Fil-22 ta’ Frar 2002, f’In-Nazzjon deher hekk:
Fl-Lulju 1986, rapport ta’ pataloġista Iain Eric West , il-kap tad-dipartiment tal- mediċina forensika ta’ l-Isptar Guy, jikkonkludi li l-fdalijiet fil-bir huma ta’ Lino Cauchi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma din l-asserzjoni. Jekk inġibdet din it-talli konklużjoni u jekk kien hemm indizju tant qawwi li kien sar delitt, x’kienet ir-raġuni uffiċjali li ebda maġistrat ma tqabbad fl-1986 biex jagħmel inkjesta fuq dan l-omiċidju? Minn kienu l-uffiċjal jew uffiċjali li naqsu li jieħdu d-deċiżjoni biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq il-qtil ta’ Lino Cauchi u mhux kellhom jgħaddu tliet snin oħra qabel ma l-Maġistrat David Scicluna għalaq l-inkjesta tiegħu fuq is-sejba tal-kadavru f’bir ġol-Buskett?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li mill-atti tal-Proċess Verbal ma jirrizultax li Iain Eric West qatt xi darba għamel xi rapport li fih ikkonkluda li l-fdalijiet misjuba huma ta` Lino Cauchi. Kien ħaddieħor, li ġie nominat speċifikament għal dan l-iskop u li rrapportaw dwar ir-rizultat f`April 1988. Wara li saru xi investigazzjonijiet ulterjuri u nstemgħu xhieda oħra bl-aħħar xhud jinstema` fl-1 ta` Marzu, 1989 il-proċess verbal ingħalaq għall-ewwel darba fl-20 ta` Marzu, 1989. L-inkjesta dwar l-għejbien u l-omiċidju volontarju ta` Lino sive Paul Cauchi ssoktat fuq talba ta` l-Avukat Generali b`rinviju tat-3 ta` Lulju, 1989.
Għalhekk ma nikkonfermax l-asserzjoni magħmula mill-Onorevoli Interpellant peress li l-fatti kollha allegati fl-interpellanza ma humiex korretti.
L-Avukat Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2002 kiteb hekk fil-Malta Today:
‘
The record has been referred back by my office to the magistrate conducting the inquiry several times’
Kemm il-darba sar dan il-referral back?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi l-proċess verbali ġie konkluz l-ewwel darba fil-20 ta` Marzu 1989. Sar rinviju fit-3 ta` Lulju 1989 u ġie rimess lill-Avukat Generali fil-21 ta` Ottubru 1996, reġa sar rinviju fit-23 ta` Jannar 1997 u ġie rimess lura fis-27 ta` Mejju 1997, reġa ġie rinvjat lura lil Maġistrat fis-7 ta` Awissu 2001 u ġie rimess lura fis 7 ta` Settembru 2001 u sar rinviju ieħor fis-26 ta` Ottubru 2001 u ġie rimess lura fis-16 ta` Novembru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-kunsill lokali jimpjega (I) security (II) Ġardinara sabiex jieħdu ħsieb ġonna fl-lokalita' tagħhom? Liema huma? Kemm jimpjegaw f'kull każ u kemm jirċievu għajnuna finanzjarja l-kunsill lokali rispettivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x-xogħol sar flimkien mal-Kunsill Lokali ġewwa r-raħal tax-Xagħjra għall-aċċess u użu tal-e-government u jekk kemm il darba ġiex stabbilit lok fejn dan jistgħa jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kunsill Lokali, bl-assistenza tad-Divizjoni tas-Saħħa, irnexxielu jikseb parti mill-Berġa tal-lokal għall-użu mill-Kunsill Lokali Xgħajra biex is-servizzi ta` l-e Government jiġu offruti lir-residenti minn post aktar ċentrali u milħuq minn kulħadd inkluzi persuni b`dizabilita`.
Il-Kunsill tax-Xgħajra issa qiegħed f`arranġamenti diretti mad-Divizjoni tas-Saħħa biex il-post jiġi arranġat aħjar biex jintuża bħala uffiċċju.
Bi pjaċir nirrota ukoll li l-Kunsill issa aċċetta li joffri s-servizz ta` l-e Government u nnomina l-e Councillor biex imexxi dan il-programm.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm fondi ġew allokati għall-kunsill lokali tax-Xgħajra mill-bidu tal-kunsill sal-lum inklużi il-fondi speċjali u elenkati sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32234 u cioe, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-liġi dwar il-Condomenia daħlitx fis-seħħ kollha kemm hi? Jista' jgħid wkoll jekk hemmx xi struttura li twaqqfet sabiex tirċievi lmenti u problemi fost dawk li jgħixu fl-istess block ta' appartamenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond l-Avviż Legali 160 ta' 2001, l-Att dwar il-Condominia daħal fis-seħħ kollu kemm hu fl-1 ta' Jannar, 2002.
Mhuwiex il-kompitu tal-Gvern li jifforma xi struttura biex jirċievi lmenti u problemi, pero' nħolqot sistema ta' reġistrazzjoni ta' amministraturi u regoli individwali fir-Reġistru ta' l-Artijiet li jkunu miftuħa għall-spezzjoni tal-pubbliku. Dan sar bl-avviż Legali 328 ta' l-2001 li wkoll daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 32231 jista' jinvestiga kif ingħata l-kuntratt tal-kunsill lokali għall-kiri tad-day care centre ta' l-anzjani f'San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
B`referenza għall-mistoqsija preċedenti ta` każi ta` interess pekunarju li ġew investigati mid-Dipartiment ninsab infurmat li meta d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali lesta r-risposta għalija ma kien rċieva ebda allegazzjoni li fil-għotja tal-kuntratt għall-kiri tad-Day Care Centre f`San Pawl il-Baħar, xi kunxillier li seta kellu interess pekunjarju ma ddikjarax dan u ħa parti fid-diskussjoni.
Wara li saret id-domanda parlamentari odjerna, minn stħarriġ li għamel issa id-Dipartiment jirrizulta mill-minuti approvati tal-Kunsilli li kien hemm dikjarazzjoni ta` interess pekunjarju u l-Kunsillier involut ma ħax parti fid-diskussjonijiet.
Jidher ukoll mill-minuti provduti li l-Kunsill segwa l-proċeduri kontemplati fir-Regolamenti tal-Kunsilli Lokali dwar l-offerti.
Għaldaqstant ma narax lok ta` investigazzjoni.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra s-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Silvio Meli bħala Chairman tat-Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta mogħtija fil-każ Carmelo Mifsud vs Motor Hearse Association?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex il-Mistoqsija Parlamentari hawn fuq msemmija jagħmilha lill-Ministru konċernat peress li t-Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta ma jaqax taħt il-Ministeru tal-Ġustiżżja u Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ser tiġi kkompensata peress illi hija rebħet kawża fil-Qrati Maltin li kienet tirrigwardja inġustizzja li twettqet fil-konfronti tagħha mid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi u Konstruzzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus li tħallset f'kera għall-bini li nkera għall-uża tal-Ministeru u jew tad-Dipartiment, kumpaniji, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru minn għand il-privat matul is-sena li għaddiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qiegħed nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba dwar l-ammont ta` kera li tħallset mill-Ministeru u mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Ma hemm ebda kumpaniji jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Entita` Ammont ta` Kera
Ministeru (Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti) LM1,000.02
Dipartiment (tal-Kunsilli Lokali) LM5,500
Oħrajn NIL
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet qed isir xogħol biex impjegati tal-Kunsilli lokali jħassru linji tat-traffiku inkluż li titneħħa l-possibilita' li turisti jittellgħu u jitniżżlu quddiem lukandi, eg. f'Tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din il-materja taqa' fir-responsabilta' tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u konsegwentement nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn gwardjani lokali s-sena l-oħra?
Fuq hiex kienu, fejn saru?
Kemm minnhom ġew preskritti u għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li s-sena l-oħra ġew preskritti 21,354 kontravvenzjonijiet tal-gardjani lokali u dan għaliex, primarjament, meta uffiċjal tal-posta iwwasal it-taħrika ma jsib `il ħadd fir-residenza ta` l-imħarrek. Irrid ngħid li minn din is-sena il-Kunsilli Lokali daħlu f`arrangament ieħor mal-kuntrattur sabiex it-taħrikiet li ma jaslux bil-posta jitwasslu mill-gwardjani lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlu flus kull kunsill lokali individwalment minn ċitazzjonijiet tal-gwardjani lokali s-sena l-oħra u kemm kienet l-ispiża ta' kull wieħed hux ingaġġaw lill-gwardjani lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar kemm daħħlu flus il-Kunsilli Lokali fis-sena 2001 miċ-ċitazzjonijiet tal-gwardjani lokali.
Rigward l-ispiża ta` kull Kunsill Lokali għall-ingaġġ tal-Gwardjani Lokali, kemm dan il-Ministeru kif ukoll id-Dipartiment ma jżommx din l-istatistika.
Jista' l-Ministru jirrispondi PQ 32181 u cioe, jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċess verbal dwar il-qtil tal-warden Fortuna Spiteri li ġara f'Għawdex fl-10 ta' Awissu 2001 ngħalaqx? In vista tal-fatt li l-Gvern diġa approva kumpens lill-familjari ta' żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew maqtula waqt il-qadi ta' dmirijiethom, jista' jikkunsidra li l-Gvern li tiegħu jifforma parti, jagħti anki kumpens pekunjarju lill-familjari tal-mejta?
Response (GATT, AUSTIN)
B'risposta għall-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari ta' l-Onorevoli Interpellant irrid ngħid li deċiżjoni dwar kumpens pekunjarju ma tistax tittieħed qabel ma tingħalaq l-inkjesta, għalkemm għandi dubbji serji kemm talba simili taqa' taħt il-"policy" viġenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet?
Kemm għat-tindif?
Response (GATT, AUSTIN)
Sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali għal dak li għandu x`jaqsam ma dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Tezor jippubblika aktar tard fis-sena u, għar-rigward ta` Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikulari tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid matul it-tliet snin li għaddew x'każi ġew investigati mid-Dipartiment tal-Kunsill Lokali għax irriżulta li kien hemm każi fejn xi sindku, viċi-sindku jew kunsillier ħa sehem f'xi votazzjoni fejn kellu interess pekunarju? X'kien dawn il-każi?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw il-persuni li preżentament qegħdin jaħdmu fl-arkivji tal-qorti f'Malta wara li spiċċa minn hemm il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li kellu esperjenza vasta u kien jgħin lil kullħadd u li ma nagħtax il-promozzjoni tiegħu li kien ġustament jixraqlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna li isimha intbagħat separatament, kien trasferit mill-Qorti fuq l-insistenza tiegħu stess. Din il-persuna stess kienet taħdem flimkien ma` uffiċċjal ieħor u għandi għaliex nifhem illi f`dan il-perjodu ngħata it-taħriġ neċessarju.
Tajjeb ukoll li jingħad illi hemm impjegat ieħor li ilu hemm mill-1998 u dan trawwem ma` l-impjegat li spiċċa mill-Arkivju. Impjegati oħra li hemm fl-Arkivju igħinu fix-xogħol ta` ġarr u ppustjar ta` volumi fuq l-ixkafef.
Naħseb tajjeb li ngħid ukoll illi s-sistema tal-Arkivji tal-Qorti ma hi fil-fatt sistema xejn għaliex ma hemm ebda organizazzjoni loġika tal-volumi. Konsegwentement, is-sistema hi biss f`mohh impjegat partikulari u tispiċċa malli jispiċċa hu.
Dan ċertament mhux il-mod kif għandhom jiġu organizzati arkivji u għalhekk tajt struzzjonijiet biex tinbeda ri-organizazzjoni tal-mod kif u fejn jinżammu l-volumi.