Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Dilettanti tal-water polo

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm f'Għawdex għad-dilettanti tal-water polo?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-faċilita' li teżisti f'Għawdex hija dik ta' l-Otters Waterpolo facilty ġewwa Marsalforn.

Għawdex — Swimming Promotion Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iSwimming Promotion Unit toperax f'Għawdex ukoll? Jekk le, hemm xi ħsieb li dan jibda jsir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minħabba li s-Swimming Promotion Unit jeħtieġ pixxina msaħħna, mhux daqstant faċli li dan il-programm ikun introdott f'Għawdex. Madanakollu qed isir studju dwar il-possibiltajiet għal aktar inizjattivi sportivi f'Għawdex.

CEO — Heritage Malta

Question

Kemm-il persuna applikat għal CEO ta' Heritage Malta? X'kienu l-kwalifiki tal-persuna li ntgħażlet? X'esperjenza għandha fil-qasam tal-wirt storiku u tat-tmexxija tad-dipartiment? X'kienet ir-raġuni li l-interviews saru minn ditta ta' awdituri? Min kienu l-persuni tal-bord ta' l-għażla? Jista il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ingħatat iċ-CEO?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ħamsa u erbgħin persuna applikaw għall-kariga ta' CEO ta' Heritage Malta. Is-Sinjura Antoinette Caruana kienet il-persuna magħżula. Għal tlettax il-sena is-Sinjura Caruana okkupat il-kariga ta' General Manager of Human Resources ta' kumpanija ewlenija f'Malta. Barra minnhekk, hi wkoll chairperson tal-Malta Professional and Vocational Qualification Awards Council, Direttur fuq il-Bord ta' l-E.T.C., membru tal-Malta EU Steering Action Committee u kienet ukoll membru tal-Kunsill tal-MEA u tal-Foundation for Human Resources Department. Hi wkoll lecturer fuq bażi part-time fl-Universita' ta' Malta fejn tispeċjalizza fil-Human Resource Management u Change Strategy. Hi wkoll fellow tal-Chartered Institute of Personnel and Development fir-Renju Unit u għandha degree Masters fil-Human Resources mill-Universita' ta' Leicester. Aktar milli esperta fil-qasam tal-wirt storiku, Heritage Malta fittex persuna esperta fir-Resource Management. Heritage Malta wiret mid-Dipartiment tal-Mużewijiet numru ta' nies speċjalizzati fil-qasam tal-wirt storiku. Dwar ir-raba' parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 444. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ingħatat lis-CEO.

Bord — Heritage Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord ta' Heritage Malta? Kemm-il darba ltaqa' dan il-bord minn meta twaqqaf? Xi ħlas jingħata liċ-chairman u lill-membri tal-bord? Iċ-chairman għandu xi ħlas ieħor barra dak ta' chairman?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa — Skola tas-snajja' - momument ta' Dun Gwann Mamo

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li ġewwa l-iskola tas-snajja' fil-Marsa (fl-inħawi ta' Cassar Ship Repair Yard) hemm monument/statwa ta' Dun Gwann Mamo - persuna li għamel ħafna ġid fost it-Tarxiniżi u l-Pawlisti fis-seklu l-ieħor- li ilu abbandunat għal snin sħaħ? Jekk dan jinstab, jista' jiġi restawrat u mqiegħed x'imkien prominenti f'Ħal Tarxien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Dan il-ministeru, għandu indikazzjoni li jeżisti bust ta' Dun Ġwann fl-istore ta' l-ex skola tas-snajja' fil-Marsa kif qal l-Onor. Interpellant. Diġa' ktibna lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex naraw huwiex possibbli li dan il-bust ikun eżaminat minn restawraturi sabiex tiġi evalwata l-ħsara li seta' saritlu u wara li jsirlu r-restawr li jkun hemm bżonn, evantwalment, jitqiegħed f'post li jixraqlu.

Heritage Malta — Logo

Question

Min għamel il-logo ta' Heritage Malta? Kif intgħażel u kemm tħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-logo ta' Heritage Malta kien iddisinjat mill-kumpanija Mangion & Lightfoot Ltd., wara għażla minn bord appuntat apposta għal dan il-għan. Ix-xogħol fuq il-logo sewa Lm 460.

Price Waterhouse Cooper — Heritage Malta

Question

X'servizzi qegħda tagħti d-ditta Price Waterhouse Cooper lil Heritage Malta? Kif intgħażlet din id-ditta u kemm tħallset s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Price Waterhouse Cooper ġiet magħżula biex tidderieġi l-għażla tas-CEO minħabba r-reputazzjoni tajba li għandha fil-qasam ta' Executive Search and Selection Division. Meta kienet ħarġet is-sejħa f'Novembru ta' l-2002, Heritage Malta kienet nieqsa minn strutturi bażiċi ta' amministrazzjoni bħal uffiċċji, segreterija, eċċ. Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li tkun ingaġġata kumpanija privata biex tgħin f'dan il-proċess. Għal dan ix-xogħol, il-kumpanija msemmija se titħallas Lm 825.

Mużewijiet/siti storiċi — Żjajjar minn studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-ministeru tiegħu biex iħajjar aktar studenti u żgħażagħ iżuru mużewijiet u siti storiċi, speċjalment fis-sena skolastika li jmiss?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-mużewijiet u siti għandhom rwol importanti fl-edukazzjoni u t-tagħlim ta' l-istudenti tagħna u, għalhekk, l-aċċessibilita' għalihom għandha tkun aktar faċli. Heritage Malta diġa ħadet inizjattivi biex tindirizza l-aċċessibilita' għal kulħadd, inklużi studenti w żgħażagħ, billi qed tiftah il-mużewijiet u siti storiċi il-Ħadd darba fix-xahar. Sadattant, Heritage Malta, fasslet pjan għal tlett snin li jinkludi laqgħat u wirjiet, possibilment ma' organizzazzjonijiet oħra interessati fil-qasam tal-wirt storiku. Dawn l-attivitajiet mhumiex immirati biss għall-istudenti u żgħażagħ, iżda għall-poplu in ġenerali. Heritage Malta qed taħdem ukoll fuq programm speċifiku għat-tfal ta' l-iskola bil-għajnuna ta' organizzazzjonijet oħra interessati fil-wirt storiku ta' pajjiżna. Qed ikun ukoll imħejji programm ta' riċerka dwar il-wirt storiku li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Ta' min isemmi l-inizjattivi li ħadet Heritage Malta fil-Birgu meta nfetħu l-mużewijiet u siti għall-pubbliku u kienet organizzata treasure hunt edukattiva għat-tfal. Barra minn hekk, il-Kulleġġ ta' St Edward flimkien ma' Din l-Art Ħelwa, u fi ftehim ma' Heritage Malta, organizzat jum ta' tindif fit-tempji ta' Skorba. Din kienet inizjattiva imħejjija apposta biex l-istudenti jingħataw esperjenza diretta tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Bħalissa, Heritage Malta qed tgħin skola privata tiżviluppa programm għas-sajf għall-istudenti tagħha, fuq talba ta' l-istess skola. Heritage Malta tispera li għal sajf ieħor testendi dan il-programm għal skejjel oħra.

Skejjel — Attivitajiet sportivi

Question

Jaqbel il-Ministru li biex iħajjar aktar impenn sportiv bejn l-iskejjel differenti fuq bażi nazzjonali għandhom jiġu organizzati attivitajiet bejn skejjel governattivi, tal-Knisja u dawk indipendenti f' diversi dixxiplini sportivi? X'għajnuna anke organizzativa jista’ jagħti l-Kunsill Malti ta’ l-Isports biex skejjel jieħdu sehem fl-etajiet differenti fuq bażi kompetittiva? Jaqbel li dan l-impenn jista’ wkoll iservi biex jiġu identifikati żgħażagħ bi kwalitajiet sportivi tajbin li b'għajnuna u dedikazzjoni jistgħu jiġu żviluppati biex wara jirrappreżentaw lil pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-liġi ta' l-Isport tipprovdi li l-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni jkollu Direttur nominat minnu biex jirrappreżentah fuq il-Kunsill Malti għall-isport. L-inizjattivi li semma l-Onor. Interpellant jridu jiġu koordinati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Il-ħatra ta' Direttur nominat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni jagħmel dan aktar faċli. Il-bini ta' faċilitajiet sportivi speċjalment bħal tal-Kottonera u l-Karwija, mibnija viċin skejjel, jiffaċilita' l-użu tagħhom minn studenti. Il-Kunsill Malti għall-Isport diġa' qed jikkordina is-Swimming Promotions Unit fejn studenti mill-iskejjel kollha ikunu ntrodotti għall-għawm, fejn talent mhux tas-soltu jigi identifikat u fejn ukoll ikunu organizzati kompetizzjonijiet. Hija wkoll l-intenzjoni tal-Kunsill Malti għall-Isport li jintroduċi programmi bħal dawn f'dixxiplini oħra.

Fondi — EU - Tempji preistorici

Question

Jogħġbu il-Ministru jgħid jekk ġewx individwati fondi mill-UE (jew hux possibbli li dawn il-fondi jiġu tapped) sabiex t-tempji preistoriċi ta' l-Imnajdra timbnielhom xi forma ta' tinda jew ilqugħ li tħarishom mill-elimenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi saret talba għall-fondi mill-Unjoni Ewropeja biex isir ix-xogħol li jinkludi strutturi protettivi u ċentri tal-viżitaturi fit-tempji Neolitiċi meqjusa wirt dinji, fosthom dak ta' l-Imnajdra.

Dipartiment tal-Mużewijiet — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jara xi żvilupp kien hemm dwar il-każ li korrispondenza dwaru tinsab ma' din il-mistoqsija? (Id-dettalji annessi flimkien ma' kopja ta' ittra in konnessjoni ma' din il-mistoqsija qed jintbagħtu separatament).

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun trattat mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali u r-rappreżentant f'Malta tal-persuna konċernata. Dawn it-trattattivi qed isiru skond il-provedimenti tal-liġi l-ġdida dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali.