Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28701 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Waste Management

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji li ġew short listed għat-tender tal-waste management? Meta se jitlesta l-proċess ta' l-aġġudikazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu ser tingħata fil-futur. Dwar il-proċess ta' l-aġġudikazzjoni, dan qed isir fl-iqsar żmien possibli.
Leg 9 PQ #28705 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Waste Management Strategy

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Waste Management Strategy kif approvat mill-kabinett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Waste Management Strategy Report kif approvat mill-Kabinett, u qed inqassam ukoll kopja lil kull membru.
Leg 9 PQ #28706 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Labour Road — Żabbar

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni f' Labour Road Żabbar għaliex għalqa f' din it-Triq qed isservi ta' miżbla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tajt struzzjonijiet biex issir spezzjoni mill-ispetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Leg 9 PQ #28709 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex id-drenaġġ fi Triq l-Ajkla Bormla ma jfurx u b' konsegwenza jispiċċa f' numru 15 Triq Hanover Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li minħabba li l-kuntratt oriġinali tax-xogħol fi Triq Hanover kien abbandunat mill-kuntrattur, inħareġ kuntratt ieħor sabiex dan ix-xogħol ta' tiswija jsir kemm jista' jkun malajr.
Leg 9 PQ #28731 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Bowser Advert

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ingħatat it-tender għall-bowser advert no. 49/2001. Minn kienu t-tenderers li tefgħu l-offerti u l-ispiża għall kull offerta mitfugħa? Liema waħda ġiet magħżula?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-orħos offerta għaż-żewġ zoni flimkien kienet ta' Joseph Ghigo iżda peress li ma kienx attrezzat biżżejjed bil-makkinarju mitlub fit-tender u ma setgħax ilaħħaq mat-tnejn, il-Gvern aċċettalu l-offerta għad-Distrett ta' Nofs in-Nhar biss bir-rata ta' Lm39.90. It-tieni l-orħos offerta għaż-żewġ zoni flimkien kienet ta' Greenlines. Peress li r-rata waħda li offrew għad-Distrett tat-Tramuntana kienet it-tieni l-orħos, din id-ditta kienet offruta l-kuntratt tat-Tramuntana bil-kundizzjoni li tnaqqas r-rata tagħha, għat-Tramuntana għall-medja tat-totali li huma offrew għaż-żewġ lokalitajiet flimkien li tammonta għar-rata ta' Lm48.75. Il-lista ta' kuntratturi li tefgħu l-offerti tagħhom huma kif imniżżel hawn taħt: Kuntrattur Numru Tramuntana Nofs in-Nhar Nofs in-Nhar tat-Tender u Tramuntana (Rata) (Rata) (Rata) Polisal 1 Lm55.00 Lm75.00 Lm130.00 Sebastian Borg 2 Lm54.00 Lm50.60 Lm104.60 Gen. Ecological Serv. 3 Lm54.00 Lm51.00 Lm105.00 William Bugeja 4 Lm49.50 Lm49.50 Lm 98.00 Espedito Briffa 5 Lm53.00 Lm55.00 Lm105.00 Greenlines Env. Serv. 6 Lm49.75 Lm49.75 Lm 97.50 Joseph Ghigo 7 Lm44.50 Lm39.90 Lm 84.40
Leg 9 PQ #28759 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Combustible Material

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li fi Triq il-Palazz l-Aħmar Qormi, hemm kamra biswit Dar is-Sammaritan li, skond kif jien infurmat, hija mimlija b' materjal jew gases li huma combustible x' inhuma l-prekawzjonijiet li ġew imposti biex din il-kamra ma tkunx ta' periklu għar-residenti u l-iskola li hemm fil-qrib?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28378 Sitting 616 2001-10-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Nixxiegħa Kulturali — Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x' valutazzjoni saret għall-proposti tan-Nixxiegħa Kulturali Mellieħa dwar il-pjan lokali għall-Majjistral ta' Malta Mellieħa? Liema huma dawk li se jiġu implimentati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28476 Sitting 613 2001-10-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Knisja ta' Santa Katarina

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li tlesta x-xogħol fuq ir-restawr tal-Knisja ta' Santa Katarina, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm tħallsu flus l-Universita' ta' Bologna għax-xogħol li għamlu? 2) kemm tħallset il-kumpanija minn Bologna li għamlet ix-xogħol? 3) kemm tħallset il-kumpanija Maltan li tirrapreżenta dik Taljana 4) kemm sewa l-kiri ta' l-iscaffolding? 5) kemm tħallsu overtime u danger allowance il-ħaddiema tal-Gvern fuq dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Universita' ta' Bologna ilhom għal dawn l-aħħar snin jikkolaboraw mat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fuq il-proġett imsejjaħ "Forts, Fortifications and Historic Buildings", liema proġett kien iffinanzjat mir-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja. Dan kien proġett vast immirat biex isaħħaħ it-Taqsima tar-Restawr kemm permezz ta' trasferiment ta' għarfien speċjalizzat kif ukoll fl-infrastruttura tat-Taqsima, biex din tkun f'pożizzjoni aħjar li tirrispondi għall-esiġenzi tal-pajjiż f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħol ta' restawr. Il-proġett tal-Knisja ta' Santa Katerina kien parti integrali minn dan il-programm ta' tisħiħ, u għaldaqstant m'huwiex possibli li wieħed jifred ammont għax-xogħol fuq Santa Katerina mill-ammont totali li tħallset l-Universita' ta' Bologna. Billi l-proġett kien iffinanzjat mill-Protokoll Taljan, il-kuntratt kien fi flus Taljani. Il-kumpanija Taljana li rebħet l-offerta tħallset l-ammont totali ta' LIT 1,177,469,550, li jsarfu f'Lm241,000. Il-kuntratt tat-Taqsima tax-Xogħlijiet kien direttament mal-kumpanija Taljana, kif jesiġu l-kundizzjonijiet tal-Protokoll Taljan. Għaldaqstant m'għandniex informazzjoni fuq kemm tħallset il-kumpanija Maltija li tirrappreżenta dik Taljana. Il-kiri ta' l-iscaffolding sewa LIT 88,004,500, li jsarfu f'Lm18,000. Il-ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuq dan il-proġett tħallsu Lm1,183.50 f'overtime u Lm4,431.26 f'danger allowance.
Leg 9 PQ #28477 Sitting 613 2001-10-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Knisja ta' Santa Katarina

Question

B'riferenza għax-xogħol ta' restawr li sar fil-Knisja ta' Santa Katarina, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus li tħallsu l-ħaddiema Maltin humiex se jitnaqqsu minn dawk dovuti lil kumpanija Taljani

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett ta' Santa Katerina kien ġie ppjanat li jintuża biex fuqu jiġu mħarrġa ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr f'xogħol speċjalizzat ta' restawr mir-restawraturi Taljani li kienu ser iwettqu x-xogħol. Fil-fatt, is-sejħa għall-offerti kienet speċifikament tgħid li numru ta' ħaddiema Maltin kienu ser jipparteċipaw fix-xogħol, u kienet tesiġi wkoll li bħala parti mill-kuntratt, irid jingħata taħriġ lill-ħaddiema Maltin. Għaldaqstant, il-flus li tħallsu l-ħaddiema Maltin f'pagi u 'danger allowance' m'humiex ser jitnaqqsu minn dawk dovuti lill-kumpanija Taljani. Mill-banda l-oħra, l-overtime li twettaq mill-Maltin minħabba esiġenzi ta' kuntratt ġie kollu mħallas mill-kumpanija Taljana bir-rata normali ta' overtime tal-ħaddiema tal-Gvern.
Leg 9 PQ #28478 Sitting 613 2001-10-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Knisja ta' Santa Katarina

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija Taljana li għamlet xogħol ta' restawr fuq il-Knisja ta' Santa Katarina ser tingħata xogħol ieħor mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, liema xogħol se tingħata u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Kumpanija Taljana li għamlet xogħol ta' restawr fuq il-Knisja ta' Santa Katerina ġiet imqabbda tagħmel xogħol ieħor ta' restawr mal-Gvern, dan permezz ta' kuntratt li ġie ffirmat għal perjodu ta' sitt xhur, wara li nġiebu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mid-dipartimenti konċernati. Il-kuntratt, li ser jiswa Lm54,000 għal dan il-perjodu kien maħsub biex ikompli jsaħħaħ dak li diġa' twettaq fuq Santa Katerina, jiġifieri t-taħriġ ta' ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fuq xogħol speċjalizzat ta' restawr. Xogħol diġa' nbeda fuq il-Monument ta' Sir Alexander Ball fil-Barrakka ta' Isfel, il-Belt, fuq il-Funtana ta' l-Ajkla fil-ġnien ta' San Anton, fuq in-navi tal-Knisja ta' Lapsi f'San Ġiljan u fuq l-Arkata Trijonfali li hemm fil-bitħa tal-Berġa ta' L-Italja. Hu ppjanat li jsir xogħol ukoll fuq il-Funtana tal-Misraħ f'Ħaż-Żabbar u fuq il-Bieb ta' Couvre Porte fil-Birgu.
Leg 9 PQ #28480 Sitting 613 2001-10-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Żbroff tad-Dranaġġ — Ibħra

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28209?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' żbroffi tad-drenaġġ fil-baħar mill-1 ta' Ġunju 2001 sa llum, kien ftit ikkomparat ma' dawn l-aħħar snin. Pero' għal informazzjoni aħjar dwar il-lokalitajiet fejn seħħew dawn l-iżbroffi, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28499 Sitting 613 2001-10-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Knisja tal-Santa Katarina

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-iscaffolding li intuża fix-xogħol ta' restawr tal-knisja ta' Santa Katarina inxtara mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, min ħa id-deċiżjoni u kemm tħallsu flus għid għal dawn l-iscaffolding?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-iscaffolding li ntuża fix-xogħol ta' restawr tal-Knisja ta' Santa Katerina nxtara mill-Gvern għas-somma ta' Lm29,750. Id-deċiżjoni ittieħdet wara li saru konsultazzjonijiet neċessarji mad-Dipartiment tal-Kuntratti u ġie stabbilit li l-prezz kien wieħed xieraq għall-ammont ta' scaffolding u aċċessorji oħra li kienu ser jinxtraw. Dan kien scaffolding li nxtara ġdid u ntuża l-ewwel darba fuq il-Knisja ta' Santa Katerina.
Leg 9 PQ #28226 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tindif minn ġebel tas-Sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq in-Nigret, Rabat (side street ma' Vjal il-Ħaddiem) titnaddaf minn ġebel tas-sejjieħ li waqa' minn ħajt fil-maltemp ta' kważi sentejn ilu? Peress li wara diversi rapporti lill-kunsill lokali tar-Rabat, jidher li dan it-tindif ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-kunsill, jista' d-Dipartiment konċernat jieħu l-passi neċessarji anke jekk hemm bżonn, billi s-sid jiġi mġiegħel inaddaf hu stess it-triq li qed tkun ta' periklu għas-sewwieqa u, aktar minn hekk, għall-pedestrains?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #28250 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li fl-inħawi ta' Garaxx nru. 5 taħt it-Triq Għeriexen ir-Rabat hemm id-drenaġġ jew ilma ħiereġ fit-triq, jista' d-dipartiment jinvestiga u jirranġa l-ħsarat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara tindif li sar permezz tal-jetting/suction bowsers, fi Triq l-Għeriexen, Rabat irriżulta li hemm xi ħsara. Għalhekk, ser isir CCTV survey fil-ġranet li ġejjin, biex ikun stabbilit preċiżament fejn qiegħda l-ħsara li imbagħad tissewwa.
Leg 9 PQ #28504 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

M'Scala — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet dwar proġetti li sar isiru ġewwa M'Scala? Jekk iva, fejn u x'tip ta' proġett u meta se jibda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ippjanat bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002, f'Marsascala bħala parti mill-proġett ta' tisbiħ f'lokalitajiet turistiċi huwa dan li ġej: Tkomplija ta' xogħol fuq il-promenade fl-inħawi ta' Triq Żonqor. Xogħol ta' tisbiħ fil-Bajja ta' San Tumas. Kontinwazzjoni ta' xogħol ta' restawr fit-Torri ta' San Tumas u r-redoubt.
Leg 9 PQ #28512 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru għall-Ambjent

Bordijiet u Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Environment Monitoring Board - tmint irġiel. Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt u Floriana - tlettax-il raġel u mara waħda. Kumitat għar-Riabiltazzjoni tal-Kottonera - erbatax-il raġel u mara waħda. Kumitat għar-Riabiltazzjoni ta' l-Imdina - disat irġiel u mara waħda. Bord għall-Bennejja - sitt irġiel. Bord tal-Warrant tal-Periti - sebat irġiel. Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi - ħamest irġiel u mara waħda. Bord ta' l-Inġinerija - sebat irġiel. B.I.C.C. - sbatax-il raġel u mara waħda.
Leg 9 PQ #28595 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Hompesh Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol fuq Hompesh Rd, Fgura waqaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28259 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Pjan tal-Gvern — Diversi Lokalitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-Gvern għat-tisbiħ f'diversi lokalitajiet għall-matul l-2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pjanijiet tal-Gvern għat-tisbiħ f'diversi lokalitajiet għal matul l-2001 (Ottubru - Diċembru) huma: 1. Tkomplija tal-promenade fi Triq G. Borg Olivier, San Ġiljan. 2. Tkomplija fuq xogħol ta' bankini, naħa tar-residenti, fi Triq it-Torri, Sliema. 3. Xogħol fuq promenade ġdida fil-Bajja ta' San Tumas, Marsascala. 4. Xogħol ta' pavimentar fi ġnien pubbliku fi Triq Diċembru Tlettax, Marsa. 5. Xogħol fuq tisbiħ u rranġar tal-ġnien pubbliku King George V, Floriana. 6. Xogħol ta' pavimentar fil-pjazza ta' l-Imġarr, Malta. 7. Tħawwil ta' siġar f'zoni rikreattivi bħal Ta' Qali u Wied Għomor. 8. Tħawwil ta' siġar ma' ġenb it-toroq, bħal f'Wied Kalċi u High Ridge. 9. Tindif u qtugħ ta' ħaxix f'diversi toroq fil-kampanja. 10. Bini ta' ħitan tas-sejjieħ imġarrfa. 11. Jitkompla xogħol fuq l-iżvilupp tal-Parks Nazzjonali f'Ta' Qali u fil-Kottonera. 12. Tindif u riabilitazzjoni ta' widien bħal Wied il-Kbir. 13. Żvilupp tal-promenade f'San Ġiljan. 14. Xogħol ta' tisbiħ f'Buġibba viċin il-pont, taħt Villa Preziosi. - Dan jinkludi bini ta' ħajt biex iżomm il-materjal, liema ħajt imbagħad jitgħatta waqt li ż-żona kollha tiġi msebbħa għal użu rikreattiv.
Leg 9 PQ #28291 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Restawr — Knisja San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flejjes intefqu sabiex tiġi restawrata l-faċċata tal-Knisja ta' San Pawl, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol qiegħed isir minn kuntrattur privat u huwa stmat li jlaħħaq Lm30,372.