Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża l-fawrar tad-drenaġġ ta' Triq Għeriexen ir-Rabat Malta matul il-ġimgħat kollha tas-sajf? Kemm-ir rapport sar mir-residenti ta' l-inħawi lid-dipartimenti konċernati? X'ikkawża l-iżbroff tad-drenaġġ fil-fond nru. 2 (garaxx)? Għaliex il-ħsara damet daqstant sabiex tiġi rranġata u fil-fatt issa ġiet irranġata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn survey li sar bis-CCTV, irriżulta illi hemm ħsara fis-sistema tad-drenaġġ illi issa qed tiġi rranġata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ic-chairman tal-Valletta Rehabilitation Committee jistax ikollu konflitt ta' interess peress li bħala perit u part-time f'ditta ta' periti għamlu diversi xogħlijiet għal dan l-istess kumitat ta' riabilitazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Huwa veru li l-perit imsemmi jagħmel parti minn ditta li għamlet fil-passat diversi xogħlijiet għall-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Huwa veru wkoll li l-istess ditta għadha l-konsulent għax-xogħlijiet li jsiru fil-Berġa ta' Kastilja. Biss, bħal kull Chairman ieħor, il-perit imsemmi jkollu jirtira mid-diskussjoni jekk din tista' tkun ta' nteress għad-ditta personali tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk u meta se jkunu mixgħula s-swar ta' A M Valperga, tal-Bieb u Tal-Foss li jinsabu fil-Fgura, peress li fl-inħawi hemm ħafna dlam u qed isiru wkoll ħafna abbużi, u peress li dan ix-xogħol suppost kellu jsir mill-Valletta Rehabilitation Project skond il-mistoqsija 35304?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sena d-dieħla hemm l-intenzjoni li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera jixgħel id-daħla ta' Bormla, minn Għajn Dwieli sa parti mis-sur tal-ġenb. Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla jinxtgħelu d-daħla ta' Bormla u Forti Sant'Anġlu.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-proġett tal-MIDI sejjer jitlesta fi tmien snin? X'kumpens ser jieħdu l-lukandi tal-madwar minħabba l-inkonvenjent li qiegħed ikollhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett tal-MIDI jitlesta skond 'time frames' li jistabilixxi l-istess konsorzju, u sakemm dawn ikunu konformi ma' jew aħjar minn dak li kien stabbilit fil-kuntratt li sar mal-Gvern preżenti.
Rigward il-lukandi li hemm fl-inħawi, mhux previst illi dawn jirċievu xi kumpens.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-proġett ta' bini ta' flats mill-MIDI fil-pjanta mmarkata T4 ġewx ikonsultati sidien oħra ta' lukandi li jmissu mal-proġett tal-MIDI peress li bil-proġett tal-mina tilfu spazju li kellhom quddiem il-lukanda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex jirriżulta li ġiet ikkawżata intiena persistenti matul il-ġimgħa li għaddiet fl-inħawi ta' Blata l-Bajda, Spencer Marsa u l-Marina tal-Pieta'? Ittieħdu passi sabiex min niġġeż jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li rigward il-problema fil-Marina tal-Pieta', ġie stabbilit illi hemm 'manhole' ġewwa l-propjeta' ta' ditta privata fil-Ħamrun illi trid tiġi msewwija.
Rigward ir-riħa fl-inħawi ta' Blata l-Bajda, din hija riħa ta' żjut u m'għandha xejn x'taqsam mas-sistema tad-drenaġġ.
Jista' il-Ministru jinvestiga u eventwalment jieħu l-passi biex tinstab soluzjoni għar-riħa ta' drenaġġ li ħierġa u li qed taffetwa lir-residenti fi Triq Lapsi San Ġiljan fil-parti ta' fuq viċin il-parking ta' ħdejn l-entratura ta' l-iskola primarja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ikkonferma illi l-'main sewer' qed jaħdem regolari u ma jirriżultax illi hemm xi rwejjaħ.
Jista' il-Ministru jara li issir investigazzjoni sabiex titneħħa r-riħa ta' drenaġġ li żvillupat dan l-aħħar fin-naħat ta' Sur San Pawl, Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fuq Sur San Pawl, Bormla hemm 'vent pipe' f'forma ta' ċumnija mibnija ħafna snin ilu fuq il-mina li tagħti għal Wied Għammieq. Din is-sitwazzjoni taċ-ċumnija ilha hemm ħafna snin, u d-Dipartiment tad-Drenaġġ qatt ma kellu lmenti. Dawn iċ-ċmieni jeżistu f'diversi lokalitajiet bħal Bormla, Birgu, Kalkara, Żejtun eċċ.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser tintlaqa' t-talba sabiex issir estensjoni tad-drenaġġ fi Triq R. Taylor Bormla, sabiex il-garaxxijiet u l-appartamenti f'tarf din it-triq kantuniera ma' Triq Alessandra ikunu mqabbda mad-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt biex issir l-estensjoni tad-drenaġġ fi Triq Robert Taylor, Bormla ġiet ippreparata u dalwaqt tiġi ppubblikata. Fl-istess waqt, id-Dipartiment tad-Drenaġġ irid jikteb lill-MEPA fejn jispjega l-kwalita' tax-xogħol mitlub biex jinħarġu l-permessi neċessarji.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment f'Pjazza Spinola ta' San Ġiljan? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li se jkompli bih il-Gvern preżenti jikkonsisti f'dan li ġej:
titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku fi Pjazza Spinola
sistema ġdida ta' 'storm water' fl-inħawi
bankini u 'street furniture' ġodda fl-inħawi.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment fil-parti tal-Promenade li minn ħdejn in-Neptunes Pitch twassal sa' quddiem il-kunvent tal-Karmelitani fil-Balluta? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li se jkompli bih il-Gvern preżenti jikkonsisti f'dan li ġej:
twessiegħ tal-bankina fuq in-naħa tal-baħar li jinkludi bini ta' ħitan u xogħol relatat ta' natura marittima
wiċċ tat-triq ġdid minn ħdejn is-City of London Bar sa fejn Pjazza Balluta
bankini ġodda n-naħa tar-residenti minn ħdejn in-Neptunes Pitch sa fejn il-Kunvent tal-Karmelitani
rilokazzjoni u tqegħid ta' servizzi kif ikun meħtieġ, inkluż arbli dekorattivi tad-dawl.
Ix-xogħol mistenni jibda fil-bidu ta' Ottubru u jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju 2003.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu f'din il-leġislatura għal dawn il-proġetti fil-Furjana, każ b'każ:
i) ġonna Mall - a) sistema ta' irrigazzjoni ġdida
b) restawr funtana tal-Ajkla (flus ivutati)
ii) restawr ta' statwi fit-toroq
iii) restawr pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria
iv) tindif u tibjid tal-loġoġ minn ġewwa permezz ta' ħaddiema tal-Kalaxlokk?
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment f'Paceville? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol dam ma inbeda u qiegħed jimxi bil-mod wisq? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern preżenti qed jieħu ħsieb li jsir xogħol fuq id-disinn ta' tisbiħ u titjib f'diversi toroq f'Paceville.
Dawn il-proposti jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' semi-pedestrisation f'ċerti toroq ta' Paceville barra li ser isir xogħol ta' titjib fl-uċuħ tat-toroq u bankina f'oħrajn, kif ukoll street furniture fl-inħawi kollha.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment fil-bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern preżenti qed jieħu ħsieb sabiex il-proġett tal-Bajja ta' San Ġorġ jinkorpora fih bankini ġodda minn ħdejn Vivaldi Hotel sa fejn il-Cresta Quay. Ix-xogħol fuq dawn il-bankini ser isir bħala tkomplija tax-xogħol f'Wilga Street, li x-xogħol fuqu ser jerġa' jinbeda minn Ottubru li ġej.
Il-parti l-oħra tax-xogħol fil-Bajja ta' San Ġorġ jinsab fi stadju ta' diskussjoni mal-MEPA. F'dan il-proġett qed tiġi proposta l-estensjoni tal-bajja u promenade ġdid fl-inħawi.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment fix-Xatt tas-Sajjieda fl-inħawi tal-Cavallieri Hotel? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Rigward Xatt is-Sajjieda, fl-inħawi tal-Cavalieri Hotel, il-Gvern preżenti qed jikkonsidra x'titjib jista' jsir biex inkomplu nsebbħu l-inħawi. Qed jiġi kkunsidrat ukoll x'titjib jista' jsir fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi.
B’riferenza għar-rispota tal-mistoqsija parlamentari 35177, jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument dwar policy dwar saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ta’ l-istatement ta’ policy li ġew maħruġa mid-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti msemmija.
Jista’ il-Ministru jikkonferma jekk waqt il-bdil ta’ l-art tal-bitħa tal-palazz instabux xi fdalijiet storiċi, liema fdalijiet ġew mirduma mill-ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'parti mill-bitħa fejn kienu qed jinbidlu xi servizzi nstabet parti minn troll li kien iservi ta' riserva għall-ilma. Din kienet nofsha imġarrfa, minn żmien il-gwerra, u mimlija radam ta' ebda mportanza storika. It-troll ġie dokumentat u reġa' ngħalaq.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta’ restawr fuq il-funtana ta’ l-iljun fil-Furjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35146, ninsab infurmat li sar ix-xogħol preparattiv. Ix-xogħol għandu jkompli fil-ġranet li ġejjin.
Peress li reġa` qed ikun hemm intejjen ħerġin minn sprall fi Triq ix-Xatt f’Tal-Pieta` (fejn numru 46), jista` il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tad-drenaġġ jistax jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara stħarriġ li sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ, instabet ħsara f'manhole li qed tiġi msewwija.
Jista' il-Ministru jgħid x’rapporti saru mill-awtorita' tar-riżorsi fuq l-ispejjer tal-Wied tal-Marfa dwar il-problemi li nħolqulhom fix-xhur li għaddew wara li sfaw bla ilma? Jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ħejjiet rapport fejn ġew identifikati l-kawżi tan-nuqqas ta' ilma rappurtat mill-bdiewa. Qed inqiegħed kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.