Andorra, Monako u San Marino – relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi żgħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħadet Malta biex tkompli tqarrab ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi żgħar bħalna, partikolarment l-Andorra, Monako u San Marino?
Response (VELLA, GEORGE)
Il-Gvern huwa mpenjat li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi anki ma’ pajjiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea (UE). Fost dawn il-pajjiżi, il-Gvern qed jagħti importanza wkoll lil pajjiżi żgħar bħal Andorra, Monaco u San Marino.
Andorra
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u Andorra qed jissaħħu permezz ta’ numru ta' laqgħat f’dawn l-aħħar snin. Fil-5 ta’ Mejju 2014 iltqajt mal-E.T. Gilbert Saboya Sunye, Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Andorra, waqt il-124 sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li sar fi Vjenna. Waqt il-laqgħa iddiskutejna l-perspettiva ta’ Andorra fuq l-UE u l-possibilità li jinfetħu n-negozzjati ma’ Andorra fuq Assoċjazzjoni mal-UE.
Dawn it-taħdidiet komplew f’'Settembru 2014, meta kelli laqgħa oħra bilaterali mal-E.T. Saboya Sunye waqt tal-Assemblea tal-Ġnus Magħquda fi New York. Din il-laqgħa wasslet wkoll għal żjara uffiċċjali mill-Ministru Saboya Sunye f'Malta fit-23 ta’ Lulju 2015. Matul dawn il-konsultazzjonijiet, iż-żewġ pajjiżi qablu sabiex ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali permezz ta’ koperazzjoni f’diversi oqsma, partikolarment il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll il-bdil ta’ kompetenzi u esperjenzi f’diversi setturi. Matul dawn it-taħdidiet esprimejt ir-rieda ta’ Malta li taqsam l-għarfien u l-esperjenza li kienet akkwistat waqt in-negozjati għall-adeżjoni tagħha fl-UE kif ukoll matul l-aħħar ħdax-il sena bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Hemm pjanijiet biex, fil-futur qrib, tkun mistiedna delegazzjoni minn Andorra sabiex naqsmu magħhom l-esperjenza ta’ Malta fl-UE u nsaħħu r-relazzjonijiet kumerċjali u ekonomiċi eżistenti.
Bħalissa għaddejjin negozjati għal ftehim bilaterali dwar il-Ħelsien mit-Taxxa Doppja. Dawn in-negozjati li saru bejn l-14 u l-15 ta’ Diċembru 2015 kienu konklużi b’suċċess u l-Ftehim mistenni li jigi iffirmat din is-sena.
Monaco
Ir-Rapprezentat Permanenti Malti fi Vjenna ltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Monaco, waqt il-Konferenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-Mediterran li saret f’Ottubru 2013 f’Monaco.
Fil-5 ta’ Mejju 2014, jien iltqajt mal-E.T. Jose Badia, Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Monaco, waqt il-124 sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Eworpa li sar fi Vjenna. Waqt din il-laqgћa iddiskutejna l-perspettiva ta’ Monaco fuq l-UE u l-possibilità li jinfetћu n-negozjati ma’ Monaco għal Assoċjazzjoni mal-UE.
Ġew konklużi wkoll negozjati dwar ftehim bilaterali fuq il-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u l-Ftehim mistenni jiġi ffirmat din is-sena.
San Marino
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Repubblika ta’ San Marino qed jissaħħu b’laqgћat regolari bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom fl-oqsma tax-xandir u dak tas-saħħa.
Għal dan il-għan inbeda proċess li permezz tiegħu kien iffirmat ftehim f’Novembru tal-2013 bejn il-Public Broadcasting Services u San Marino RTV li joћloq opportunitajiet ta’ taћrig u skambju ta’ għarfien.
F’Jannar tal-2015 kien iffirmat ftehim fil-qasam tal-komunikazzjoni u informatika bejn Malta, Tenerife u San Marino. Permezz ta’ dan il-ftehim, it-tliet gvernijiet qed jaqblu li jidħlu fi skambji ta’ komunizzjoni biex jikber l-għarfien bejn it-tliet pajjiżi. Il-ftehim, li għandu wkoll il-patriċinju ta’ kumitat imqabbad mill-UNESCO biex jieħu ħsieb il-patrimonju mhux materjali (immaterial heritage), jaħseb ukoll għal bdil ta’ għarfien industrijali, kulturali u turistiċi.
Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-Ministeru tiegħi huwa wkoll involut f’konsultazzjonijiet bejn l-Akkademja Maditerranja għall-Istudji Diplomatiċi (il-MEDAC), fl-Universita’ ta’ Malta, u l-Universita’ ta’ San Marino sabiex ikun konkluż ftehim bejn iż-żewġ instituzzjonijiet rigward kors konġunt li jwassal għal Masters.
Bħalissa għaddej proċess sabiex niffirmaw Ftehim ta’ Kooperazzjoni fil-Qasam tas-Saћћa bejn il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa u l-Ministeru għas-Saħħa u s-Sigurtà Soċjali ta’ San Marino. Dan il-Ftehim mistenni jkun iffirmat fit-28 ta’April 2016 waqt żjara uffiċċjali f’Malta mill-Ministru għas-Saħħa u s-Sigurtà Soċjali ta’ San Marino.
Fl-2015 tkomplew id-diskussjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ dawn it-tliet pajjiżi permezz ta’ ftehim dwar l-integrazzjoni tagħhom fis-Suq Ħieles. Dan il-ftehim, li għadu qed ikun diskuss, se jiffaċilita kemm in-negozju ma’ dawn il-pajjiżi kif ukoll il-mobilta’ taċ-ċittadini ta’ dawn it-tliet Stati u tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min isemmi wkoll li l-Gvernijiet ta’ Andorra, Monaco u San Marino talbu l-għajnuna ta’ Malta f’diversi okkazjonjiet rigward dan il-ftehim u aħna dejjem tajna l-appoġġ tagħna.