Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd għandu karrozza waħda, dik uffiċjali. Din tingħata petrol mingħand Gaetano Camilleri Petrol Service Station fiż-Żurrieq. Il-vettura tiġi ggaraxxjata għand ix-xufiera uffiċjali tal-Ministru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-mobile phone tal-Ministeru u tas-segretarjat privat bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħlasijiet li saru mill-Ministeru ta' l-Agrikultura u s-Sajd għas-servizz ta' mobile phones mill-Ministru u s-Segretarjat Privat tiegħu, kif ukoll mis-Segretarju Permanenti, minn Jannar sa Awissu ammontaw għal Lm2,008.39c. Dan ikopri wkoll il-kont tal-mobile għal ex-Segretarju Permanenti.
B'riferenza għall-mistoqsija 34782, jista' il-Ministru jinfurmani x'sussidji ta' flus ingħataw sabiex dawn il-produtturi tat-tjur jaġġornaw mar-regoli ta' l-UE matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm minn dawn is-sussidji ta' flus ingħataw mill-Gvern Malti u kemm mill-UE? Kemm kienet l-għajnuna globali għall-produtturi Għawdxin u kemm għall-Maltin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-produtturi tat-tjur bdew jieħdu sussidju għar-ristrutturar mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena taħt l-iskema SMPPMA. Dan il-pakkett ta' għajnuna qed ikun negozjat ukoll ma' l-Unjoni Ewropea. L-Onor. Interpellant għandu jifhem li l-għajnuna mill-UE għall-biedja tiġi bis-sħubija u mhux billi nibqgħu barra kif irid l-istess Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija 34783, jista' il-Ministru jindika liema minn dawn il-kundizzjonijiet ta' kontrolli speċjali fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta' l-ikel u tal-biedja se jaffetwaw b'mod negattiv u/jew pożittiv lill-Maltin u l-Għawdxin qabel u wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jgħid għal liema kundizzjonijiet ta' kontrolli speċjali fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta' l-ikel u tal-biedja qiegħed jirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsija 34786, jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni jew aġenziji li pprovdew servizzi professjonali u x'natura ta' servizzi jinvolvu dawn is-servizzi professjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-servizzi professjonali kienu servizzi ta' periti minn David Xuereb & Associates u l-Perit Joseph Camilleri.
Jista' il-Ministru jinfurmani fejn twaħħlet l-irħama msemmija fil-mistoqsija 34786 u x'kienu x-xogħlijiet urġenti fil-Fiddien u kemm ħadu żmien, kif referuti fl-istess mistoqsija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-irħama, li fil-fatt hi plakka ta l-iStainless Steel, twaħħlet fil-post fejn kienet il-plakka oriġinali, bid-differenza li din ġiet ingastata fil-blokka tal-konkrit biex tkun diffiċli li terġa' tinsteraq.
Ix-xogħlijiet urġenti li saru fil-Fiddien fis-sena 2000 kienu t-tindif ta' l-ewwel żewġ diegi li kienu mtlew bin-naqal ta' maltemp preċedenti u li kien hemm il-periklu li dan jibqa' nieżel aktar 'l isfel fil-Wied. Dan kien jagħmilha aktar diffiċli biex jitnaddaf. Ix-xogħol dam sejjer sebat ijiem.
Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża n-nuqqas ta' qbil mill-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib dwar l-aħħar proposti ġodda tal-Ministeru tal-Beef Intervention Scheme? X'kienu r-raġunijiet li nhar it-tnejn 3 ta' Settembru 2002 ir-raħħala ma niżlux bhejjem għall-qatla taċ-ċanga friska?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bl-introduzzjoni ta' ħlas dirett lill-produttur il-kumpens għall-Beef Intervention Scheme se jingħata direttament lill-produttur u dawn iridu jnaqqsu l-prezz biex il-biċċiera jkunu jistgħu jbiegħu l-karkassa kollha. Sal-lum għadhom għaddejjin in-negozjati bejn il-partijiet konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li matul dawn l-aħħar 4 snin ma nbnietx il-fabbrika l-ġdida tal-ħalib? Fejn huwa s-sit li qed jippoponi l-Gvern għall-iżvilupp ta' din il-fabbrika? Jista' jpoġġi kopja tal-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-kumpannija Malta Dairy Products iddeċidiet li għalissa ma tibnix fabbrika ġdida u minflok iġġedded il-fabbrika li għandha fil-Ħamrun. Fil-fatt, il-kumpannija qed tinvesti biex il-fabbrika tilħaq standards internazzjonali sas-sena 2003. Dan qed isir ukoll bl-għajnuna tat-Taqsima ta’ l-Ikel u Attività Veterinarja fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd, kif ukoll bl-għajnuna ta’ konsulenti barranin.
Jista' il-Ministru jara li jinżabru żewġ siġriet kbar ta' iktar minn 4 sulari li jinsabu jmissu mall-faċċata ta' blokk F fi Triq l-Iklin Housing Estate, Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-responsabbilta' ta' dan ix-xogħol hi tal-Kunsill Lokali ta' Haż-Żabbar. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel it-talba tagħha lil dan il-Kunsill.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35421, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd, jieħu ħsieb li jitnaddfu l-ispralli ta' l-ilma tax-xita li jagħtu għall-ġibjuni ta' taħt l-art li hawn fil-pjazez u toroq fl-irħula. Il-kanali li jieħdu ilma tat-toroq biex jevitaw l-għargħar f'xi inħawi huma responsabbilta' tal-Ministeru għat-Transport u Komunikazzjoni, u għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lilu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-kwota tal-produzzjoni lokali tal-ħalib frisk li talab il-Gvern lill-UE fil-proċess tan-negozjati? Fejn waslet din il-proposta u kemm hija ż-żieda tal-kwota li ntalbet meta ipparagunata ma' dik attwali? Meta fil-fatt l-UE se tirtira s-sistema tal-kwoti tagħha tal-ħalib frisk għall-pajjiżi membri fis-sena 2006 u/jew fl-2008?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-kwota tal-ħalib żejda mitluba mill-Gvern Malti fin-negozjati se tirrifletti ż-żieda ta' 25% fl-effiċjenza tal-merħla preżenti. L-UE għad trid tagħmel review tal-kwota tal-ħalib fis-sena 2003.
Jista' il-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li filwaqt li qed iħeġġeġ lill-produtturi tal-laħam tal-majjal sabiex iżidu l-produzzjoni qed jinnegozja ma' l-UE sabiex dawn ma jaċċedux il-kwota attwali lokali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma' l-Unjoni Ewropea qed ikun negozjat id-dritt li Malta żżomm sistema ta' kwota tal-majjal fuq bażi ta' miżuri ambjentali. Ma jfissirx li l-kwota ma tistax tiżdied jekk is-sistema ta' Waste Management fl-irziezet titjieb b'mod li ma jkunx hemm ħsara għall-ambjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-kwantita' ta' ħxejjex frisk u frott frisk iddaħħal mill-bdiewa Maltin u Għawdxin fil-Pitkalija ċentrali ta' Malta bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena u ma nbiegħux? Jista' jwieġeb l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000 u 2001 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma jinżammux rekords ta' ħxejjex u frott li jiddaħħlu fil-Pitkalija ma jinbigħux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa Maltin u Għawdxin li matul l-istaġun tas-sajf ta' din is-sena irrapurtaw li kellhom nuqqas ta' l-ilma u/jew l-ispejjer tagħhom ikontaminati bid-drenaġġ? F'liema raħal ta' Malta u Għawdex irriżultaw dawn il-problemi u x'passi ittieħdu? X'servizzi ingħataw, u/jew kumpens finanzjarju, il-bdiewa inkwistjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li 26 bidwi fil-Marfa rrappurtaw li kellhom nuqqas ta' ilma fl-ispejjer tagħhom dan is-sajf, filwaqt li tmien bdiewa jingħad li ntlaqtu meta spejjer fil-Qammiegħ ġew kontaminati bid-drenaġġ. Kien hemm każ ieħor riċenti ta' kontaminazzjoni ta' sors ta' ilma fil-Ġnien tax-Xadba, kollha fil-limiti tal-Mellieha. Id-Dipartiment żamm kuntatt, sew mad-Dipartiment tad-Drenaġġ, u sew mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex ikunu solvuti dawn il-problemi u fejn kien il-każ, qiegħed jinħadem kumpens għal dawk il-bdiewa li nvolantarjament ġew milquta mill-kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Nuqqas ta' ilma kien irrappurtat minn bdiewa f'diversi lokalitajiet inklużi l-ispejjer tal-Qasam tal-Gvern tal-Ghammieri, il-Marsa, minn liema ilma kienet tieħu l-Kooperattiva tal-Majjali (KIM) għall-ħasil tar-razzett tagħhom. Ta' min ifakkar li l-bdiewa kollha konxji li n-nixfa ta' l-ispejjer hija kawża tan-nuqqas ta' xita li kellna fl-aħħar sentejn.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li jgħid li jiltaqa' ma' l-għaqdiet tal-bdiewa regolarment imbagħad fil-Parlament iddikjara li ma kienx jaf li fil-Pitkalija mit-Tnejn, 15 ta' Lulju 2002 bdew jinżammu ħinijiet ġodda għad-dħul tal-biegħa?
X'ilmenti tqajmu mill-bdiewa dwar din il-bidla tal-ħin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien qatt ma għidt li ma naf xejn dwar il-proposti magħmula mill-kumitat imwaqqaf minni u li jirrigwardaw tibdil fil-ħinijiet bi prova fil-Pitkalija. Fir-rigward ta' ilmenti li tqajmu mill-bdiewa jien infurmat li l-Ministeru mill-ewwel ħa passi biex f'każ ta' ilment ġustifikat dan jiġi indirizzat minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li ltaqa' magħhom l-Ministru u ddiskuta dawn l-arranġamenti tal-ħinijiet ġodda għall-biegħa li daħlu fil-Pitkalija?
Liema kienu dawk l-għaqdiet li qablu ma' dawn il-ħinijiet il-ġodda u liema għaqdiet tal-bdiewa ma qablux?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd waqqaf kumitat biex jeżamina u jagħti pariri dwar it-tibdil meħtieġ fil-Pitkalija. Dan il-Kumitat huwa magħmul kif ġej:
Chairperson: Segretarju Permanenti Agrikultura u Sajd
Deputati Chairperson: Direttur Ġenerali (Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali)
Membri: Management Efficiency Unit
MITTS
Director of Review (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Information Management Officer (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Rappreżentant tal-Pitkala
Rappreżentant tal-Kooperattiva tal-Bdiewa (FCCS)
Rappreżentant ta' l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa
Rappreżentant tal-GRTU
Rappreżentant ta' l-Għaqdiet tal-Konsumaturi
Membru Indipendenti
Wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-kumitat hu li jkun hemm qbil ġenerali dwar it-tibdiliet proposti. Fil-każ ta' tibdil fil-ħinijiet, nista' nikkonferma li ma kienx hemm qbil unanimu iżda kulħadd fehem u qed jifhem il-bżonn ta' bidla fl-operat tal-Pitkalija inkluż fil-ħinijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-inħawi fejn se jiġu mħawla s-siġar fil-kampanja u partikolarment il-pjanti li jinkludu l-parti ta' l-Mtaħleb l/o Rabat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kien jeżisti pjan biex jitħawlu siġar fl-Imtaħleb limiti tar-Rabat iżda minħabba nuqqas ta' xita kellu jkun pospost. B'dan il-programm ta' taħwil kien infurmat il-Kunsill tar-Rabat peress li d-Dipartiment ta' l-Agrikultura m'għandux kuntratt ma' dan il-Kunsill.
Jista' il-Ministru jgħid jistax jiġi organizzat li siġar u xtieli li hemm f'postijiet pubbliċi, fosthom proġetti ta' toroq ġodda, jiġu msaqqa bl-ilma b'mod regolari partikolarment fix-xhur sħan tas-sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li siġar u xtieli li hemm f'postijiet pubbliċi jissaqqew regolarment skond il-programm tax-xogħol.
X’rapporti saru mill-awtoritajiet fil-biedja dwar l-ispejjer ta’ Wied il-Marfa li fix-xhur li għaddew sfaw bla ilma? Jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma saru l-ebda rapporti mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura. Sar biss survey minn uffiċjali ta' l-agrikultura fl-inħawi milquta, fejn ittieħdet nota ta' prodotti li kienu jitkabbru u l-kundizzjoni tagħhom.
B'referenza għad-domanda tiegħi dwar il-żabra li hemm bżonn għas-siġar fit-triq tad-daħla għall-ġonna tal-Buskett ħalli ma jkunx hemm tqaċċiet ta' friegħi ta' dawn is-siġar kawżat mill-preżenza ta' trakkijiet li jiffrekwentaw din it-triq, jista' l-Ministru jaġġornani bl-iżvilupp u ċioe meta nżabru s-siġar in kwistjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-siġar li hemm fit-triq tad-daħla tal-Buskett inżabru f'Mejju ta' l-2000.