Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, se tiġi rikonoxxuta fil-fond fejn tirrisjedi? Jaf il-Ministru li għalkemm din il-persuna daħlet f'dan il-fond biex ma tibqax fit-triq u sakemm tingħatalha akkomodazzjoni alternattiva dan qatt ma sar? Jaf il-Ministru li jekk tiġi nforzata eviction order fil-konfront tagħha, din se terġa' tispiċċa fit-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhix il-policy li persuni, li jkunu okkupaw postijiet illegalment billi użaw vjolenza, jiġu rikonoxxuti fil-post.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm ilu ma jitħallas imgħax fuq l-ishma lill-Membri tal-Koperattiva Għawdxija tal-Ħalib u Biedja; 2) għaliex mhuwiex jitħallas dan l-imgħax; u 3) jekk l-imgħax fuq l-ishma lill-Membri tal-Koperattiva Maltija tal-Ħalib qed jitħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li:
1. Il-membri tal-Koperattiva Għawdxija tal-Ħalib u Biedja, illum
imsejjħa GOZITANO, ilhom ma jitħallsu mgħax fuq l-isħma mill-1978.
2. Ir-raġuni għal dan, huwa li ftit sar profitt, u meta sar dan, mar biex jagħmel tajjeb għal l-iżbilanċ fil-kont ta' qliegħ u telf tal-Koperattiva.
3. Il-Koperattiva ma għadx fadlilha membri li jissuplixxu l-ħalib peress li ġew reġistrati mal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir slum clearance project fi Triq San Patrizju, il-Belt fejn hemm ħafna bini substandard li hu vojt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għalkemm huwa minnu li kif qed jgħid l-Onor. Interpellant hemm diversi bini vojta u "sub-standard" fl-inħawi ta' Triq San Patrizju il-Belt, m'hemmx ħsieb li l-proġett ta' "Slum Clearance" jiġi estiż f'dawn l-inħawi. Fil-fatt apparti minn tliet proġetti li ilhom ippjanati diversi snin, qed jiġi osservat moratorju fuq proġetti ġodda l-Belt sakemm tiġi ifformulata politika komprensiva b'enfasi aktar fuq rijabilitazzjoni milli fuq twaqqiegħ u b'parteċipazzjoni tas-settur privat kif indikat fil-programm elettorali.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorita' tad-Djar toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet għal djar/appartamenti bil-kera anke fil-każ ta' l-għarajjes fil-futur qrib? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jiġri dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hu ppjanat li aktar tard din is-sena jinħarġu postijiet bil-kera.
Fil-każ ta' koppja għarajjes, sal-lum dawn setgħu japplikaw għall-postijiet b'bejgħ. Madanakollu, fil-ħarġa li jmiss, il-possibilta' li koppja għarajjes jiġu allokati postijiet b'kera tkun kunsidrata.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu djar fil-Furjana mill-aħħar elezzjoni ġenerali 'il hawn? Kemm minnhom tqassmu lil evictees tas-slum clearance project fil-Furjana stess? Hijiex tingħata xi priorita' lil dawn l-evictees?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi tul iż-żmien indikat fil-Furjana saru żewġ allokazzjonijiet. Dan kien wara talba ta' bdil mill-inkwilini bejniethom
15.3.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4289?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq it-tieni parti tar-reġistru (part 2) fl-aħħar ta' Diċembru, 1998 kien ta' 473.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi għall-liema tip ta' xogħol kienu qegħdin jirreġistraw.
15.3.99
Ministeru għall-Politika Soċjali — Linji diretti tat-telephones
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-riżultat għal Post of Head, Care Centre (Adult Training Centre) wara s-sejħa MPO Circular 50/97 (19 ta' Settembru, 1997) huwa ffirmat biss mis-segretarju tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mhux ukoll minn dawk kollha li kienu membri tal-bord li għamel l-intervisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-riżultat għall-Postijiet ta' Head, Care Centre (Adult Training Centre) hija materja tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u għalhekk ikun aħjar jekk l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru li taħtu taqa' l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiġi assigurat li r-refuġjati li qed jingħataw impjieg part-time ma jiġux sfruttati minn min jimpjegahom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-"Expatriates", li hija l-awtorita' responsabbli li tapprova l-ħruġ ta' "employment licences", lill-persuni barranin, m'hi qed tapprova l-ebda "employment licence", kemm għal xogħol "full-time" kif ukoll "part-time", lill-persuni barranin a bażi ta' l-"istatus" tagħhom ta' refuġjati.
Irrid ngħid iżda li l-liġi taċ-CERA tkopri lill-ħaddiema kollha, inklużi dawk barranin, u li l-"Inspectors" tad-Dipartiment tax-Xogħol, meta jiltaqgħu ma xi rregolarita' dwar kundizzjonijiet ta' xogħol, anke meta tkun tinvolvi ħaddiema barranin, jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-liġi sabiex l-irregolarita' tiġi retifikata.
10.3.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li partijiet mill-Belt Sengleana jitwaqqgħu biex minn flokhom jinbnew djar moderni u komdi tul din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dis-sena hemm il-ħsieb li jitwaqqa' bini fi Triq San Filippu u floku jitla' blokk ta' 3 appartament.
10.3.99
Peress li t-Torball Blind Association ilha snin tistenna li tingħata bini abbandunat fl-Imtarfa sabiex tiżviluppa ċentru modern għall-membri tagħha, u peress li l-gvern mistenni jressaq riżoluzzjoni fil-Parlament sabiex jipprovdi faċilitajiet lill-għaqdiet tal-volontarjat f'pajjiżna, jista' l-Ministru jikkonsidra li jinkludi t-talba ta' l-għaqda msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1521.
Jien infurmat li sal-lum l-Awtorita' tad-Djar għad ma kellhiex tweġiba formali għat-talba tagħha lill-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex il-bini ndikat ikun trasferit lill-Istess Awtorita'. Tlabt lill-Awtorita' sabiex terġa tqajjem dan il-każ mad-Diviżjoni ta' l-Artijiet.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet li għandha quddiema l-Awtorita' tad-Djar u d-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex tipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lill-familji li għandhom tfal b'diżabilita'?
Kemm kien in-numru ta' familji bl-istess problemi li t-talbiet ġew rimedjati matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu mija tmienja u tmenin (188) applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva minn familji li għandhom persuna b'diżabilita'.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli:
(i) Tabella A li tipprovdi nformazzjoni dwar kemm familji li għandhom persuna b'diżabilita' ġew allokati akkomodazzjoni alternattiva mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali bejn l-1994 u Frar 1999;
(ii) Tabella B li tipprovdi nformazzjoni dwar in-numru ta' appartamenti li kienu allokati mill-Awtorita' tad-Djar lill-applikanti b'diżabilita' u dwar xogħol ta' titjib mill-istess Awtorita' fi djar okkupati minn persuni b'diżabilita'.
10.3.99
Peress li f'numru ta' fergħat tal-banek lokali f'Malta u Għawdex l-entratura tal-banek m'hijiex daqstant aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita', jista' l-Ministru jibda kordinament uffiċjali mal-banek sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rimedjati għall-ġid tal-kawża ġusta tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru ta' l-Ambjent b'kordinazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' waqqfu "Accessibility Unit" propju bil-għan speċifiku li jaħdmu biex bini miftuħ għall-pubbliku jkun aċċessibli għal kullħadd, inkluż persuni b'diżabilita', anke dawk li jużaw siġġu tar-roti. Fil-preżent reġgħu bdew taħditiet bejn iż-żewġ naħat biex din il-unit jiżviluppa b'pass aktar mgħaġġel.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tinsab ukoll f'kuntatt ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex bini miftuħ għall-pubbliku jew rinovazzjoni qawwi ta' bini miftuħ għal pubbliku josserva dan il-prinċipju.
Il-Kummissjoni għamlet u għadha tagħmel diversi rappreżentazzjonijiet ma' fergħat ta' banek individwalment biex dan il-prinċipju jkun osservat. Il-Kunsilli Lokali ukoll ġieli ħadu l-inizjattiva biex, fejn ikun hemm rinovazzjoni ta' bini miftuħ għall-pubbliku, dan isir skond il-prinċipju ta' 'Aċċessibilita għal Kulħadd'.
Il-Kummissjoni tqassam, u ser tkompli tqassam, letteratura speċjaliżżata biex il-banek u bini miftuħ għall-pubbliku jiġi mibni jew rinovat skond dan il-prinċipju.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hawn familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-Għajnuna Soċjali huwa ta' 9,808.
Ninforma l-Onor. Interpellant li m'hawn ħadd li jiddependi biss fuq l-Għajnuna Soċjali. F'Każ ta' persuna waħedha, l-għajnuna hi ta' Lm27.13 fil-ġimgħa, liema Għajnuna tiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull membru ieħor. Jitħallas ukoll Bonus Addizzjonali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa, kif ukoll Bonus ta' kull sitt xhur ta' Lm58. Titħallas ukoll l-Allowance tat-Tfal jew l-Allowance Supplimentari skond il-każ. F'każ ta' mard kroniku titħallas Għajnuna għal Mard ta' Lm5.90 fil-ġimgħa.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'għamel s'issa biex jirregola l-qagħda ta' dawk li jaħdmu part-time u li jitilfu l-benefiċċji għax jaħdmu biss xi siegħa inqas fil-ġimgħa mill-ammont ta' sigħat li wieħed irid jaħdem biex jikkwalifika għal ċerti benefiċċji? Ma jaħsibx il-Ministru li l-gvern jieħu miżuri biex jipproteġi lill-part-timers u jbiddel il-liġi jekk hemm bżonn biex ma nħallux iktar loopholes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel darba li ħaddiema "part-time" ġew intitolati għal porzjon pro rata għal "leave" b'vaganza, "leave" għall-mard, "leave" għal twelid ta' tarbija, "leave" b'luttu, "leave" għal żwieġ u "leave" għal korriment kien f'April permezz ta' A.L. 61 ta' 1996.
Dan il-"leave" għal "part-timers" hu marbut bil-kundizzjoni li l-impjieg "part-time" ikun l-impjieg prinċipali u li l-għad ta' sigħat tax-xogħol ma jkunx inqas minn għoxrin siegħa.
Qed inżomm konsultazzjonijiet, permess ta' l-uffiċjali tiegħi, ma' l-imseħbin soċjali kollha, sabiex fejn hu possibbli, jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddem, speċjalment fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
10.3.99
Fid-dawl ta' l-inċidenti koroħ fejn qed imutu jew ikorru ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u li qegħdin ta' spiss jiġru fl-industrija tal-bini, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Health and Safety Unit tul l-1998? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk il-pulizija ħaditx passi kontra xi kuntratturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-korrimenti fuq il-lant tax-xogħol ma jiġrux biss wara nuqqas ta' ħarsien tar-regolamenti li jħarsu s-saħħa u sigurta', iżda jiġru wkoll meta bini ma jittellax skond is-sengħa, meta jittella minn nies mhux kwalifikati jew kompetenti biex jibnu, jew inkella meta jitla bini mingħajr is-superviżjoni ta' perit. F'każijiet bħal dawn, l-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol ma jkunux jieħdu passi legali.
Minħabba n-natura tax-xogħol, iżda l-iktar minħabba n-nuqqas ta' "awareness" f'ħaddiema li jagħmlu dan it-tip ta' xogħol, l-Ispettur tas-Saħħa u s-Sigurta' jagħtu mportanza partikolari lil dan is-settur. Fil-fatt, bħala medja, spezzjoni minn kull sebgħa li jsiru tkun fuq postijiet li fihom ikun qed isir bini jew kostruzzjoni (fl-1998, minn 605 spezzjoni, 81 kienu f'postijiet tali).
Waqt dawn l-ispezzjonijiet, l-Ispetturi jieħdu l-opportunita' li jgħallmu lil min ikun qed jaħden b'mod perikoluż. Spetturi jqassmu wkoll kopji b'xejn tal-Kodiċi tal-Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni, maħruġ fl-1997 mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol; ta' min jirrimarka illi l-abbozz ta' dan il-Kodiċi sar minn Spettur tal-"Occupational Health and Safety Unit".
Wieħed irid jirrimarka illi meta nċident jirriżulta f'xi fatalita jew f'xi korriment serju, issir investigazzjoni mill-"Occupational Health and Safety Unit", waqt li nvarjabbilment tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali. Bħal ma' diga' ntqal f'risposti għal domandi parlamentari oħra, hija fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat Nkwirenti jekk isejjaħx fl-Inkjesta lill-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta'.
Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandux statistika dwar in-numru totali ta' każijiet imressqa l-Qorti mill-Pulizija.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn: (i) kemm saru talbiet ġodda għall-akkomodazzjoni alternattiva u kif inhuma kategorizzati; (ii) kemm ġew allokati djar mid-dipartiment u kemm minnhom kienu rikonoxximent ta' kera u kemm bdil; u (iii) kemm djar abitabbli ġew f'idejn id-dipartiment fl-aħħar ta' kull xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
10.3.99
Servizzi Soċjali — Korriment fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-benefiċċju minħabba korrimenti fuq il-post tax-xogħol lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali matul is-sena 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' talbiet għall-benefiċċju dwar korriment fuq il-post tax-xogħol, li rċieva d-Dipartiment matul is-sena 1998, kien ta' 5,430.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li persuna li jkollha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li tittrasferiha fuq terzi persuni jew tneħħi minn fuqha, tirreġistra għax-xogħol ma' l-ETC?
Jaħseb il-Ministru li peress li minħabba f'burokrazija dan il-proċess kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finalizzat, mhux ġust li bniedem ma jkun qed jirċievi l-ebda benefiċċji ta' disimpjieg jew jirreġistra għal xogħol sakemm il-liċenzja titneħħa minn fuqu? Jekk fl-affermattiv, x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern preżenti biex jilqa' għal din l-inġustizzja mas-self-employed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kull persuna li għandha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li titrasferiha fuq terzi persuni jew li tneħħiha minn fuqha tista' tirreġistra għax-xogħol ma l-ETC jekk tipproduċi kopja ta' l-applikazzjoni uffiċjali li hi tagħmel għand il-pulizija għal dan il-għan. Fil-każ ta' trasferiment dan japplika biss jekk dan it-trasferiment ma jsirx fuq membri tal-familja immedjata tagħhom.
Peress li, kif qed jgħid l-Onor. Membru il-proċess kollu tat-trasferiment hu twil u kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finaliżżat, kif semmejt qabel, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tesiġix li l-proċess ikun sar kollu qabel ma persuna tkun tista' tirreġistra iżda biss li tipproduċi l-applikazzjoni uffiċjali għal dan it-trasferiment.
10.3.99