Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parti mill-Coast Road – triq mhux asfaltata

Question

Billi l-parti tat-triq li qabel kienet tifforma parti mill-Coast Road, matul is-salini tal-Melħ, fl-inħawi ta' qrib Kennedy Grove, għadha ma ġietx asfaltata u allura ma tistax tintuża għall-parking tal-vetturi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li din l-area tiġi hekk asfaltata, fl-interess ta' dawk li jkunu f'dawk l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija xogħlijiet huma fil-programm tax-xogħlijiet li għandhom isiru minn Transport Malta. Dawn ser isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Il-Qawra – Front — Arbli

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30521, billi qed jingħad li l-arbli tneħħew minn dawk l-inħawi u se jiġu mibdula b'dwal ġodda, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu verament mistenni li dawn id-dwal ġodda jkunu fuq il-post biex jiġu evitati problemi u diffikultajiet oħra, b'mod partikulari għal dawk li jkunu qed jimxu f'dawk in-naħiet, issa li qed joqrob is-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender biex jiġu stallati arbli dekorattivi ġodda tul il-promenade ta’ Buġibba u l-Qawra ġiet pubblikata u tagħlaq fis-17 ta’ Marzu 2017. Sakemm il-proċess jimxi mingħajr intoppi, hu mistenni li x-xogħol marbut ma’ din it-tender għandu jkun lest sal-aħħar ta’ Lulju 2017.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Fugass u Triq it-Tamar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Fugass u l-parti li suppost għandha ssir magħha, ta' Triq it-Tamar f'San Pawl il-Baħar u li suppost ix-xogħol fuqhom inbeda wara s-sajf 2016? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi raġuni partikulari li minħabba fiha x-xogħol indikat għadu ma nbediex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ex-ħaddiema tax-Xatt – somom tal-assigurazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23825, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħlas tas-somom tal-assigurazzjoni li ġew imwegħda lill-ex-ħaddiema tax-xatt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imħabbar fil-Baġit għas-sena 2017, il-Gvern alloka s-somma ta’ €8 miljun għat-twaqqif ta’ fond li minnu għandhom isiru l-ewwel ħlasijiet lil ex-ħaddiema tax-Xatt fost gruppi ta’ ħaddiema oħra. Il-Bord li twaqqaf biex jamministra dan il-fond qiegħed jitlaqqa’ u diġa’ għamel għadd ta’ konsultazzjonijiet meħtieġa. Dan sabiex eventwalment ifassal mekkaniżmu u proċeduri ġusti dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawn il-każijiet u kif għandhom isiru l-ħlasijiet b’mod trasparenti u kontabbli hekk kif ikun ippjanat.

Transport Malta – uffiċjal responsabbli minn xogħlijiet ta’ elettriku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għal xogħlijiet ta’ elettriku fi ħdan Transport Malta? Xi kwalifiki għandu, min qed jidħol responsabbli għal dawn ix-xogħlijiet? Dawn ix-xogħlijiet qed isiru minn ħaddiema tal-Awtorità jew minn ħaddiema tal-kuntrattur / ħaddiema self employed? F'każ li dawn ix-xogħlijiet isiru/saru minn kuntrattur / self employed, dawn ix-xogħlijiet jingħataw/ingħataw b'direct order, quotation jew tender? Kemm intefqu flus għal dawn is-servizzi, sena b'sena, mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 30146.

Transport Malta – ħatra ta’ Assistant Maritime Enforcement Officer

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30147, jista’ l-Ministru jikkonferma li min mela l-vacancy ta' Assistant Maritime Enforcement Officer ma għandu l-ebda familjari li ħadmu/jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta' Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li din il-pożizzjoni ma mtlietx minn persuna li għandha familjari jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta' Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta – żjara ġewwa Seoul għal World Road Congress — spiża

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30150, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża biex delegazzjoni mill-Ministeru u minn Transport Malta marret fuq żjara ġewwa Seoul għall-okkażjoni tal-World Road Congress kif ukoll jagħti d-dettalji kollha ta' kif saret din l-ispiża?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30150.

Kummissjoni tal-Grievances – każijiet li rrakkomandaw li ssir job evaluation

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30154, jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-29 każ li l-Kummissjoni rrakkomandat li għandu jsirilhom job evaluation? Meta ser jiġu konklużi dawn il-każijiet? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fir-rigward tal-każijiet kollha li ġew konklużi, saritx ġustizzja ma’ dawk kollha li kellhom ilment quddiem din il-Kummissjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-29 każ li ġew riferuti mill-Kummissjoni, issa ġew konklużi u l-impjegati konċernati ġew notifikati uffiċjalment bil-parir mogħti mill-konsulent indipendenti bil-fehma tiegħu dwar il-każ rispettiv tagħhom. Ma nħossx li huwa floku li nagħti lista ta’ ismijiet ta’ min kienu l-impjegati konċernati.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interperllant li l-ispiża fuq mobile phones mill-uffiċjali kollha fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura bejn April 2013 u Diċembru 2016 kienet ta’ €158,105.83. Fir-rigward ta’ spejjeż li saru fuq fuel għall-karozza tiegħi, t-total minfuq kien ta’ €1,149. Dan sar bejn April u Diċembru tas-sena 2013 peress li minn wara din id-data, cioe’ minn Jannar 2014 ‘l quddiem, bdiet tintuża electric vehicle.

Maintenance Manager u Executive Maintenance – bord tal-għażla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien iffurmat il-bord tal-intervista li saru għall-vakanzi ta' Maintenance Manager u ta’ Executive Maintenance? Xi kwalifiki, esperjenza diretta fuq ix-xogħol u grad kellhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema sezzjoni tal-maintenance qed jirrefri.

Transport Malta – Tariffa tal-Enforcement Officers

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li -l-Enforcement Officers ta’ Transport Malta li jintużaw biex jagħlqu t-toroq mill-kuntratturi u minn individwi, kellhom żieda fit-tariffa minn €14 għal €24 (VAT eskluża) mill-1 ta' Jannar 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li Transport Malta rrevediet it-tariffa tal-Enforcement Officers tagħha. Dan minħabba numru ikbar ta’ xogħlijiet u talbiet għas-servizzi ta’ nfurzar, li kien jirrikjedi li Transport Malta żżid n-numru ta’ uffiċjali għal dan l-iskop, u dan ovjament kien ifisser żieda f’iktar spejjeż għall-Awtorita’. Ta’ min wieħed iżid li l-kuntratturi mhux obbligati li jużaw is-servizzi tal-uffiċjali ta' Transport Malta iżda jistgħu jużaw dawk tal-Gwardjani Lokali jew tal-Pulizija li r-rati tagħhom ivarjaw.

Skema għall-konverżjoni għal-LPG- vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30397 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u ċioè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG sa minn meta din bdiet topera?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30398.

Tarxien – Triq is-Sorijiet – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-parti ta’ Triq is-Sorijiet, Tarxien (quddiem l-ex club tar-Rainbows, qabel il-bieb tal-ġenb tal-Iskola tal-Immaculate Conception) tiġi asfaltata mill-iktar fis peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tarxien – Triq il-Fieres – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Fieres, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tarxien – Triq Santa Tereża – xogħol fit-Triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq Santa Tereża, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Trasport pubbliku b’xejn għall-persuni li jagħlqu t-18-il sena

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30135, għalkemm kif qal il-Ministru li skema li ħareġ il-Gvern li kull min jagħlaq it-18-il sena matul l-2017 ikun jista’ juża t-trasport pubbliku b’xejn ħarġet fil-Bagit, jista’ l-Ministru jintervjeni biex tiġi estiża għal kull persuna li jkollha 18-il sena matul l-2017 u b'hekk jiġu mħeġġa aktar żgħażagħ jużaw it-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’ inżid mat-tweġiba li ngħata għall-Mistoqsija Parlamentari 30135.

Transport Malta – A3 Towers f’Raħal Ġdid — uffiċini ġodda - permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24219, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi relatati mal-uffiċini li qegħdin jintużaw preżentament minn Transport Malta fl-A3 Towers f’Raħal Ġdid? X'inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-permessi huma diġa’ pubbliċi .

Transport Malta – uffiċini ġodda — xogħlijiet

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24224, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-valur ta' kull tender/direct order għall-materjal, equipment u servizzi biex saru x-xogħlijiet relatati mal-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta ġewwa l-A3 Towers f’Raħal Ġdid peress li fir-risposta tiegħu ma qalx kemm hu l-valur ta’ kull direct order/tender?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Supplier Description Tender / Direct Order Value in Eur Invicta Office furniture Tender 83,422.60 BDI Ltd Office chairs Tender 19,816.87 Vivendo Projects Ltd Office furniture u flash doors Tender 38,401.00 Sirap Power Supplies Tender 8,798.00 Motive Services Generator Tender 19,520.00 Firetech Argonite system Tender 21,344.26 Stereo Vision CCTV system Tender 8,890.00 Faro Group Fire alarm system Tender 17,660.00 Firstil Antistatic raised PVC flooring Direct order 6,860.00

Transport Malta – A3 Towers fil-Marsa — uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'kemm ittardjat it-tlestija tal-uffiċini ta' Transport Malta li jinsabu fl-A3 Towers fil-Marsa? Kemm weħel penali min ħa l-kuntratt biex jikri dawn l-uffiċini lil Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda penali peress li d-dewmien ma kienx ikkawżat mis-sidien.

Transport Malta – ICT Department

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji privati li d-Dipartiment tal-ICT fi ħdan Transport Malta jagħmel użu minnhom kemm għall-provvista ta' servizzi kif ukoll prodotti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma li l-Onor. Interpellant li l-kumpaniji privati li d-Dipartiment tal-ICT fi ħdan Transport Malta jagħmel użu minnhom kemm għall-provvista ta' servizzi kif ukoll prodotti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.