Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura — Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-arbli tad-dawl fi Triq tax-Xemx u l-Qamar fil-Fgura?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Enemalta issottomettiet applikazzjoni lill-ADT kif ukoll lill-MEPA biex ikun jista' jsir ix-xogħol ta' trinek meħtieġa. Ladarba dawn il-permessi jinħarġu, ix-xogħol ikun jista' jitkompla.

Bank of Valletta — Privatizzazzjoni

Question

Fil-privatizzazzjoni tal-Bank of Valletta, il-gvern se jfittex sieħeb strateġiku kbir jew se jimxi fuq l-opinjoni taċ-chairman tal-MFSA li jsib banek daqs mezzan bħalma għandhom fil-Ġermanja u l-Italja, bħalma indika f'intervista riċenti fl-istampa lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

L-opinjoni taċ-Ċhairman tal-MFSA hi ovvjament opinjoni tiegħu u s-sieħeb strateġiku mhux neċessarjament jinkwadra ruħu fiż-żewġ alternattivi (li huma ftit min ħafna) li ssemmew fid-domanda.

Servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-kumpannija li magħha qed isiru trattattivi biex jiġi ri-introdott servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex fuq bażi temporanja? Kif u minn min intgħażlet din il-kumpannija? X'inhu t-track record tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 7956.

Air Malta — Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se jsiru n-negozjati biex il-gvern jiddisponi mill-proprjetajiet fil-qasam tal-lukandi li għandha l-Air Malta? Kif se jiġu identifikati ix-xerrejja prospettivi? Minn min se jsiru n-negozjati għan-naħa tal-gvern mill-MIMCOL?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Ferh Complex

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8469 u cioe' jirrispondi mistoqsija parlamentari 8235 u jgħid fiex waslu t-trattattivi biex Ħal Ferħ jgħaddi għand kumpannija privata? Kemm hemm kumpanniji privati interessati f'Ħal Ferħ?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ser tbigħ l-ishma tagħha fil-kumpanija Ħal-Ferħ Co. Ltd permezz ta' sejħa għall-offerti. Il-preparamenti għal-ħruġ ta' din is-sejħa huma mexjin b'ritmu mgħaġġel u huwa stmat li s-sejħa ssir sa l-ewwel nofs tal-2005.

Manikata — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul it-12-il xahar li għaddew jekk sarx, u jekk sar meta sar, ix-xogħol li kellu jsir fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata għax sal-ġimgħa li għaddiet reġa' far u nitten l-inħawi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' bdil ta' parti żgħira mill-mejn tal-Manikata bħala miżura temporanja għadu ma sarx minħabba li s-sezzjoni tal-Wastewater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha prijoritajiet oħra aktar urġenti fis-sajf u x-xogħol issa ingħata lil kuntrattur privat. Dan ix-xogħol issa hu mistenni li jinbeda fit-tieni nofs ta' Novembru. Il-bdil tas-sistema kollha huwa parti mill-proġett 'Malta North Sewage Treatment Plant and Sewage Treatment Infrastructure', liema xogħol mistenni jibda fl-aħħar nofs tas-sena 2005.

Xiri ta' żejt mil-Libja

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim għax-xiri taż-żejt mil-Libja għas-sena 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba n-natura kummerċjali tal-ftehim dwar xiri ta' żejt, bejn Malta u l-Libja, ma jidhirlix li hu xieraq li npoġġi kopja ta' l-istess ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo Channel — Unaudited accounts

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija ta' mistoqsija parlamentari 8551, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-unaudited accounts annwali tal-kumpannija Gozo Channel li jkopru l-perijodu ta' bejn Ottubru 2003 u Settembru 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Le, għaliex kif suppost jaf l-Onorevoli Interpellant, il-"management accounts" ikollhom ħafna nformazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva. Meta dawn l-"accounts" jiġu "audited" npoġġi fuq il-Mejda, l-"audited accounts".

Servizz tal-Helicopter

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8359, peress li dik l-istess mistoqsija titratta dwar il-ħaddiema tal-heliport u peress li huwa inġust u inuman li dawn in-nies jitħallew fil-għama, ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-ħaddiema għandhom kull dritt li jkunu jafu x'se jiġri minnhom mill-iktar fis?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gozo Channel — Kafetterija

Question

Peress li diġa' hemm diversi complaints minħabba l-kafetterija tal-Gozo Channel għaliex trid iddum ħafna fil-queue biex tinqeda, ma jaħsibx il-Ministru li dan l-inkonvenjent għandu jiġi ndirizzat minnufih?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Kumpanija, fil-jiem li ġejjin, ser tkun f'pożizzjoni li talloka t-tieni persuna biex isservi lin-nies, u b'hekk l-operat jerġa' jiġi għan-normal kif kien qabel, jiġifieri bi tnejn mill-ħaddiema jaqdu l-klijenti tagħna.

Gozo Channel — Passiġġiera li tħallew l-art

Question

Peress li qed jitħallew l-art il-passiġġieri minħabba l-miżura li ttieħdet dwar it-tnaqqis ta' crew fuq il-vapuri tal-Gozo Channel - in-nies li tħallew l-art ħafna minnhom kienu turisti - u peress li kien hemm ħafna tgergir minħabba li passiġġieri tħallew l-art, ma jaħsibx il-Ministru li dan huwa inkonvenjent żejjed a detriment anke tat-turiżmu f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fl-ewwel jumejn li l-Kumpanija ħadmet bil-kru ridott, ma kienx hemm volum qawwi ta' turisti li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer. Fil-fatt ma jidhirx li tħallew nies l-art minħabba l-arranġamenti l-ġodda. Madankollu, l-Kumpanija qed tieħu ħsieb li tilqa' għall-eventwalitajiet ta' numru qawwi ta' turisti fil-'peak hours', biex b'hekk jitnaqqas l-inkonvenjent għall-passiġġieri.

IPSL — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħdi x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-ħaddiema ta' l-IPSL ġew informati sabiex jieħdu l-leave tagħhom b'mod li sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 ikun fadlilhom biss ħamest ijiem, il-Kalaxlokk qegħda tirrifjuta li l-ħaddiema japplikaw għal-leave u qegħdin anke jiġu mhedda li jekk jibbenefikaw minn sick leave dawn se jiġu mkeċċija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħin tas-Sajf — Enerġija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' enerġija elettrika u l-valur tagħha, li qed ikun iffrankat bil-ħin tas-sajf li llum ikopri seba' xhur mis-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li barra li jista' jkun hemm nuqqas fil-konsum ta' l-enerġija minħabba t-tibdil fil-ħin tas-sajf, il-konsum ta' l-enerġija ivarja ukoll sostanzjalment ma' fatturi bħat-temperatura u l-livell ta' l-umdita' u għalhekk mhux possibbli mill-informazzjoni li teżisti biex wieħed ikun jista' jikkalkula kemm minn dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jiġu attributi għal bidla fil-ħin tas-sajf.

Enemalta — Hedging agreement

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 8207 u cioe' jista' jgħid kemm ilu li twaqqaf il-hedging agreement li kellha l-korporazzjoni Enemalta? Meta kien sar? B'kemm kien jinxtara ż-żejt meta kellna dan il-ftehim u kemm inxtara (b'kull bidla li seħħet fil-prezz u d-data) minn meta twaqqaf sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MDC — Proġett ta' zona għall-industriji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8066 u cioe' jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għall-industriji li għandhom bżonn aċċess għall-baħar, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997, u dwar liema proġett l-MDC, il-MIMCOL u l-Marsa Shipbuilding kienu bdew taħditiet preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern qiegħed jistudja fid-dettal id-diversi mudelli li jistgħu jiġu addattati għal dan il-proġett. Meta tittieħed deċiżjoni finali, din tittħabbar mill-Gvern.

MDC

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8067 u cioe' jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għal servizzi għall-avjazzjoni u industriji relatati, fil-limiti ta' Ħal Safi, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997 wara konsultazzjonijiet mad-dipartiment ta' l-avjazzjoni ċivili u dwar liema proġett l-MDC u l-Forzi Armati ta' Malta kienu waslu għal ftehim preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-settur ta' servizzi għall-avjazzjoni u industriji relatati huwa settur promettenti ħafna. Is-suċċess ta' Lufthansa Technik u Air Malta huma eżempju ċar ta' kif din l-industrija tista' tieħu postha bħalha waħda ewlenija f'pajjiżna. Fil-fatt hemm numru ta' diskussjonijiet għaddejjin bħalissa ma' xi ditti u operaturi barranin li qed iħarsu lejn Malta biex jinvestu f'dan il-qasam. Fil-passat saru diversi diskussjonijiet bejn l-MDC u diversi awtoritajiet fosthom l-Avjazzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta' Malta sabiex jiġi identifikat sit fil-viċinanza tal-ajruport fejn setgħu jiġu allokati dawn il-proġetti. Dawn id-diskussjonijiet qatt ma ġew finalliżżati. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' l-istess awtoritajiet fuq xi proġetti ġodda.

Tarzna ta' Malta — Pagi tal-Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8261 u cioe' jwieġeb mistoqsija parlamentari 7955 u jgħid jekk għal din is-sena t-tarzna hux se jkollha biżżejjed flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha jew il-gvern hux se jkollu jgħaddilha iżjed flus biex ikollha mnejn tħallas il-pagi kollha tal-ħaddiema? Fil-każ li iva, kemm se jkollu jgħaddilha iżjed flus sa l-aħħar tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi t-tarzna ser ikollha flus biżżejjed biex tħallas il-pagi sa l-aħħar tas-sena. Is-sussidju, skond il-budget tal-kumpanija, jammonta għal kważi Lm10 miljuni li fil-parti l-kbira minnhom tmur għall-ħlas tal-pagi. Jeżisti massimu ta' kemm il-Gvern jista' jagħti sussidju lit-tarzna, liema massimu kien stabbilit fil-pjan tat-tarzna u huwa maqbul ma l-Unjoni Ewropeja. Għalhekk il-Gvern irid jiffinanzja is-sussidju mingħajr ma jaqbeż il-massimu stabbilit.

MDP — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 8166 u cioe' jirrispondi wkoll mistoqsija parlamentari 7657 u jgħid x'inhu sehem il-gvern fil-Malta Dairy Products? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ma' l-MDP u kif inhuma mqassma skond il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q. 7657.