Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pilloli Lescol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' kostitwent minn San Gwann li llum 6.07.07 mar l-Outpatient Dispensary fl-Isptar San Luqa sabiex jikseb pilloli Lescol 20mg jew 40 mg u qalulu biex jew jixtrihom hu jew inkella jerġa' jittawwal wara xahar għax kienu out of stock?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Fluvastatin 40mg kienet out of stock mill-ispiżerija ta' l-Out Patients sptar San Luqa minħabba li kienet out of stock ukoll mill-Government Pharmaceutical Services bejn it-22 ta' Ġunju u l-5 ta' Lulju. Sabiex ikomplu jinqdew il-pazjenti, ingħataw l-ammont ekwivalenti fid-doża ta' 20mg fejn l-istokk ġħie eżawrit fil-5 ta' Lulju wara siegħa u nofs. Stokk ġdid ta' Fluvastatin 20mg u 40mg ġie mqassam mill-Government Pharmaceutical Services fis-6 ta' Lulju wara nofs in-nhar; jiġifieri l-Ispiżerija ta' l-isptar San Luqa kienet mingħajr stokk taż-żewġ dożi għal inqas minn ġurnata. Hi proċedura li meta ma jkunx hemm xi mediċina fl-ispiżerija, il-pazjent jingħata karta bid-dettalji ta' l-Ispiżerija sabiex iċempel ftit ġranet wara jekk ikunx wasal l-istokk.

Mediċina Oxaliplatine

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26752 jista' l-Ministru jara għalfejn il-mediċina Oxaliplatine qed tkun out of stock u l-pazjenti ta' Boffa Hospital qed ikollhom jixtruha bil-prezz ta' Lm3.75 il waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Oxaliplatine ġiet approvata biex tkun inkluża fil-formularju f'April 2007. L-ewwel tender għax-xiri ta' din il-mediċina kien inbeda immedjatament iżda t-tender għadu fil-proċess (jagħlaq f'nofs Awissu 2007). Sadanittant biex il-pazjenti jibbenefikaw minn din il-mediċina minnufih, saru żewġ ordnijiet sakemm it-tender jidħol fis-seħħ. Dawn l-ordnijiet huma restritti b'regolamenti ta' limitu finanzjarju. L-ewwel ordni waslet fit-18 ta' Mejju 2007 u fil-11 ta' Lulju 2007 waslet l-ordni l-oħra ta' Oxaliplatine, liema ordni diġa ntbagħtet l-isptar Sir Paul Boffa.

Psikologi fl-isptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hemm psikologi jaħdmu fl-Isptar San Luqa u kemm ser ikun hemm fl-Isptar Mater Dei?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar San Luqa jintużaw is-servizz ta' sitt (6) Psikoloġi Kliniċi (Clinical Psychologist) u żewġ (2) Counselling Psychologist fuq bażi part-time, liema uffiċjali qegħdin fuq il-payroll ta' l-Isptar Monte Karmeli. Fl-Isptar Mater Dei, in-numru ta' Psikoloġi li jagħtu servizz sejjer jibqa l-istess.

Sptar San Luqa — Karozzi clamped

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26452 jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm daħħal il-gvern jew id-Diviżjoni tas-Saħħa meta 3489 karozza ġew clamped fl-Isptar San Luqa? Kemm kien l-ammont totali mħallas lill-kumpanija u kemm minnhom tħallsu lid-Divizjoni tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern u d-Diviżjoni tas-Saħħa ma jdaħħlu l-ebda flus mill-clamping tal-karozzi fl-Isptar San Luqa.

Pazjenti morda bil-kanċer — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna qed jagħti l-gvern lill-pazjenti morda bil-kanċer li jingħataw il-mediċinali 'Perceptin' li tiswa Lm1,065, kull darba? Hemm il-ħsieb li l-gvern jgħin iżjed lil dawn il-morda peress li l-prezz qawwi ta' din il-mediċinali jfisser li ħafna pazjenti ma jaffordjawhiex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-mediċina Herceptin. Ninforma lill-Onor Interpellant li sa llum il-mediċina Herceptin mhix waħda minn dawk il-mediċini fil-formularju approvata għat-trattament tal-kanċer.

Ċerimonja tal-ftuħ ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa min-naħa tad-dekasteru tiegħu għaċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa f'overtime tal-ħaddiema li ħadu parti fiċ-Ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju 2007fl-isptar Mater Dei għadhom qegħdin jiġu verifikati mal-attendenzi. L-informazzjoni ser tittpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra la darba tkun lesta.

Msida — Ġrieden

Question

B'referenza għat-tweġiba preċedenti għal mistoqsija parlamentari 26527dwar razzett f'Misraħ il-Barrieri l-Imsida, li qed iwassal għal ħafna ġrieden fl-akwati, ma jaħsibx il-Ministru li l-gvern għandu l-mezzi biex jidentifika s-sid tar-razzett indikat kif ukoll li jitnaddaf ir-razzett biex ma joħorġux aktar ġrieden? Jista' flimkien ma' l-awtoritajiet l-oħra kompetenti jirrikkmanda li titwaqqa' parti minn dan ir-razzett li tokkupa u tiżgombra aktar minn nofs it-triq, li wara kollox hi proprjeta' tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba fuq l-istess suġġett kienet ġiet riferuta f'Mistoqsija Parlamentari 26527. Għalkemm sid il-font indikat għadu mhux magħruf, ittieħdet azzjoni legali minn naħa ta' dan id-dipartiment kontra minn tefa' ż-żibel f'dan il-fond. Il-każ għadu sub-judice. Kif kien ġie mwied fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 26527, il-ħaddiema tal-Pest Control fir-reġjun għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-4 ta' Ġunju u fit-2 ta' Lulju. Minn meta din is-sezzjoni rċeviet dan l-ilment s'issa saru erba' trattamenti ntensivi f'din iż-żona u din iż-żona sejra tibqa tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni. Dwar possibilita' ta' twaqqiegħ u żgumbrar, inħoss li tali mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-isptar Zammit Clapp hemm 7 ħaddiema li għalqu -il 61 sena: tnejn għandhom 61, tnejn għandhom 62, tnejn għandhom 63, wieħed għandu 64. Fl-isptar Zammit Clapp hemm min għandu extension on a month-to-month basis waqt li oħrajn impjegati fuq part time basis. Dawn il-persuni ma jinkludux nies li huma fuq il-Hospital Management Committee jew impjegati bħala konsulenti. Dawn il-kuntratti ġew estiżi minħabba l-esiġenzi tal-isptar, tal-esperjenza tagħhom u minħabba li dawn il-persuni kollha huma b'saħħithom. L-Awtorita' dwar il-Mediċini għandha magħha żewġ Medical Assessors impjegati b'kuntratt definit. Dawn għandhom 72 u 73 sena. Il-kuntratti tagħhom jagħlqu wieħed f'Mejju 2007 u l-ieħor f'Ġunju 2007.

Saħħa, Anzjni u Kura fil-Komunita' — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fuq bażi part time jew bil-kuntratt matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu, 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, li m'humiex uffiċjali pubbliċi, min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu? Jista' jgħid, jekk il-kuntratt ta' dawn l-impjegati hux definit u għal kemm perjodu f'każ li fl-affermattiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Xogħol sub contracting

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus ix-xogħol li sar permezz ta' sub contracting mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separtament u xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għal dan ix-xogħol ħarġitx tender fejn kien hemm bżonn u min kien il-kuntrattur f'kull każ li ngħata x-xogħol u kemm kien l-ammont separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Meta jkun stabbilit li kuntrattur jista' jagħti xogħol ta' subcontracting, allura l-Ministeru jew dipartiment konċernat mhux bilfors ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għar-raġuni li d-dritt tas-subcontracting jemani mill-istess kuntratt. Jekk l-Onor Interpellant irid informazzjoni fuq xi każ partikolari u / jew qed jirreferi għal l-għoti ta' kuntratti pjuttost mill-subcontracting, allura huwa mitlub jiċċara u jerġa jissotometti mistoqsija parlamentari oħra.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct ordersmatul Jannar, Frar u Marzu 2007 mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul Jannar, Frar u Marzu 2007 ingħataw dawn id-direct orders kif ġej: Deskrizzjoni Kuntrattur Valur Lm Refurbishment ta' TDxFLx Analyzer V. J. Salamone Marketing Ltd 7,421.37 Translokazzjoni tal-Packaging Machine mic-CSSD, SLH għal Sptar Mater Dei AG Packaging System Ltd 2,655.00 Mounting Brackets għall-Monitors għall-Sptar Mater Dei Associated Equipment Ltd 17,049.19 Portable Reverse Osmosis Units Associated Equipment Ltd 22,241.59 Qty 13 - 12 month Bonded Carbon Glutarldehyde & Opa filters Associated Equipment Ltd 3,443.73 Xiri ta' Gammex Test Objects għall-Medical Imaging Department, Sptar Mater Dei Technoline Ltd 3,929.68 Xiri ta' Quality Assurance Items għall-Medical Imaging Department, Sptar Mater Dei Southern Scientific Ltd, USA 15,428.31 Implants għall-operazzjonijiet tal-Ortopedija Synthes Ltd, UK 3,805.62 Xiri ta' Qaulity Assurance Objects Substitute Materials għall-Medical Imaging Department, Sptar Mater Dei Barts and the London NHS Trust 5,022.81 Refurbishment ta' Maquet Operating table columns Pharma-Cos Ltd 15,703.80 Xogħol fl-entratura tal-foyer SVPR Omnitec Ltd 3,597.22 Landscapping f'SVPR Derek Centre 7,311.20 Xogħol ta' tindif ġewwa SVPR Mr Clean Ltd 6,943.70 Spare parts għall-equipment li hemm SVPR Tetrako Ltd 6,490.00 Tindif tal-ġonna ġewwa SVPR ELC 14,160.00 Smantellar ta' chillers and ductwork Panta Marketing 5,788.00 Total parental nutrition bags Baxter Healthcare Ltd - UK 50,248.78

Tfal diabetiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi jiġu offruti mill-istat lill-pazjenti diabetiċi tfal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninfurmak li s-servizzi b'xejn offruti lit-tfal bid-Dijabete jinkludu: - servizz professjonali minn tobba u konsulenti - servizz professjonali minn dietician u podolġisti - programm ta' edukazzjoni u informazzjoni dwar il-kundizzjoni tad-dijabete u l-kura tagħha lit-tfal u l-ġenituri minn tobba u diabetes education nurse - servizz ta' psikologa għall-ġenituri u t-tfal - mediċini għall-kura tad-dijabete - testijiet tad-demm u urina skond il-bżonn - strips għall-moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm - summer camp li jiġi organiżżat darba fis-sena flimkien mal-Għaqda Maltija Kontra id-Dijabete - SKA allowance lill-ġenituri jekk jikkwalifikaw - kartuna roża- mediċini kollha fuq il-formalarju

Sptar San Luqa — Testijiet fuq pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk isirux testijiet tad-demm, ECG u chest x-ray bħala rutina fuq kull pazjent li jingħata loppju ġenerali fl-Isptar San Luqa, irrispettivament mill-eta' ta' l-individwu? Nista' ningħata wkoll tagħrif dwar kemm tlaħħaq l-ispiża fis-sena biex isiru dawn it-testijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-testijiet li jsiru fuq il-pazjenti jsiru meta jintalbu klinikament u mhux b'rutina. Numru ta' sorsi awtorevoli jindikaw li r-relevanza ta' dawn it-testijiet dejjem qegħda tonqos. L-ispiża ta' dawn it-testijiet ma tistax tingħata għaliex ma tinżammx informazzjoni separata għal kull każ iżda tinżamm informazzjoni b'ċifra globali.

Marda Fibromyalgia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-marda Fibromyalgia hijiex rikonoxxuta mill-gvern? Kemm hawn minnha Malta? X'tip ta' benefiċċju għandhom? X'tip ta' pilloli jieħdu għaliha? Hemm kumpens għaliha? Qatt il-gvern bagħat persuni għall-kura barra l-pajjiż? Jekk iva, kemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fibromyalgia hija kundizzjoni li ma hawnx kura speċifika għaliha. Mediċini li jintużaw biex itaffu s-sintomi ta' din il-kundizzjoni jinkludu pilloli għal uġieħ, tricyclic antidepressants, selective serotonin reuptake inhibitors u anti-seizure drugs. Il-fibromyalgia mhix inkluża fil-lista tax-Schedule V. Għaldaqstant il-pazjenti huma ntitolati biss għal dawn il-mediċini li jistgħu jinkisbu fuq il-kartuna r-roża bħal ma huma l-amitriptyline, fluoxetine, paroxetine, diazepam, paracetamol, ibuprofen, codeine. Ma jeżistux studji li jiddeterminaw preċiż il-frekwenza tal-fibromyalgia f'Malta. Qatt ma ntbagħtet xi persuna għal kura barra minn Malta.

Nefqa għall-open day fl-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min-naħa tad-dekasteru tiegħu kemm kienet in-nefqa u jagħti breakdownta' din in-nefqa inkluż rati mħallsa lill-ħaddiema li ħadu parti għall-open days li saru f'Mater Dei fit-30 ta' Ġunju, 2007 u l-1 ta' Lulju, 2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa f'overtime tal-ħaddiema li ħadu parti għall-Open Days li saru f'Mater Dei bejn it-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2007 għadhom qed jiġu verifikati mal-attendenzi.L-informazzjoni ser tittpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra la darba tkun lesta.

Nfiq fuq reklamar ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tlett xhur, min-naħa tad-dekasteru tiegħu kemm kienet in-nefqa f'reklamar dwar l-isptar Mater Dei fuq it-televiżjoni, radjijiet, gazzetti, magazines, billboards, eċċ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.

Mediċina Omerprazole

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Omerprazole 20mg hija out of stock? Kemm ilha out of stock? Meta se tkun available fl-ispiżeriji tal-gvern? X'qed jiġu offruti l-pazjenti li huma eliġibbli għal mediċini b'xejn u huma ordnati li jieħdu din il-mediċina bħala kura għall-kundizzjoni tagħhom mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Omeprazole 20 mg waqgħet out of stock madwar ġimgħa ilu, minħabba żieda fil-konsum fi żmien meta s-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern kien hemm problemi waqt l-aġġudikar tat-tender, ta' natura regolatorja u ta' prezz. Is-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern qed jistennew ordni ġdida imminenti. Saret ridistribuzzjoni ta' l-istock bejn id-diversi sptarijiet u polikliniċi tal-Gvern sabiex il-pazjenti xorta jibqaw jinqdew kemm jista jkun f'dan il-perjodu fejn il-mediċina spiċċat out of stock.

Tfigħ ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru, in vista tal-fatt li għad li saru diversi rapporti lid-dipartiment konċernat baqa' nedempjenti u ma ħa l-ebda passi sabiex jara li ma jkun hemm l-ebda traskors ta' tfigħ ta' l-ilma fi Triq l-Imħar, Triq Ġulju, Triq il-Knisja fost toroq oħra f'San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li kull darba li ġie reġistrat xi lment dwar xi tfiegħ jew ħruġ ta' ilma, dan dejjem ġie investigat kontra dak li qiegħed jallega l-Onor. Interpellant u dejjem ittieħdu l-passi neċessarji skond il mertu tal-każ mill-ispetturi rispettivi tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Minn spezzjonijiet li saru mill-ispetturi tar-reġjun fil-5 ta' Lulju 2007 f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra nkluż dawk indikati jiġifieri Triq l-Imħar u Triq il-Knisja, ma ġie nnutat l-ebda ilma. Fir-rigward ta' Triq Ġulju f'Buġibba, l-ilma li kien nieżel mat-triq kien kawża ta' tiswijiet mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq main ta' l-ilma fi Triq Luigi Preziosi.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Salarji u Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra tac-chief executive officer ta' kull awtorita', fondazzjoni, korporazzjoni, kummissjoni, aġenzija, istitut u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

STI

Question

Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' STI - mard li jittieħed mis-sess? Jista' jgħid ukoll kemm mill-każi kienu jinvolvu nisa u rġiel u kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet rappurtati ta' STI fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena huma kif jidhru fit-tabella hawn taħt. It-tabella turi wkoll kemm mill-każijiet kienu jinvolvu nisa u rġiel u kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija. STI Totali (sal- 31/05/2007) Irġiel Nisa Mhux residenti* Chlamydia 26 18 8 - Gonorrhoea 28 22 6 2 Latent Syphilis 7 4 3 - Primary Syphilis 1 1 - 1 * In-numru ta' non-residents huma nklużi fit-total.