Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #37531 Sitting 831 2002-12-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li titranġa bozza li ilha mitfija 17-il ġurnata fi Triq it-Tramunata, Paola?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

St. Nicholas Married Quarters — Meters ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-meters ta' l-ilma li jinsabu preżentement fuq barra tal-flats li hemm f'St. Nicholas Married Quarters jidħlu ġewwa billi kif inhuma se ssirilhom ħsara?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinstalla kaxxa madwar il-meter ta' l-ilma tal-flats imsemmija.
Leg 9 PQ #37448 Sitting 829 2002-12-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Unjoni Ewropea — Regolamenti dwar kimiċi fl-ilma

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37275, jista' l-Ministru jgħid għal kemm tammonta l-ispiża kapitali għax-xogħol imsemmi fir-risposta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għadu kmieni biex tingħata l-ispiża kapitali nvoluta.
Leg 9 PQ #37456 Sitting 829 2002-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Vapuri tal-Gozo Channel — Manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma x'tip ta' xogħol huwa mistenni jsir fuq il-vapuri tal-Gozo Channel il-ġodda fit-tarzni fil-ġranet li ġejjin? Jista' jgħid kemm huwa stmat li jiswa x-xogħol li ser isir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul l-ewwel tlitt xhur tas-sena d-dieħla, il-vapuri tal-Gozo Channel mistenni jsirilhom is-survey annwali. Fl-istess ħin ser isirulhom ukoll it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fuq ir-rampi, il-pajpijiet ta' l-ilma, il-magni u l-linoleum ta' l-art. Il-Kumpanija qed tikkunsidra wkoll li tinstalla sistema ta' "soft starters" fuq il-vapuri kollha bil-għan li jonqsu l-ispejjez kemm ta' mautenzjoni kif ukoll ta' konsum ta' fuel. L-aħħar parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma naħsibx li jkun fl-interess ta' l-azjenda li tali informazzjoni issir pubblika.
Leg 9 PQ #37472 Sitting 829 2002-12-06 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Films f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 37239 u cioe' jgħid x'kien jisimhom il-films li nħadmu f'Malta u min kienu l-producers tagħhom sena b'sena mill-1998 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #37370 Sitting 828 2002-12-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Kontijiet tat-telefon

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex dawk kollha li rċevew il-kont tat-telefon datat 20 ta' Novembru għall-perjodu Settembru/Ottubru kellhom inkluż ukoll il-kont ta' qabel li kien diġa' tħallas? Peress li dan ħoloq ċertu konfużjoni speċjalment fost l-anzjani, x'passi ser jittieħdu biex dan ma jerġax isir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minħabba l-installazzjoni i l-ittestjar tas-sistema kompjuterizzata ġdida, fl-ewwel nofs tas-sena, il-Maltacom ma bagħtitx il-kontijiet regolari kull xahrejn lill-abbonati residenzjali. Meta s-sistema bdiet taħdem regolari, il-kontijiet bdew jintbagħtu f'intervalli iqsar biex is-sitwazzjoni tiġi għan-normal fi żmien reġjonevoli. Minħabba l-perjodu iqsar bejn kont u ieħor, kien hemm xi pagamenti li ma laħqux daħlu fis-sistema. Dawk l-abbonati li vverifikaw il-kont mal-Kumpanija u rriżulta li l-kont ta' qabel kien diġa' tħallas, ingħataw parir biex iħallsu l-parti dovuta. Dawk li bi żvista, li kienu ftit ħafna, ħallsu l-kont doppju, ser ikollhom kreditu fil-kont tagħhom.
Leg 9 PQ #37378 Sitting 828 2002-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mellieħa — Triq Napuljun Caruana Dingli

Question

Peress li meta kont qed inżur il-familjari li l-ilment tagħhom kont ressaqtu permess ta' mistoqsija parlamentari nru. 17185, Seduta 327 ta' 27.06.00, irriżultali li x-xogħlijiet għadhom ma sarux mill-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jirrimedja u jara li tiġi rimedjat il-każ in kwistjoni fi Triq Napuljun Caruana Dingli, Mellieħa? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mill-investigazzjoni li kienet saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta irriżulta li hemm bżonn li l-wires li hemm mal-fond in kwistjoni jiġu spustati għal fuq l-arbli. Dan ix-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra.

Ħamrun — Torri ta' Wignacourt/Dawl

Question

Il-Korporazzjoni Enemalta tikkonsidra li jista' jiddawwal it-Torri ta' Wignacourt fi Triq San Gejtanu l-Ħamrun?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Leg 9 PQ #37347 Sitting 827 2002-12-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tuna Pennings — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36892?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant hija ta' natura kummerċjali li tista' tintuża minn kompetituri tal-linja nazzjonali ta' l-ajru, ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tingħata din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #37356 Sitting 827 2002-12-05 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Airmalta — Transferiment ta' Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 36982?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma naħsibx li għandi nagħti dettalji dwar problemi nterni bejn staff f'kumpanija kummerċjali.
Leg 9 PQ #37386 Sitting 827 2002-12-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex ikun hemm bozza li tarmi aktar dawl qrib Entratura F, Binja 21.9.64 taż-Żwejt minħabba li l-inħawi għadhom mudlama.

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Leg 9 PQ #37406 Sitting 827 2002-12-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma — Xogħol imwettaq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 37214?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Ottubru 2002, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet 49.8 kilometri ta' main renewals, 23.9 kilometri ta' estenzjonijiet ta' mejnijiet u nstallat 3,171 servizz ġdid.
Leg 9 PQ #37410 Sitting 827 2002-12-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Bozza maħruqa

Question

Jogħġbu jintervjeni l-Ministru sabiex il-bozza tad-dawl eletriku li ilha mitfija għal iktar minn xahar fi Triq Mater Boni Consigli (eżatt quddiem il-klabb tal-boċċi li jinsab biswit il-gorund Pace Grasso) f' Raħal Ġdid tiġi mixgħula mill-aktar fis?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #37210 Sitting 825 2002-12-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tariffi Amministrattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm żewġ entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi li żiedu t-tariffi amministrattivi. B'effett mit-2 ta' Jannar it-Trade Licensing Services, li qabel kienu jiġu provduti mid-Dipartiment tal-Pulizija, bdew jingħataw mid-Diviżjoni tal-Forensika tal-Malta National Laboratory Company Limited għall-ħlas ta' Lm5.75ċ VAT inkluża. B'seħħ mit-13 ta' Awissu, kien hemm żieda fit-tariffi tal-pustaġġ skond kif provdut fl-Avviż Legali numru 229 ta' l-2002.
Leg 9 PQ #37267 Sitting 824 2002-12-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadhux bil-ħsieb li jipprevatizza l-Enemalta jew parti minnha? Jekk iva, liema oqsma u meta hu maħsub li dan isir? Jista' jgħid ukoll fiex waslu d-diskussjonijiet? Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ġew ikkonsultati/mgħarrfa dwar dak li hu għaddej?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwar din il-materja.
Leg 9 PQ #37274 Sitting 824 2002-12-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Waste Oils Company Ltd

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumpannija Waste Oils Company Ltd hix waħda parastatali? Jekk fl-affermattiv, hemm xi nteress tal-privat f'din il-kumpannija? Min huma l-azzjonisti u d-diretturi ta' din il-kumpannija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #37275 Sitting 824 2002-12-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Unjoni Ewropea — Regolamenti dwar kimiċi fl-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 37070?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Pjan tal-KSI biex jintlaħqu l-livelli tal-UE fil-kimiċi li hemm fid-direttiva dwar il-kwalita' ta' l-ilma intenzjonat għall-konsum uman, kif ipproġettat waqt in-negozjati ma' l-UE, jinkludi dan li ġej: Tqegħid ta' kanen biex l-ilma tal-pjan jinġabar fis-siti fejn jiġi ttrattat. It-taħlit ta' l-ilma desalinat ma' l-ilma tal-pjan fil-ġibjuni (jew siti ta' trattament) biex jonqos il-livell tan-nitrati fl-ilma ta' konsumaturi li llum qed jieħdu ilma tal-pjan biss. L-ilma tal-pjan hu għoli fil-livelli ta' nitrati waqt li l-ilma desalinat (mir-Reverse Osmosis) m'għandu l-ebda nitrati. Wara li l-ilma tal-pjant jiġi mħallat ma' l-ilma tar-Reverse Osmosis, mudelli jindikaw li 60% tal-konsumaturi ser ikollhom ilma b'nitrat ta' bejn 45mg/l u 50mg/l u 40% ikollhom ilma taħt l-45% nitrati. Din il-fażi għandha titlesta sa l-aħħar tal-2002. Biex il-livelli tal-chlorides jilħqu l-livell speċifikat fid-direttiva, dan it-taħlit (blending) mhux biżżejjed. Parti mill-ilma tal-pjan għandu jkun trattat u l-prodott ta' dawn l-impjanti għandu jiġi mħallat ma' l-ilma li mhux trattat. Ir-riżultat għandu jkun ferm inqas mil-livelli tan-nitrati, floru (parametri mandatorji), kif ukoll 95% tar-riżultat taħt il-livell u l-kloru, konduttivita', u sulfat. Studji wrew li meta l-livell ta' ħadid jilħaq livelli 'l fuq mid-direttiva, dan hu relatat mal-materjal tal-kanen tat-triq u tas-service. Għalhekk dawn l-istudji għadhom sejrin, il-livell ta' ħadid fl-ilma tal-vit jista' jonqos billi jinbidlu dawn il-kanen. Dak li hemm bżonn isir huwa: Bini u tħaddim ta' mpjant ta' trattament ta' l-ilma tal-pjan biex bejn wieħed u ieħor 70% ta' l-ilma tax-xorb jiġi ttrattat u t-taħlita totali tilħaq il-livelli mandatorji tal-paramentri kollha fid-direttiva msemmija. Tibdil ta' membranes f'impjanti ta' desalinazzjoni (RO) li laħqu jew għaddew id -design life tagħhom. Bdil ta' kanen qodma (li m'għandhomx cement lining) biex jonqos il-livell ta' ħadid fl-ilma fil-vit. Bdil ta' kanen tas- service biex jonqos il-livell ta' ħadid fl-ilma tal-vit. L-impjanti għandhom jitlestew sal-2004 f'Għawdex u 2006 f'Malta filwaqt li x-xogħolijiet ta' kanen jibqa' sejjer sal-2007.
Leg 9 PQ #37292 Sitting 824 2002-12-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltapost — Servizzi Postali

Question

Jista' il- Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37178 u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk in konnessjoni man-next day delivery (Delivery J+1) fil-Maltapost qed jiġi ntrodott night shift ġdid biex is-servizzi postali jkunu jistgħu jsiru mingħajr il-266 impjegat li qed jingħad li huma żejda? Jikkonferma il-Ministru li sa ftit ilu ittra li kienet tiġi mpustata qabel is-sebgħa ta' filgħodu kienet tasal fl-istess ġurnata? Jaqbel il-Ministru li llum din tasal l-għada jekk mhux aktar tard ukoll?

Response (BONNICI, JOSEF)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-materja qed tiġi diskussa bejn il-Management tal-Kumpanija u l-Union bħala parti min-negozjati għall-ftehim kollettiv. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, huwa minnu li ittri impustati qabel is-sebgħa ta' filgħodu kienu jitqassmu fl-istess ġurnata. Madanakollu tajjeb jingħad li dawn l-ittri kienu jammontaw biss għal madwar sitta fil-mija ta' l-ittri kollha mpustati. Fir-rigward ta' l-aħħar parti tal-mistoqsija, jirriżulta li minn riċerka li saret mill-Maltapost, erbgħa u disgħin fil-mija ta' l-ittri qed jitqassmu l-għada, jiġifieri J + 1.
Leg 9 PQ #37293 Sitting 824 2002-12-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltapost — Klawsola bejn Malta u Transend

Question

Jista' il-Ministru kkonċernat iwieġeb mistoqsija parlamentari numru 37154 u cioe' b'referenza għall-klawsola bejn il-Maltapost u t-Transend, dawn ta' l-aħħar huma marbutin biex iġibu investiment barrani lejn pajjiżna? Jekk din il-kumpannija ma tattwahx dan il-ftehim, huma se jissostitwixxu xi telf li jista' jirriżulta biex ma jsirx tnaqqis fil-workforce?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-tweġiba hija fin-negattiv.