B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26681, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa previst li r-razzett li hemm Ħal Għaxaq jiġi definittivament rilokat is-Siġġiewi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27201.
B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26681, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa previst li r-razzett li hemm l-Imsida jiġi definittivament rilokat is-Siġġiewi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27201.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima –Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data — talbiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet u tad-dekasteru kollu li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Ottubru 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016 saret talba waħda lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.
Wied il-Għajn – Żona msejjħa “Magħluq” – passi u inizjattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u x’inizjattivi se jittieħdu f’Wied il-Għajn marbuta hekk imsejjaħ ”Magħluq”?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Fil-Magħluq ta’ Marsaskala diġà ttieħdu numru ta’ inizjattivi sabiex dan is-sit ikun imħares u mmaniġġjat aħjar, liema miżuri li ser ikomplu jiġu attwati minn diversi entitajiet kemm f’dan il-Ministeru kif ukoll f’Ministeri oħra. Fost l-inizzjattivi hemm xogħol immirat biex titjieb il-kwalità tal-ilma u t-tneħħija ta’ speċi li mhumiex naturalment tal-post, il-kontroll tal-firien, kif ukoll miżuri biex tinżamm l-indafa tal-post billi jitneħħa, b’mod regolari, skart mormi minn membri tal-pubbliku u/jew li jinġabar fis-sit b’ mod naturali. Sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni mal-fence li f’partijiet ġiet magħmula mill-ġdid. Dawn il-miżuri jagħmlu wkoll parti mill-Pjan tat-Tmexxija għas-sit.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u inizjattivi oħra se jittieħdu f’Wied il-Għajn marbuta mal-Park Nazzjonali li hemm? Jista’ jindika wkoll kemm spejjeż huma proġettati li jiġu minfuqa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor Interpellant li f’Wied il-Għajn hemm il-Park tal-Familja li jinsab ħdejn l-impjant tal-WasteServ li huwa miftuħ għall-pubbliku filwaqt li fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Wied il-Għajn bejn il-Ponta taż-Żonqor u Ta’ Barkat, hemm pjanijiet biex jinbeda l-Park tal-Inwadar.
Fil-Park tal-Familja, din is-sena sena infetħu numru ta' toilets ġodda kompluti b'faċilitajiet għall-ġenituri bit-trabi; inksiet medda oħra ta' art bit-turf artifiċjali fejn jilagħbu t-tfal u nħarget offerta ġdida biex tinkesa l-aħħar biċċa art biex b'hekk kull parti ddedikata għall-logħob tat-tfal tkun miksija. Huwa pproġettat ukoll li jitwaħħlu sistemi ta’ CCTV cameras u ta' tabelli ta' direzzjoni ġodda li huma reżistenti għall-vandaliżmu.
Huwa pproġettat li tiġi minfuqa s-somma ta’ €180,000 għall-ispejjeż kollha fuq dan il-park fis-sena rikurrenti
.
Għar-rigward tal-Park tal-Inwadar qed jiġi abbozzat Avviż Legali biex jitwaqqaf bord tat-tmexxija u jiġi stabilit b’ mod legali l-konfini kollha tal-park. Qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex jinħarġu sejħiet għal pożizzjoni ta’ ufficjali biex jibdew jikkordinaw l-entitajiet involuti fl-immaniġjar ta’ dan is-sit.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kontra min spara jew qed jispara fuq ħamiem fiż-Żejtun? Apparti li din it-tattika li toqtol il-ħamiem hija kkunsidrata bħala moħqrija u inumana, jista' jgħid jekk hemmx metodri oħra aċċettati internazzjonalment fejn il-ħamiem tagħtih ikel b'kontraċettiv? Jaf li l-ħamiem spiċċa jaqa' nofsu mejjet fi proprjetà tan-nies?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24335.
B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26681, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa previst li r-razzett li hemm Ħal Tarxien jiġi definittivament rilokat is-Siġġiewi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi m’huwiex possibli li tingħata data definittiva meta dan ir-razzett partikolari jiġi relokat. Dan minħabba li r-relokazzjoni tiddependi minn diversi fatturi li m’humiex taħt il-kontroll ta’ dan il-Ministeru. Dan il-Ministeru pero’ lest li jibqa’ jassisti r-raħħala kkonċernati sabiex dan l-oġġettiv jintlaħaq.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dik il-parti tal-ħamrija ħdejn il-lights fid-daħla ta’ Buġibba li mhux qed tinħadem mill-ELC, fil-fatt tibda tinħadem minnhom, peress li hi l-uniku area ta' ħamrija li mhux qed tiġi kkurata mill-ELC?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Peress li l-ELC ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’siti alternattivi ġew ikkunsidrati għall-iżvilupp ta’ Solar Farms, u x'kienu r-raġunijiet għalfejn ġiet shortlisted iż-żona tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat (Malta)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx environmental impact assessment fl-ippjanar tas-Solar Farm fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, u jekk sar, jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proposta għal Solar Farm fl-inħawi tal-Fiddien, limiti tar-Rabat, ma kkwalifikatx għal environmental impact assessment skont ir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Environmental Impact Assessment (S.L. 549.46).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema ser ikunu l-inħawi f'Malta u Għawdex fejn matul iż-żmien li ġej, ser jitħawwlu siġar, biex jiġu ffurmati msaġar ġodda? X'tip ta' siġar hu mistenni li jitħawlu f'dawn il-postijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien li ġej, siġar indiġeni se jitħawlu fiż-żoni tal Msida (fis-Swatar u sit ieħor quddiem Mater Dei), Wied Blandun (Fgura-Bormla) u Baħar iċ-Ċagħaq. Se ssir ukoll applikazzjoni għal-fondi taħt miżura tmienja tal-Rural Development Program sabiex jiġi restawrat Wied Sta Katarina fil-lokalita’ tan-Naxxar kif ukoll Ġnien is-Sultan f’Ħaz-Żabbar. Il-siġar u arbuxxelli li ser jitħawlu huma indiġeni u jvarjaw skond l-ambjent preżenti f’dawn il-lokalitajiet.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi fejn huwa maħsub li jiġi żviluppat is-Solar Farm ġewwa l-inħawi tal-Fiddien, fir-Rabat (Malta)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti d-daqs tal-footprint li huwa mistenni jokkupa s-solar farm maħsub li jiġi żviluppat fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat (Malta)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni jispiċċa x-xogħol fuq is-Solar Farm li huwa maħsub li jiġi żviluppat fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat (Malta)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Fish Farming f'Malta u f'Għawdex — bdil ta' policies
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10407, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mir-rakkomandazzjonijiet tal-istrateġija msemmija bdew jiġu implimentati, issa li għaddew sentejn minn dakinhar? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan id-dokument li ġie kkwotat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti sostanzjali mir-rakkomandazzjonijiet misjuba fl-“Aquaculture Strategy for the Maltese Islands – towards sustainability 2014-2025” bdew jiġu implimentati. B’mod partikolari qed issir implimentazzjoni fis-sebgħa tematici identifikati bhala importanti mill-istrateġija, kif elenkat hawn taħt:
· Promozzjoni tal-akkwakultura bħala settur marittimu imporanti – id-Direttorat għall-Akkwakultura fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura qiegħed jattendi laqghat fuq livell Ewropew, kif ukoll Internazzjonali, sabiex ikun involut fil-formulazzjoni ta’
policies
u pjanijiet oħra għas-settur tal-akkwakultura. Qed isiru wkoll aktar laqgħat ta’ koordinament bejn l-awtorijatjiet involuti fis-settur tal-akkwakultura sabiex ikun hemm approċċ komuni mir-regolaturi ghas-settur tal-akkwakultura.
· Tkabbir immirat lejn is-sostenibbilita’ – Qed isir sforz sabiex jigi identifikat sit addattat biex jinbena mafqas tal-hut, kif ukoll żdiedet il-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi, kemm Maltin kif ukoll Ewropej, sabiex ikun hemm aktar riċerka fis-settur tal-akkwakultura. Fost proġetti oħrajn ta’ min isemmi li għall-ewwel darba, fl-2016 tfaqqas il-bajd tat-tonn u l-frieħ tkabbru għal 50 ġurnata fuq ikel xott (
pellets
) bħala proġett bejn id-direttorat tal-Akkwakultura u l-Universita’ ta’ Dusseldorf.
· Tisħieħ regolatorju – ġie ppreparat abbozz ta’ liġi dwar l-operat tal-istabbilimenti tal-akkwakultura.
· ¯oni għall-akkwakultura – Filwaqt li qed isir eżerċizzju għar-rilokazzjoni tal-operaturi fis-settur tat-tonn għal ġoż-żona tal-akkwakultura, qed isir ukoll xogħol sabiex jiġu identifikati żoni ulterjuri għall-akkwakultura.
· Sostenibbilita’ permezz ta’ mmaniġġjar ambjentali imtejba – Ir-regolamentazzjoni tal-operaturi ser tkun armonizzata permezz tal-abozz tar-regolamenti għall-operat tal-akkwakultura, kif ukoll tal-kodiċi ta’ prattika tajba.
· Kompetittivita’ permezz tal-innovazzjoni – qed issir riċerka sabiex tiżdied id-diversita’ ta’ speċi disponibbli għall-akkwakultura, kemm ta’ ħut kif ukoll ta’ ikel ħaj sabiex jintuża fit-trawwim tal-ħut. F’dan ir-rigward qed isir xogħol innovattiv fuq żewġ speċi ta’ gambli lokali. Ukoll ta’ min isemmi li qed jiġi ukoll esplorat l-aspett ta’ akkwakultura għas-settur ornamentali, li qed issir aktar importanti maż-żmien.
Billi qed jingħad li matul din is-sena, l-industrija tal-fish farming se tkun ħallset madwar €1.1 miljun f'taxxa ambjentali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn l-istess fondi li daħlu permezz ta' din it-taxxa, fil-fatt ġew minfuqa fuq miżuri ambjentali, kemm marbuta mal-baħar, kif ukoll marbuta ma' attivitajiet ambjentali oħra? Fiex intefqu dawn il-fondi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-dħul mill-“Caging of Blue Fin Tuna” jiġi depożitat f’Line Item 0352 tar-Revenue Vote tal-Ministeru. Min-naħa l-oħra l-allokazzjonijiet Rikorrenti u Kapitali li ġew ivvutati fuq miżuri ambjentali huma dawk li jidhru f’paġni 123 sa 135 tal-Estimi Finanzjarji għall-2016.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex, l-unika biċċa ħamrija li hemm ħdejn il-lights li jagħtu għal Buġibba/Qawra, hekk kif taqbeż il-Kennedy Grove, fil-fatt tiġi wkoll imsebbħa, bħalma huma l-kumplament tal-partijiet ta' ħamrija li hemm fl-istess daħla għal Buġibba/ Qawra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Billi l-bypass ta' San Pawl il-Baħar qiegħda tkun sors ta' ħafna storbju li jdejjaq lir-residenti, jista’ l-Ministru jieħu l-passi kollha biex, permezz ta' taħwil ta' siġar adegwati, jonqos il-ħoss milli jasal fid-djar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li, peress li ż-żona msemmija hija mmexxija mill-ELC li taqa’ taht is-sorveljanza tal-Ministeru responsabbli mill-infrastruttura, għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-imsemmi Ministeru. Il-Ministeru tiegħi lest li jikkollabora kif ikun hemm bżonn iżda dejjem fil-qafas legali tal-kuntratt li hemm mal-ELC.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex il-water park f'Buġibba jingħalaq? Kemm hu mistenni li jdum magħluq dan il-park? X’passi ttieħdu biex tiġi rranġata l-ħsara li kien hemm?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Water Park ġewwa Buġibba ġie magħluq fit-28 ta’ Lulju minħabba ħsarat tekniċi fl-apparat mekkaniku tal-pompi tal-ilma. Il-Park reġa’ nfetaħ għall-pubbliku fl-4 ta’ Awissu.