżazzjonijiet li ser jirċievu flus mill-fondi vvutati għas-sena d-dieħla.

EU Pre-accession programmes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-EU Pre-Accession Programmes fis-sena 2002 u fis-sena 2003 u x'se jkunu għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett taħt il-programmi ndikati mill-Onor. Interpellanti matul l-2002 u l-2003 li jikkonċerna l-Ministeru għall-Politika Soċjali kien jirrigwarda l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol u kien jinkludi twinning project ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi, li ġie konkluż f’Jannar li għadda. Matul is-sena d-dieħla mistenni jitkompla l-proġett ta’ tisħieħ tal-kapaċitajiet ta’ l-Awtorita’ kif ukoll jinbdew żewġ proġetti oħra. Wieħed biex ittejjeb il-kapaċita’ amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm EQUAL u l-ieħor biex jibni l-kapaċita’ amministrattiva u teknika tal-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Drogi, Alkoħol u Dipendenzi Oħra biex din tkun tista’ tipparteċipa b’mod attiv u effettiv bħala l-focal point nazzjonali fil-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA).

Vot ESF Equal Programme

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhuma l-programmi u l-inizjattivi li jaqgħu taħt il-Vot ESF Equal Programme u li ġie vvotat Lm71,000 għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vot li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti hu ntiż biex ikopri l-finanzjament tal-programm ta’ l-Unjoni Ewropea msejjaħ ‘EQUAL’ għas-sena d-dieħla. Dan il-programm hu maħsub biex, b’ideat u proġetti nnovattivi, jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza fil-qasam tax-xogħol. L-EQUAL ilaqqa’ flimkien nies u organiżżazzjonijiet, kemm lokali kif ukoll barranin. Dan il-programm jestendi fuq perjodu ta’ tlett snin u ser ikun iffinanzjat 75 fil-mija mill-Unjoni Ewropea u 25 fil-mija mill-Gvern Malti. Il-proġetti li ser jagħmlu parti minn dan il-programm għadhom qegħdin jiġu mħejjija u aktar ‘il quddiem ser ssir konsultazzjoni dwarhom ma’ dawk interessati foshom mas-sħab soċjali.

Refugee fund

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-Refugee Fund?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-allokazzjoni ndikata bħala ‘Refugee Fund’ li tidher taħt il-Vot tal-Ministeru għall-Politika Soċjali fl-Estimi għas-sena d-dieħla, din l-allokazzjoni hi ntiża biex tagħmel tajjeb għal spejjeż dwar persuni li jitolbu status ta’ refuġjati meta dawn ma jkunux f’ċentru ta’ detenzjoni.

Child care centre

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex intnefqu l-Lm100,000 li s-sena li għaddiet kienu ġew ivvotati għal support lil ġenituri fuq l-ispejjeż ta' child care centre?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-awtoriżżazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi dan il-bilanċ ġie trasferit għal voti oħra taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali, fosthom l-Aġenzija Appoġġ u s-Supported Living.

Ħal Tarxien — Triq Alfier de Medran - social housing project

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet li kien hemm għal social housing project fi Triq Alfier de Medran, f'Ħal Tarxien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvilupp indikat mill-Onor. Interpellant wara li l-applikazzjoni relatata ma’ dan l-iżvilupp, li ġiet sottomessa lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ġiet rifjutata.