Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ'Attard — Triq Ferdinand Inglott - asfaltar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 31,219, tas-seduta 588 tal-25.11.91 dwar Triq Ferdinand Inglott, f'Ħ'Attard, liema tweġiba kienet tgħid li din it-triq se tissewwa wara li jitlesta x-xogħol urġenti, jista' il-Ministru jgħid jekk wara 13-il sena din it-triq hijiex se tingħata wiċċ ta' tarmac tant meħtieġ? Kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mill-Awtorita` dwar it-Trasport, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. L-istima tax-xogħol f'din it-triq tkun tista' tiġi ppreparata meta x-xogħol ikun ser isir.

Ħaż-Żebbuġ — Triq is-Siġġiewi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq is-Siġġiewi li minn Ħaż-Żebbuġ twassal għas-Siġġiewi hijiex se tiġi rranġata? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda tikkonsidra jekk ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ikunx jista' jitwettaq taħt il-ħames protocol finanzjarju ma' l-Italja.

Sta. Venera — Triq Dun Frans Camilleri - Asfaltar

Question

Minħabba l-istat li tinsab fih u l-inkonvenjenza li qed toħloq lir-residenti, jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq Dun Frans Camilleri (n/s in Carini Str), St. Venera tingħata t-tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Paola — Triq Maria Addolorata

Question

Jista' il-Ministru jillumina lir-residenti ta' Triq Maria Addolorata f'Paola meta ser tiġi asfaltata stante l-istat ħażin ħafna u perikoluż ta' din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Kunsilli Lokali — Parkeġġi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li zoni ta' parkeġġ pubbliku (car parks) jiġu devoluti lill-kunsilli lokali bil-għan li ssir regolamentazzjoni dwar l-użu ta' dawn l-artijiet pubbliċi kif ukoll fir-rigward tat-tariffi li jitħallsu mis-sidien tal-vetturi lill-car park attendants li mhux dejjem wiehed jista' jagħmel distinzjoni bejn dawk li huma liċenzjati bħala car park attendants u dawk li m’humiex ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-regolamentazzjoni taż-żoni tal-parkeġġ u tal-Car Park Attendants hija funzjoni ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Għaldaqstant l-Awtorita' qed taħdem ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli bil-għan li dawn il-parkeġġi jkunu regolariżżati. Infurmat ukoll, li diġa ngħata taħriġ lill-Car Park Attendants liċenzjati mill-Awtorita', fejn ġew spjegati r-regolamenti li għandhom josservaw, l-uniformi li għandha tintlibes u ngħatat ukoll it-Tag il-ġdida maħruġa mil-istess Awtorita', li diġa bdew jintlibsu mill-Car Park Attendants liċenzjati. Proposti dwar l-immaniġjar ta' dawn iż-żoni qed jiġu diskussi ma l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u qed jiġu kkunsidrati l-aspetti legali w amministrattivi kollha li dan il-pass ikun jimplika.

Radju Marija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Radio Maria talabx liċenzja biex jiġi radju nazzjonali? Jikkonsidra l-Ministru li billi dan ir-radju għandu follow-up minn ħafna, speċjalment anzjani, għandux jikkonsidra li dan tinħariġlu l-liċenzja meħtieġa? Jekk le, x'inhu jżomm li din il-liċenzja tinħareġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Naxxar — Triq l-Imdina - Xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata mill-ġdid Triq l-Imdina, fin-Naxxar u dan wara li saru xogħlijiet fiha, liema triq tieħu sal-barriera taz-Ziza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tad-Drenaġġ għamlu xogħlijiet ta' storm water culverts u titjieb fis-sistema tad-drenaġġ f'din it-triq. Bħalissa waslu biex jitlestew d-diskussjonijiet bejniethom sabiex jaqsmu l-ispejjeż tar-resurfacing ta' din it-triq. Għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Dipartiment tat-toroq — Każ bil-file no. RD85/2000

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir il-ħlas dovut fil-każ RD85/2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda mixja bil-każ biex ikun iffinalizzat malajr kemm jista jkun.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina - twessigħ

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-proposti inkluż pjanta għat-twessigħ ta' Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ mill-mina ta' De Rohan sat-triq ta' Ħ'Attard?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Jien infurmat illi dan il-proġett hemm il-ħsieb li jitwettaq bħala parti mix-xogħol ta' titjieb ta' toroq li jistghu jsiru taħt il-ħames protocol finanzjarju ma' l-Italja. Bħalissa ntefghu l-applikazzjonijiet għand il-MEPA sabiex isiru l-konsultazzjonijiet rikjesti skond il-liġi u l-ħruġ tad-development permit. Il-MEPA tinstab għaddejja bil-valutazzjonijiet neċessarji.

M'Scala — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi, anke jekk temporarji, sabiex dik il-parti li għadha mħarbta fi Triq il-Kavallieri ta' Malta ġewwa M'Scala tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu mhux komplut bħal f'dan il-każ, u għalhekk l-asfalt f'din it-triq isir aktar il-quddiem meta l-iżvilupp jitlesta.

Ministeru għat-Trasport — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' konsulenti u kumpaniji ta' konsulenza li għamel użu mis-servizzi tagħhom il-Ministeru tiegħi mit-13 t'April, 2003.

San Ġiljan — Bajja ta' Spinola - opri tal-baħar

Question

Jista' il-Ministru jaġġornani dwar ittra li qed tintbagħat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li ż-żona in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta' amministrativa ta' l-Awtorita' Marittima, kopja ta' l-ittra intbagħtet lill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, għal kull azzjoni li jista' jkun hemm bżonn li tittçħed. Madankollu tajjeb inżid li l-imsemmija ittra hi waħda anonima (li tagħha l-istess Onor. Interpellant hu mniżżel li ser jirċievi kopja) u għalhekk il-persuni kkonċernati ma setgħux jiġu kkuntatjati.

Mellieħa — Pelican Lights

Question

X'qed tistenna l-Awtorita' dwar it-Trasport għat-twaħħil tal-pelican lights li applika għalihom il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li diġa approvat il-MEPA?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol f'Main Street, diġa qiegħed id-ducts għall-cables li huma meħtieġa li jitqiegħdu taħt l-art, u twaħħil ta' l-arbli u l-lanterni ser isir min dan il-kuntrattur max-xogħol.

San Pawl il-Baħar — Twessiegħ ta' bankina

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa dwar petizzjoni li rċieva minn għadd ta' residenti f'San Pawl il-Baħar li oġġezzjonaw għat-twessiegħ tal-bankina ħdejn l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita dwar it-Trasport ma jirriżultax li ser titwessa l-bankina msemmija.

Trasport tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kemm-il suġġerimenti ġew mgħoddija mill-Kunsilli Lokali fuq trasport tal-linji, u jekk dawn ġew aċċettati minn tal-linja stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta kellha 108 talba differenti mingħand Kunsilli Lokali differenti li jirrigwardaw rotot. Bħalissa 54 talba jinstabu fi stadju ta' diskussjoni ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, fejn 12-il talba minnhom jinstabu fi stadju avvanzat, filwaqt li 6 minnhom ġew imwettqa.

Ħlas ta' liċenzji ta' vetturi — Ħlas ta' multi pendenti

Question

B'referenza għat-tweġiba 1924, billi huwa ċar li hemm mekkaniżmu legali li permezz tiegħu ma jistgħax isir tiġdid ta' liċenzji ta' vetturi qabel ma jsir il-ħlas ta' multi pendenti, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-istess mekkaniżmu legali jiddaħħal ukoll fil-każ ta' trasferiment ta' vetturi billi jidher li jista' jkun hemm abbuż fejn sid ta' vettura li għandu arretrati ta' multi fuq il-vettura tiegħu jittrasferixxi l-istess vettura fuq ħaddieħor biex ma jintalabx iħallas għall arretrati ta' multi sa dak in-nhar li jkun qed isir it-trasferiment?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din il-materja qed tiġi studjata fil-livell tekniku/legali.

Gżira — Triq D'Argens - Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il- Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir l-asfaltar ta' Triq D'Argens Gżira billi jidher li minkejja li d-Direttorat tat-Toroq ħareġ sejħa għall-offerti u ngħatat l-istess offerta għall-aħħar tas-sena 2000 u l-bidu tas-sena 2001 tant li sar parti mix-xogħol fi Triq Sliema, l-ebda xogħol għadu ma nbeda fi Triq D'Argens?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex tkun tista' tiġi asfaltata Rue d'Argens iridu jinbidlu l-mains ta' l-ilma u peress illi l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma f'2001 ma kienitx f'pożizzjoni li twettaq dan ix-xogħol, dan l-asfaltar ma setax isir. Id-diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport, il-kunsill Lokali u l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għadhom għaddejjien u meta dawn jitlestew tkun tista terġa toħroġ sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.

Ħad-Dingli — Sqaq il-Mużew - twessigħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-talba sabiex jitwessa Sqaq il-Mużew, f'Ħad Dingli, ħafna snin ilu ( WD1792/84)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara li d-Dipartiment tat-Toroq iċċekja l-file li rrefera għalih l-Onor. Interpellant irriżulta li kien hemm korrispondenza biex ħajt li kien hemm fl-imsemmi sqaq jitneħħa minħabba li seta jaqa. Jidher li dan il-ħajt fil-fatt kien issewwa u għalhekk ma kienx hemm għalfejn jitwaqqa. Ma jidhirx iżda li kien hemm talbiet għat-twessiegħ ta' din it-triq.

Vapuri tan-NATO

Question

B'riferenza għaż-żjara riċenti tal-vapuri tan-NATO li ġew berthed fejn soltu jiġu berthed il-cruise liners, bil-konsegwenza li wieħed mill-cruise liners kellu jiġi berthed f'post skomdu ħafna għall-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li l-berthing tal-vapuri sarx fejn sar kenitx fuq deċiżjoni unilaterali tal-gvern? Jista' jgħid jekk il-Malta Maritime Authority kenitx involuta fit-teħid tad-deċiżjoni tal-berthing?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li flotta ta' seba' bastimenti navali li jiffurmaw parti mis-STANAVFORMED żaru l-Port il-kbir bejn l-10 u t-12 t'Ottubru 2003. Kien meħtieġ li dawn il-bastimenti jkunu rmiġġjati flimkien ma' moll. Skond evalwazjoni tal-parametri tal-bastimenti, kif kienu magħrufa waqt li kien qed jiġi ppjanat l-irmiġġ tagħhom, rriżulta li mhux kollha setgħu joqogħdu ma' tul id-Deep Water Quay. Bl-iskop li jiġu akkomodati l-bastimenti kollha li kien ser ikun hemm fil-port matul dawn il-jiem, id-Direttorat tal-Portijiet ħa l-inizjattiva sabiex jinbidel l-irmiġġ ta' numru ta' bastimenti. Fil-fatt kull meta fil-port ikun hemm iktar minn tlett vapuri, id-Deep Water Quay ikollu jintuża wkoll. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien numru ta' Cruise Liners ikollhom jirmiġġjaw id-Deep Water Quay minħabba domanda qawwija. Fil-fatt kull meta fil-port ikun hemm iktar minn tlett vapuri, id-Deep Water Quay ikollu jintuża wkoll.

Toroq — Ħsara kawża ta' maltempati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rapporti dwar toroq li saritilhom ħsara wara l-maltempati kbar tax-xahar li għadda? Jista' jgħid liema toroq sofrew ħsarat? Kemm huwa stmat li jrid jintnefaq biex jissewwew? Saru xi talbiet speċifiċi minn xi kunsilli lokali minħabba ħsarat fit-toroq tal-lokal tagħhom wara l-istess maltempati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' rapporti dwar ħsarat f'diversi lokalitajiet wara l-maltemp ta' Settembru, li tinkludi wkoll lista ta' xogħlijiet li kellhom bżonn isiru fihom li hu stmat li jammontaw għal Lm200,000. Indikazzjonijiet ta' ħsarat minn 8 Kunsilli Lokali ġew irrapurtati lill-Awtorita' dwar it-Trasport u dawn ġew assenjati, iżda peress li jista jkun li kien hemm oħrajn li rrapurtaw direttament lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, l-Onor. Interpellant għandu jirreferi lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni f'dan ir-rigward.